żona intermareali fix-Xlokk tal-Baħar tat-Tramuntana li tmiss man-Netherlands, mal-Ġermanja u mad-Danimarka From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Baħar ta' Wadden (bl-Olandiż: Waddenzee [ˈʋɑdə(n)zeː]; bil-Ġermaniż: Wattenmeer; bil-Ġermaniż kollokjali: Wattensee jew Waddenzee; bid-Daniż: Vadehavet; bil-Frisjan tal-Punent: Waadsee; bil-Frisjan tat-Tramuntana: di Heef) huwa żona intermareali fix-Xlokk tal-Baħar tat-Tramuntana. Jinsab bejn il-kosta tal-Majjistral tal-Ewropa kontinentali u l-firxa ta' Gżejjer Frisjani baxxi, u jifforma korp tal-ilma baxx b'artijiet mareali u b'artijiet mistagħdra. Il-Baħar ta' Wadden għandu diversità bijoloġika rikka u huwa żona importanti għat-tnissil u għall-passa tal-għasafar. Fl-2009, il-partijiet tal-Baħar ta' Wadden li jagħmlu man-Netherlands u mal-Ġermanja tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u l-parti li tagħmel mad-Danimarka ġiet miżjuda f'Ġunju 2014.[1][2][3]
Il-Baħar ta' Wadden jestendi minn Den Helder, fil-Majjistral tan-Netherlands, ikompli tul l-estwarji l-kbar tax-xmajjar tal-Ġermanja, u jibqa' sejjer sal-konfini tat-Tramuntana ta' Skallingen fid-Danimarka, tul kosta totali ta' xi 500 kilometru u erja totali ta' madwar 10,000 km2. Fi ħdan in-Netherlands, il-Baħar ta' Wadden huwa kkonfinat mill-Ijsselmeer permezz tal-Afsluitdijk. Storikament, ir-reġjuni kostali spiss kienu soġġetti għal għargħar kbar, li rriżultaw f'eluf ta' mwiet, inkluż l-għargħar ta' San Marcellus tal-1219, l-għargħar ta' Burchardi tal-1634 u l-għargħar tal-Milied tal-1717. Uħud minn dawn l-għargħar bidlu l-kosta b'mod sinifikanti.[4][5] Bosta digi[6] u diversi mogħdijiet għoljin inbnew u bis-saħħa tagħhom kien hemm ftit li xejn fatalitajiet fl-aħħar għargħar[7] (anke jekk xi digi xi drabi, f'episodji rari reċenti, ma kinux biżżejjed). B'hekk il-Baħar ta' Wadden huwa fost l-iktar ħabitats mibdula mill-bniedem fil-pjaneta.[8]
Il-kelma wad hija kelma Frisjana u Olandiża li tfisser "art mareali bit-tajn" (bil-Ġermaniż: Watt, bid-Daniż: Vade). Iż-żona hija kkaratterizzata minn artijiet mareali bit-tajn estensivi, trinek mareali iktar fondi (qaliet mareali) u gżejjer, f'reġjun f'taqbida bejn l-art u l-baħar.[9]
Il-pajsaġġ fil-biċċa l-kbira tiegħu fforma permezz ta' mareat tat-tempesti fis-sekli 10 sa 14, li ħakmu ħafna raba' bil-peat wara d-duni kostali. Il-gżejjer attwali huma fdalijiet tad-duni kostali preċedenti.
Lejn il-Baħar tat-Tramuntana, il-gżejjer għandhom bosta duni bajjiet wesgħin bir-ramel, u lejn il-Baħar ta' Wadden, il-gżejjer għandhom kosta mareali baxxa. L-impatt tal-mewġ u l-kurrenti li jġorru magħhom is-sedimenti bil-mod il-mod qed jibdlu kemm il-mases tal-art kif ukoll il-kosta. Pereżempju, il-gżejjer ta' Vlieland u Ameland resqu lejn il-Lvant matul is-sekli, u tilfu l-art minn naħa u żiduha min-naħa l-oħra.
