l-iżjed stilla li tiddi fil-kostellazzjoni ta' Ursa Minuri From Wikipedia, the free encyclopedia
Kewkbet is-Safar,[1] magħrufa wkoll bħala Polaris jew Stilla Polari, hija stilla fil-kostellazzjoni ċirkumpolari tat-Tramuntana ta' Ursa Minuri. Hija ddeżinjata bħala α Ursae Minoris (Latinizzata għal Alpha Ursae Minoris). B'kobor apparenti li jvarja madwar 1.98,[2] din hija l-iżjed stilla li tiddi fil-kostellazzjoni u tidher ċar billejl b'għajnejn il-bniedem.[3] Il-pożizzjoni tal-istilla tinsab inqas minn 1° 'il bogħod mill-pol ċelestjali tat-Tramuntana, u b'hekk hija l-istilla polari attwali tat-Tramuntana. Il-pożizzjoni stabbli tal-istilla fis-Sema tat-Tramuntana tagħmilha utli għan-navigazzjoni.
Bħala l-eqreb varjabbli Ċefeida, id-distanza tagħha tintuża bħala parti mis-sellum tad-distanza kożmika. Il-parallass stellari rivedut ta' Hipparcos jagħti distanza stellar sa Polaris ta' madwar 433 sena tad-dawl (133 parsec), filwaqt li l-missjoni Gaia suċċessiva tagħti distanza ta' madwar 448 sena tad-dawl (137 parsec). Il-kalkoli b'metodi oħra jvarjaw ħafna.
Għalkemm bil-vista tidher bħala punt uniku ta' dawl, Polaris hija sistema ta' tliet stilel, magħmula minn stilla primarja, u superġgant isfar iddeżinjat bħala Polaris Aa, f'orbita ma' oġġett ċelestjali iżgħar, Polaris Ab; il-par jinsab f'orbita usa' ma' Polaris B. Il-par AB ta' barra ġie skopert f'Awwissu 1779 minn William Herschel, fejn "A" tirreferi għal dak li huwa magħruf bħala l-par Aa/Ab.
Polaris Aa hija superġgant isfar evolut tat-tip spettrali F7Ib b'mases solari ta' 5.4 (M☉). Hija l-ewwel stilla Ċefeida li għandha massa ddeterminata mill-orbita tagħha. Iż-żewġ stilel iżgħar tas-sistema huma Polaris B, stilla tas-sekwenza prinċipali 1.39 M☉ F3 li qed torbita f'distanza ta' 2,400 unità astronomika (AU),[4] u Polaris Ab (jew P), stilla tas-sekwenza prinċipali F6 qrib ħafna b'massa ta' 1.26 M☉. Polaris B tidher b'teleskopju mudest. William Herschel skopra l-istilla f'Awwissu 1779 billi uża teleskopju riflettenti tiegħu stess,[5] li kien wieħed mill-aqwa teleskopji ta' dak iż-żmien. F'Jannar 2006, in-NASA rrilaxxat immaġnijiet mit-teleskopju Hubble, li wrew it-tliet komponenti tas-sistema ternarja ta' Polaris.[6]
Il-veloċità radjali varjabbli ta' Polaris A ġiet irrapportata minn W. W. Campbell fl-1899, li ssuġġerixxa li din l-istilla kienet sistema binarja.[7] Peress li Polaris A kienet varjabbli Ċefeida magħrufa, J. H. Moore fl-1927 wera li l-bidliet fil-veloċità tul il-linja tal-vista kienu dovuti għal kombinament tal-perjodu ta' pulsazzjoni ta' erbat ijiem flimkien ma' perjodu orbitali ferm itwal u eċċentriċità ikbar ta' madwar 0.6.[8] Moore ppubblika l-elementi orbitali preliminari ta-sistema fl-1929, u ddikjara li l-perjodu orbitali kien ta' madwar 29.7 sena b'eċċentriċità ta' 0.63. Dan il-perjodu ġie kkonfermat minn studji proprja taċ-ċaqliq li twettqu minn B. P. Gerasimovič fl-1939.[9]
Bħala parti mit-teżi tad-dottorat tagħha, fl-1955 E. Roemer użat d-data tal-veloċità radjali sabiex tasal għal perjodu orbitali ta' 30.46 y għas-sistema ta' Polaris A, b'eċċentriċità ta' 0.64.[10] K. W. Kamper fl-1996 ipproduċa elementi iktar irfinati b'perjodu ta' 29.59±0.02 sena u b'eċċentriċità ta' 0.608±0.005.[11] Fl-2019, studju ta' R. I. Anderson wassal għal riżultat ta' perjodu ta' 29.32±0.11 sena b'eċċentriċità ta' 0.620±0.008.
Fl-imgħoddi kien maħsub li kien hemm żewġ komponenti sseparati b'mod iktar wiesa' — Polaris C u Polaris D —iżda ntwera li dawn ma kinux assoċjati fiżikament mas-sistema ta' Polaris.[12]
Bosta studji reċenti jikkalkulaw li d-distanza sa Polaris hi ta' madwar 433 sena tad-dawl (133 parsec), abbażi tal-kejliet tal-parallassi mis-satellita astrometika Hipparcos. Stimi tad-distanza iktar antiki spiss kienu kemxejn inqas, u r-riċerka bbażata fuq analiżi spettrali b'riżoluzzjoni għolja tissuġġerixxi li jaf hi sa 110 sena tad-dawl eqreb (323 ly/99 pc). Polaris hija l-eqreb varjabbli Ċefeida għad-Dinja, b'hekk il-parametri fiżiċi tagħha huma ta' importanza kruċjali għall-iskala sħiħa tad-distanzi astronomiċi. Hija wkoll l-unika waħda b'massa mkejla b'mod dinamiku.
Sena | Komponent | Distanza, ly (pc) | Noti |
---|---|---|---|
2006 | A | 330 ly (101 pc) | Turner |
2007 | A | 433 ly (133 pc) | Hipparcos |
2008 | B | 359 ly (110 pc) | Usenko & Klochkova |
2013 | B | 323 ly (99 pc) | Turner, et al. |
2014 | A | ≥ 385 ly (≥ 118 pc) | Neilson |
2018 | B | 521 ly (160pc) | Bond et al. |
2018 | B | 445.3 ly (136.6 pc) | Gaia DR2 |
2020 | B | 447.6 ly (137.2pc) | Gaia DR3 |
A Reviżjoni ġdida tal-osservazzjonijiet mill-1989-1993, ippubblikata għall-ewwel darba fl-1997. |
B Distanza statistika kkalkulata bl-użu ta' distanza dgħajfa preċedenti. |
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.