Bauhaus u s-Siti tal-Moviment f'Weimar, f'Dessau u f'Bernau
Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Ġermanja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Bauhaus u s-Siti tal-Moviment f'Weimar, f'Dessau u f'Bernau huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Ġermanja magħmul minn sitt komponenti differenti li huma assoċjati mal-moviment tad-disinn, tal-arkitettura u tal-arti tal-Bauhaus. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996 b'erba' komponenti inizjali, u mbagħad fl-2017 żdiedu żewġ komponenti oħra.[1]
Il-moviment tal-Bauhaus kien operattiv biss mill-1919 sal-1933 u ħarreġ lil mhux iktar minn 1,250 student, li minnhom 155 student biss effettivament iggradwaw b'lawrja tal-Bauhaus.[2] Minkejja dan, il-moviment irrivoluzzjona l-ħsieb u l-prattika arkitettoniċi u estetiċi tas-seklu 20.
"Il-binjiet iddisinjati mill-esponenti ewlenin tal-Bauhaus huma rappreżentanti fundamentali tal-Moderniżmu Klassiku... Għal din ir-raġuni, il-binjiet huma monumenti importanti mhux biss għall-arti u għall-kultura, iżda anke għall-ideat storiċi tas-seklu 20" – l-Applikazzjoni għall-estensjoni tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tad-delegazzjoni Ġermaniża tal-UNESCO ta' Diċembru 2015.[1]