Fabbriki tal-Wied ta' Derwent
Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fir-Renju Unit fejn inbnew l-ewwel fabbriki tal-għażil tal-qoton imħaddma bl-enerġija mill-ilma / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Fabbriki tal-Wied ta' Derwent (bl-Ingliż: Derwent Valley Mills) huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tul ix-xmara Derwent f'Derbyshire, l-Ingilterra, li tniżżlu fil-lista f'Diċembru 2001.[1] Is-sit huwa amministrat mis-Sħubija tal-Fabbriki tal-Wied ta' Derwent (bl-Ingliż: Derwent Valley Mills Partnership). Is-sistema ta' fabbriki moderni twieldet hemmhekk fis-seklu 18 sabiex takkomoda t-teknoloġija l-ġdida għall-għażil tal-qoton żviluppata minn Richard Arkwright. Bl-avvanzi fit-teknoloġija, sar possibbli li l-qoton jiġi prodott b'mod kontinwu. Is-sistema ġiet adottata fil-wied kollu, u iktar 'il quddiem infirxet tant li sal-1788 kien hemm iktar minn 200 fabbrika tat-tip ta' Arkwright fir-Renju Unit. L-invenzjonijiet ta' Arkwright u s-sistema tiegħu ta' organizzazzjoni tax-xogħol ġew esportati lejn l-Ewropa u l-Istati Uniti.
Is-sistema tal-enerġija mill-ilma ġiet introdotta għall-ewwel darba fl-Ingilterra minn John Lombe fil-fabbrika tal-ħarir tiegħu f'Derby fl-1719, iżda kien Richard Arkwright li applika din is-sistema għall-proċess tal-produzzjoni tal-qoton fis-snin 70 tas-seklu 18. Il-privattiva tiegħu ta' qafas tal-ilma ppermettiet li l-qoton jingħażel b'mod kontinwu, u dan kien ifisser li seta' jiġi prodott minn ħaddiema mingħajr sengħa. Il-Fabbrika ta' Cromford kienet is-sit fejn inbniet l-ewwel fabbrika ta' Arkwright, u dak iż-żmien il-villaġġ ta' Cromford fil-qrib tkabbar b'mod sinifikanti għall-forza tax-xogħol il-ġdida; din is-sistema ta' produzzjoni u ta' abitazzjonijiet tal-ħaddiema ġiet ikkopjata fil-wied kollu. Sabiex tiġi żgurata l-preżenza ta' forza tax-xogħol, kien meħtieġ li jinbnew l-abitazzjonijiet għall-ħaddiema tal-fabbrika. Għalhekk ġew stabbiliti insedjamenti ġodda mis-sidien tal-fabbriki qrib il-fabbriki stess – xi kultant billi żviluppaw komunità preeżistenti – bil-faċilitajiet tagħhom stess bħal skejjel, kappelli u swieq. Il-biċċa l-kbira tal-abitazzjonijiet għadhom jeżistu u għadhom jintużaw. Dawn jiffurmaw parti mis-sit flimkien mal-infrastruttura tat-trasport. L-infrastruttura tat-trasport inbniet sabiex jinfetħu swieq ġodda għall-prodotti tal-fabbriki.
Il-fabbriki u l-insedjamenti tal-ħaddiema ġew stabbiliti f'Belper, f'Darley Abbey u f'Milford mill-kompetituri ta' Arkwright. Il-fabbriki tat-tip ta' Arkwright tant kellhom suċċess li xi kultant kienu jiġu kkopjati mingħajr ma jitħallsu r-royalties lil Richard Arkwright. L-industrija tal-qoton fil-Wied ta' Derwent qabdet it-triq tan-niżla fl-ewwel kwart tas-seklu 19 meta s-suq xaqleb lejn Lancashire li kienet tinsab f'pożizzjoni aħjar b'rabta mas-swieq u mal-materja prima. Il-fabbriki u l-binjiet assoċjati magħhom huma ppreservati sew u ntużaw mill-ġdid wara d-deklin tal-industrija tal-qoton. Ħafna mill-binjiet fi ħdan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huma binjiet elenkati u Monumenti Skedati. Uħud mill-fabbriki issa fihom mużewijiet u huma miftuħa għall-pubbliku.
It-Trust tal-Wied ta' Derwent issa hija involuta fil-ħolqien ta' mogħdija għar-roti tul is-Sit ta' Wirt Dinji kollu sabiex jiġu promossi t-turiżmu u l-ivvjaġġar sostenibbli.[2]