Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja
Sit ta' Wirt Dinji fl-Awstralja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Iż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-Tażmanja, l-Awstralja.[1][2] Din hija waħda mill-ikbar żoni ta' konservazzjoni fl-Awstralja u tkopri 15,800 km2 (6,100 mil kwadru), jew kważi 25 % tat-Tażmanja. Kienet ukoll waħda mill-aħħar irqajja' ta' natura selvaġġa miti fid-dinja, u tinkludi ż-Żona Naturali Selvaġġa tal-Lbiċ.
L-industrija prinċipali taż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja hija t-turiżmu, iżda r-reġjun għandu nuqqas ta' żvilupp parzjalment minħabba t-trikkib tal-iżvilupp mal-idea ta' natura mhux mittiefsa. Ma hemm l-ebda abitazzjoni permanenti fiż-żona għajr xi nħawi żgħar fil-periferija. Ir-reġjun huwa magħruf għal attivitajiet bħall-mixi fin-natura, il-whitewater rafting u t-tixbit.
Iż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja ntgħażlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO abbażi ta' seba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO. Flimkien mal-muntanja Tai fiċ-Ċina, għandha l-ogħla ammont ta' kriterji għar-rikonoxximent bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
Iż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO għall-ewwel darba fl-1982 permezz ta' arranġamenti konġunti bejn il-gvern federali tal-Awstralja u l-gvern tat-Tażmanja matul il-kontroversja tad-Dig ta' Franklin, u s-sit ġie estiż fl-1989 wara l-Inkjesta ta' Helsham, deċiżjoni li permezz tagħha ġiet protetta foresta tas-siġar tal-ewkaliptu mill-qtugħ tas-siġar. Minħabba li l-ippjanar u l-ġestjoni taż-żona matul is-snin 90 tas-seklu 20 ma kinux skont l-istandard għoli mistenni, tfassal pjan ta' ġestjoni u ġie ppromulgat fl-1992, u mbagħad iktar 'il quddiem ġie sostitwit bi pjan ta' ġestjoni ġdid fl-1999. Fl-2014, il-gvern ta' Abbott ippropona li ż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja titneħħa mil-lista tal-UNESCO sabiex ikun jista' jitħalla l-qtugħ tas-siġar fi ħdan iż-żona protetta. Din il-proposta ġiet irrifjutata mill-Kumitat tal-Wirt Dinji fl-istess sena. Fl-2016, il-gvern tat-Tażmanja rtira l-proposta li jiġi permess il-qtugħ tas-siġar fiż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja.