Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fl-Indoneżja
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Indoneżja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] L-Indoneżja rratifikat il-Konvenzjoni fis-6 ta' Lulju 1989, u b'hekk is-siti indikattivi tagħha setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
B'kollox l-Indoneżja għandha għaxar Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, sitta kulturali u erba' naturali. L-ewwel erba' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-Indoneżja żdiedu fl-1991: il-Kumpless tat-Tempji ta' Borobudur, il-Kumplessi tat-Tempji ta' Prambanan, il-Park Nazzjonali ta' Komodo u il-Park Nazzjonali ta' Ujung Kulon. L-iżjed sit li żdied reċentement mill-Indoneżja huwa l-Assi Kożmoloġiku ta' Yogyakarta u l-Binjiet Storiċi tagħha, fl-2023. Fl-2011, il-Wirt tal-Foresti Tropikali ta' Sumatra tniżżlu fil-lista tas-siti fil-periklu, minħabba t-theddidiet tal-insib, tal-qtugħ illegali tas-siġar, tal-iżvilupp agrikolu, tal-pjanijiet biex jinbnew toroq li jgħaddu minn ġos-sit.[4]