Baħar ta' Wadden
żona intermareali fix-Xlokk tal-Baħar tat-Tramuntana li tmiss man-Netherlands, mal-Ġermanja u mad-Danimarka / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Baħar ta' Wadden (bl-Olandiż: Waddenzee [ˈʋɑdə(n)zeː]; bil-Ġermaniż: Wattenmeer; bil-Ġermaniż kollokjali: Wattensee jew Waddenzee; bid-Daniż: Vadehavet; bil-Frisjan tal-Punent: Waadsee; bil-Frisjan tat-Tramuntana: di Heef) huwa żona intermareali fix-Xlokk tal-Baħar tat-Tramuntana. Jinsab bejn il-kosta tal-Majjistral tal-Ewropa kontinentali u l-firxa ta' Gżejjer Frisjani baxxi, u jifforma korp tal-ilma baxx b'artijiet mareali u b'artijiet mistagħdra. Il-Baħar ta' Wadden għandu diversità bijoloġika rikka u huwa żona importanti għat-tnissil u għall-passa tal-għasafar. Fl-2009, il-partijiet tal-Baħar ta' Wadden li jagħmlu man-Netherlands u mal-Ġermanja tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u l-parti li tagħmel mad-Danimarka ġiet miżjuda f'Ġunju 2014.[1][2][3]
Il-Baħar ta' Wadden jestendi minn Den Helder, fil-Majjistral tan-Netherlands, ikompli tul l-estwarji l-kbar tax-xmajjar tal-Ġermanja, u jibqa' sejjer sal-konfini tat-Tramuntana ta' Skallingen fid-Danimarka, tul kosta totali ta' xi 500 kilometru u erja totali ta' madwar 10,000 km2. Fi ħdan in-Netherlands, il-Baħar ta' Wadden huwa kkonfinat mill-Ijsselmeer permezz tal-Afsluitdijk. Storikament, ir-reġjuni kostali spiss kienu soġġetti għal għargħar kbar, li rriżultaw f'eluf ta' mwiet, inkluż l-għargħar ta' San Marcellus tal-1219, l-għargħar ta' Burchardi tal-1634 u l-għargħar tal-Milied tal-1717. Uħud minn dawn l-għargħar bidlu l-kosta b'mod sinifikanti.[4][5] Bosta digi[6] u diversi mogħdijiet għoljin inbnew u bis-saħħa tagħhom kien hemm ftit li xejn fatalitajiet fl-aħħar għargħar[7] (anke jekk xi digi xi drabi, f'episodji rari reċenti, ma kinux biżżejjed). B'hekk il-Baħar ta' Wadden huwa fost l-iktar ħabitats mibdula mill-bniedem fil-pjaneta.[8]