Il-Baħar ta' Wadden huwa famuż għall-flora u l-fawna rikka tiegħu, speċjalment l-għasafar. Mijiet ta' eluf ta' għasafar tal-kosta, papri u wiżż jużaw iż-żona bħala post fejn jieqfu jistrieħu waqt il-passa jew fix-xitwa. Huwa wkoll ħabitat rikk għall-gawwi u għaċ-ċirlewwi[10], kif ukoll għal diversi speċijiet ta' russetti, paletti u għasafar tal-priża, inkluż popolazzjoni żgħira u li qed tiżdied ta' ajkli tad-denb abjad li qed jitnisslu fiż-żona.[11] Madankollu, il-bijodiversità tal-Baħar ta' Wadden qed tonqos meta mqabbla mal-imgħoddi; fir-rigward tal-għasafar, fl-imgħoddi kienu komuni wkoll il-fjamingi u l-pellikani tad-Dalmazji, mill-inqas fiż-żmien ottimali tal-Oloċen meta l-klima kienet iktar sħuna.[12][13] Minħabba l-attività tal-bniedem u t-tibdil fl-ambjent, xi speċijiet ġew estinti, filwaqt li oħrajn mistennija jibdew ipassu hemmhekk.[14][15]
Fost il-ħut il-kbir hemm ir-rebekkini, is-salamun tal-Atlantiku u t-trota tal-baħar li għadhom preżenti f'diversi sezzjonijiet tal-Baħar ta' Wadden, iżda oħrajn bħall-isturjun Ewropew għadhom jgħixu fir-reġjun bis-saħħa ta' proġett ta' introduzzjoni mill-ġdid. L-unika popolazzjoni naturali ta' houting (Coregonus oxyrhynchus) li għad fadal fid-dinja għadha tgħix fil-parti Daniża tal-Baħar ta' Wadden u ntużat bħala l-bażi għal introduzzjonijiet mill-ġdid iktar lejn in-Nofsinhar, iżda għad hemm konfużjoni tassonomika konsiderevoli dwar l-istatus tal-ispeċi (jekk hijiex l-istess bħall-houting li xi darba kienet tgħix iktar lejn in-Nofsinhar fil-Baħar ta' Wadden).[16][17] Il-gajdri Ewropej xi darba kienu jiffurmaw saffi kbar sħaħ fir-reġjun u kienu għadhom jeżistu sa xi ftit deċennji ilu, meta nqerdu għalkollox minħabba kombinament ta' mard u l-firxa invażiva kontinwa tal-gajdri tal-Paċifiku, li ħadet post il-gajdri Ewropej fil-Baħar ta' Wadden.[18] Speċjalment il-parti tal-Lbiċ tal-Baħar ta' Wadden naqset ferm. Storikament, ir-Renu kien bil-bosta l-iktar xmara importanti li kienet tnixxi f'din is-sezzjoni, iżda naqset ferm minħabba d-digi. B'riżultat ta' dan, madwar 90 % tal-ispeċijiet kollha li storikament kienu jgħixu f'dik il-parti tal-Baħar ta' Wadden jinsabu f'riskju.[19]
Il-Baħar ta' Wadden huwa ħabitat importanti għall-foki komuni u għall-foki griżi. Id-dniefel suwed u d-dniefel ta' geddumhom abjad huma l-unika ċetaċji residenti tal-Baħar ta' Wadden. Kien hemm żmien fejn kienu estinti fil-parti tan-Nofsinhar iżda reġgħu kkolonizzaw iż-żona mill-ġdid.[20] Bosta ċetaċji oħra jżuru l-baħar staġonalment, jew okkażjonalment.[21][22] Fl-istorja reċenti, il-balieni tat-Tramuntana tal-Atlantiku u l-balieni griżi (issa estinti fit-Tramuntana tal-Atlantiku)[23] kienu preżenti fir-reġjun, u x'aktarx kienu jużaw l-ilmijiet kalmi u baxxi għall-ikel u għat-tnissil tagħhom. Kien hemm teorija li kienet tgħid li dawn iċ-ċetaċji ġew ikkaċċjati mill-kaċċaturi tal-balieni tul il-kosta fi żminijiet Medjevali.