Kumitat tar-Reġjuni
From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) huwa l-assemblea tal-Unjoni Ewropea (UE) tar-rappreżentanti lokali u reġjonali li tipprovdi lill-awtoritajiet sottonazzjonali (jiġifieri r-reġjuni, il-kontej, il-provinċji, il-muniċipalitajiet u l-bliet) b'vuċi diretta fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-UE.
Imwaqqaf fl-1994, il-KtR inħoloq biex jindirizza żewġ kwistjonijiet ewlenin. L-ewwel, madwar tliet kwarti mil-leġislazzjoni tal-UE hija implimentata fil-livell lokali jew reġjonali; għalhekk huwa xieraq li r-rappreżentanti lokali u reġjonali jingħataw vuċi fit-tħejjija tal-liġijiet il-ġodda tal-UE. It-tieni, kien hemm tħassib dwar id-distakk dejjem akbar bejn il-pubbliku u l-proċess tal-integrazzjoni Ewropea; l-involviment tal-livell ta' gvern elett li jkun l-aktar qrib taċ-ċittadini kien mod wieħed kif jiġi eliminat dan id-distakk.