Ġonna Botaniċi ta' Singapore
ġonna botaniċi li jinsabu f'Singapore / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Ġonna Botaniċi ta' Singapore huma ġnien tropikali antik 163 sena li jinsab fil-periferija tad-distrett tax-xiri ta' Orchard Road f'Singapore. Huma wieħed minn tliet ġonna, u l-unika ġnien tropikali, li ġew rikonoxxuti bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][2] Il-Ġonna Botaniċi ta' Singapore ġew ikklassifikati bħala l-aqwa park fl-Asja mill-2013 mit-TripAdvisor Travellers' Choice Awards.[3] Ġew iddikjarati wkoll bħala l-Ġnien tas-Sena inawgurali fl-International Garden Tourism Awards fl-2012.
Il-Ġonna Botaniċi ġew stabbiliti fis-sit attwali fl-1859 mis-Soċjetà Agri-Ortikulturali. Kellhom rwol kruċjali fl-aqwa snin tal-kummerċ tal-lastiku fir-reġjun fil-bidu tas-seklu 20 meta l-ewwel direttur xjentifiku tagħhom, Henry Nicholas Ridley, mexxa r-riċerka fil-qasam tal-kultivazzjoni tal-pjanti. Permezz tal-ipperfezzjonar tat-teknika tal-estrazzjoni tal-lastiku, li għadha tintuża sa llum il-ġurnata, u permezz tal-promozzjoni tal-valur ekonomiku tal-lastiku lill-bdiewa fir-reġjun, l-output tal-lastiku kiber b'mod rapidu ħafna. Fl-aqwa tagħha fis-snin 20 tas-seklu 20, il-peniżola Malajana kellha f'idejha nofs il-produzzjoni globali tal-latex.
Il-Ġnien Nazzjonali tal-Orkidej, li jinsab fi ħdan il-ġonna prinċipali, huwa minn ta' quddiem nett fl-istudji dwar l-orkidej u huwa pijunier fil-kultivazzjoni ta' ibridi. B'hekk jikkomplementa l-istatus tan-nazzjon bħala esportatur ewlieni ta' orkidej maqtugħin. Bl-għajnuna tal-klima ekwatorjali, il-ġnien fih l-ikbar kollezzjoni ta' orkidej fid-dinja, b'1,200 speċi u 2,000 ibridu.
Fil-bidu tal-indipendenza tan-nazzjon, il-Ġonna Botaniċi ta' Singapore kienu ta' għajnuna biex b'għarfien espert l-gżira tiġi ttrasformata fuq livell dinji f'belt li fiha nnifisha tkun rikonoxxuta bħala ġnien tropikali. Fl-1981, l-orkidea xeblikija ibrida, Vanda Miss Joaquim, intgħażlet bħala l-fjura nazzjonali tal-pajjiż. Id-"diplomazija tal-orkidej" ta' Singapore tonora lill-kapijiet ta' stat, lid-dinjitarji u liċ-ċelebritajiet li jżuru l-pajjiż billi waħda mill-ifjen orkidej ibridi tissemma għalihom; dawn il-fjuri jintwerew fil-Ġonna popolari tal-Orkidej tal-Iżjed Nies Importanti.[4][5]
Il-Ġonna Botaniċi jiftħu kuljum mill-5 ta' filgħodu sa nofsillejl u d-dħul huwa mingħajr ħlas[6], għajr il-Ġnien Nazzjonali tal-Orkidej. Iżjed minn 10,000 speċi ta' fjuri u pjanti huma mifruxa f'erja ta' iktar minn 82 ettaru (200 akru). Din l-erja hija estiża vertikalment ukoll; l-itwal distanza bejn it-truf tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar hi ta' 2.5 km (1.6 mil). Il-Ġonna Botaniċi ta' Singapore jilqgħu madwar 4.5 miljun viżitatur kull sena.