Çatalhöyük
sit arkeoloġiku fil-Provinċja ta' Konya, it-Turkija / From Wikipedia, the free encyclopedia
Çatalhöyük (pronunzja bit-Tork: [tʃaˈtaɫhœjyc]; miktuba wkoll Çatal Höyük u Çatal Hüyük; çatal + höyük bit-Tork tfisser "tumbata mifruqa fi tnejn") kien insedjament ta' protobelt Neolitika u Kalkolitika kbira ħafna fin-Nofsinhar tal-Anatolja, li kien jeżisti għall-ħabta tas-7500 Q.K. sas-6400 Q.K., u li ffjorixxa għall-ħabta tas-7000 Q.K.[1] F'Lulju 2012, is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]
Çatalhöyük jinsab 'il fuq mill-Pjanura ta' Konya, fix-Xlokk tal-belt ta' Konya (li fil-qedem kienet magħrufa bħala Iconium) fit-Turkija, madwar 140 kilometru mill-vulkan b'żewġ koni ta' Hasan. L-insedjament tal-Lvant jifforma tumbata li x'aktarx li kienet titla' sa 20 metru 'l fuq mill-pjanura fi żmien l-aħħar okkupazzjoni Neolitika. Hemm ukoll tumbata ta' insedjament iżgħar lejn il-Punent kif ukoll insedjament Biżantin ftit mijiet ta' metri iktar lil hinn lejn il-Lvant. It-tumbati tal-insedjamenti preistoriċi ġew abbandunati qabel Żmien il-Bronż. Kanal tax-xmara Çarşamba fl-imgħoddi kien inixxi bejn iż-żewġ tumbati, u l-insedjament kien mibni fuq saff tat-tafal qrib ix-xmara li x'aktarx li kien għammiel ħafna għall-agrikoltura bikrija.