Genova: It-Toroq Ġodda u s-Sistema tal-Palazzi tal-Listi
Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Italja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Genova: It-Toroq Ġodda u s-Sistema tal-Palazzi tal-Listi huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jinkludi għadd ta' toroq u palazzi fiċ-ċentru ta' Genova, fir-reġjun ta' Liguria fil-Majjistral tal-Italja.[1]
It-Toroq Ġodda (bit-Taljan: Strade Nuove) huma grupp ta' toroq li nbnew mill-aristokrazija ta' Genova matul it-tkabbir tal-belt fi żmien meta r-Repubblika ta' Genova kienet laħqet il-qofol tas-setgħa finanzjarja u marittima tagħha. It-Toroq Ġodda huma Via Giuseppe Garibaldi (1558-1583, li qabel kienet Strada Maggiore jew Strada Nuova) u Via Balbi (1602-1620, li qabel kienet Strada Balbi), u wara żdiedet ukoll Via Cairoli (1778-1786, li qabel kienet Strada Nuovissima).
Il-Palazzi tal-Listi (bit-Taljan: Palazzi dei Rolli) huma grupp ta' palazzi, li l-biċċa l-kbira minnhom imorru lura wkoll għall-aħħar tas-seklu 16 u l-bidu tas-seklu 17, li kien assoċjati ma' sistema partikolari ta' "abitazzjonijiet pubbliċi" f'residenzi privati, fejn mistednin notevoli fuq żjara statali fir-Repubblika kienu jiġu ospitati f'wieħed minn dawn il-palazzi f'isem l-Istat.
Fit-13 ta' Lulju 2006, tnejn u erbgħin mill-163 palazz oriġinarjament inklużi f'waħda mill-ħames listi pubbliċi msejħa "Rolli" (jiġifieri Listi) ġew inklużi fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-kumitat speċjali tal-UNESCO li ltaqa' f'Vilnius, il-Litwanja. Is-sit jinkludi ġabra ta' palazzi Rinaxximentali u Barokki tul l-hekk imsejħa "toroq ġodda", li joffru varjetà straordinarja ta' soluzzjonijiet differenti, u jiksbu valur universali permezz tal-adattament tagħhom għall-karatteristiċi partikolari tas-sit u għar-rekwiżiti ta' organizzazzjoni soċjali u ekonomika speċifika. Barra minn hekk, joffru wkoll eżempju oriġinali ta' network pubblika ta' residenzi privati maħsuba biex jospitaw żjarat statali.[1]
Fl-20 ta' Jannar 2007, l-UNESCO żvelat plakka f'Via Garibaldi, li qabel kienet Strada Nuova, li tispjega r-raġunijiet għalfejn it-Toroq Ġodda u s-Sistema tal-Palazzi tal-Listi tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO:
L-ikbar djar, b'għamliet u b'distribuzzjoni differenti, li ntgħażlu b'mod aleatorju fil-listi (rolli) biex jospitaw iż-żjarat statali. Il-binjiet, spiss mibnija fuq art mhux watja, kienu jiffurmaw atriju mtarraġ, bitħa, taraġ, ġnien u tiżjin intern rikk, u jesprimu identità soċjali u ekonomika unika u l-bidu tal-arkitettura urbana tal-era moderna fl-Ewropa.
Uħud mill-Palazzi tal-Listi llum il-ġurnata jintużaw bħala binjiet pubbliċi, mużewijiet, uffiċċji u residenzi privati. Fost il-palazzi miftuħa għall-pubbliku, Palazzo Rosso, Palazzo Bianco u Palazzo Doria Tursi flimkien jikkostitwixxu l-Mużewijiet ta' Strada Nuova li jinsabu f'Via Garibaldi.[2]