[24][25] Ġeneralment kienu ilhom meqjusa estinti fir-reġjun, iżda fin-Netherlands x'aktarx li baliena tat-Tramuntana tal-Atlantiku ġiet osservata qrib il-bajjiet tal-gżira ta' Texel, waħda mill-Gżejjer Frisjani tal-Punent u lil hinn minn Steenbanken, Schouwen-Duiveland f'Lulju 2005.[26] Żidiet reċenti fl-għadd ta' balieni tal-ġwienaħ kbar jew megatteri u balenotteri żgħar tat-Tramuntana tal-Atlantiku jaf irriżultaw f'iktar żjarat u possibbilment f'kolonizzazzjoni mill-ġdid mill-ispeċijiet fiż-żoni speċjalment madwar Marsdiep.[27][28] Huwa mistenni wkoll li fil-ġejjieni jiġu rkuprati d-dniefel geddumhom qasir lokali li kienu estinti.[20]
Għadd ta' speċijiet invażivi introdotti mill-bniedem, inkluż algi, pjanti, u organiżmi iżgħar, qed jikkawżaw effetti negattivi fuq l-ispeċijiet indiġeni.[29]
It-tliet pajjiżi li jmiss magħhom il-Baħar ta' Wadden għandhom siti Ramsar fir-reġjun.
Għalkemm il-Baħar ta' Wadden għadu mhux elenkat bħala sit Ramsar transkonfinali, parti kbira mill-Baħar ta' Wadden huwa protett b'kooperazzjoni bejn it-tliet pajjiżi. Il-gvernijiet tan-Netherlands, tad-Danimarka u tal-Ġermanja ilhom jaħdmu flimkien mill-1978 għall-protezzjoni u għall-konservazzjoni tal-Baħar ta' Wadden. Il-kooperazzjoni tkopri l-ġestjoni, il-monitoraġġ u r-riċerka, kif ukoll kwistjonijiet politiċi. Barra minn hekk, fl-1982, intlaħaq qbil fuq Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Protezzjoni tal-Baħar ta' Wadden sabiex jiġu kkoordinati l-attivitajiet u l-miżuri għall-protezzjoni tal-Baħar ta' Wadden. Fl-1997 ġie adottat Pjan Trilaterali dwar il-Baħar ta' Wadden.[30][31][32]
Fl-1986, iż-Żona tal-Baħar ta' Wadden ġiet iddikjarata bħala riżerva ta' bijosfera mill-UNESCO.[33]
F'Ġunju 2009, il-Baħar ta' Wadden (il-partijiet taż-Żona ta' Konservazzjoni Olandiża tal-Baħar ta' Wadden u l-Parks Nazzjonali Ġermaniżi tal-Baħar ta' Wadden ta' Niedersachsen u ta' Schleswig-Holstein) ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[34] Modifika minuri fil-konfini fl-2011 żiedet il-Park Nazzjonali tal-Baħar ta' Wadden f'Hamburg, u fl-2014 ġiet miżjuda l-parti li tagħmel mad-Danimarka.[3]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[3]
Ħafna mill-gżejjer ilhom postijiet popolari għall-baħar u għall-bajjiet mis-seklu 19.
Iż-żjarat turistiċi fl-artijiet mareali bit-tajn, fejn dak li jkun imur jimxi fuq ir-ramel imtajjen meta l-marea tkun baxxa, saru popolari fil-Baħar ta' Wadden.[35]
Ir-reġjun huwa popolari wkoll ma' dawk li jħobbu l-opri tal-baħar rikreattivi.
Il-parti Ġermaniża tal-Baħar ta' Wadden intużat bħala l-pajsaġġ għar-rumanz tal-1903 ta' Erskine Childers, The Riddle of the Sands u għar-rumanz tal-1915 ta' Else Ury, Nesthäkchen in the Children's Sanitorium.
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.