Mosta
From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Mosta hija lokalità fiċ-ċentru ta’ Malta. Il-Mosta minn raħal kiber biex issa ħa d-daqs ta' belt Maltija, jgħodd it-18,249 ċittadin Mosti. Dan jagħmel il-Mosta t-tieni l-akbar lokalità f'Malta. Il-qaddisa patruna tal-Mosta hija Santa Marija Assunta, li tiġi ċċelebrata fil-15 t'Awwissu. Iddedikata lil Santa Marija, fil-Mosta wieħed isib it-tielet l-akbar koppla fid-dinja, magħrufa aħjar bħala r-Rotunda.
Mosta | |||
---|---|---|---|
Malta | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Stat sovran | Malta | ||
Reġjuni ta’ Malta | Tramuntana | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 35.9°N 14.43°E / 35.9; 14.43 | ||
Superfiċjenti | 6.8 kilometru kwadru | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 20,241 abitanti (31 Marzu 2014) | ||
Informazzjoni oħra | |||
bliet ġemellati | Ragusau Millbrae (en) |
Il-Mosta tinsab fuq pjanura u hija mdawra b’art agrikola fertili. Fost l-irħula ġirien hemm Ħal Lija, Burmarrad, ir-Rabat u n-Naxxar. Il-Mosta tinsab fuq ir-rotta prinċipali li minn il-Belt Valletta tagħti għaċ-Ċirkewwa u kuljum jgħaddi minnha ammont kbir ta’ traffiku li jkun qed jaqsam il-gżira min-naħa għall-oħra. Il-Mosta tinsab 9 km ‘l bogħod mill-Belt Valletta.
Il-Mosta għaddejja minn żvilupp bla waqfien, bini ġdid qed jittella' kuljum u l-komunità kummerċjali hija attiva u qed tikber. Il-popolazzjoni hija ta’ madwar 18,000 abitant u hija waħda mill-ogħla fil-gżejjer Maltin u ngħatat imbuttatura f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin bl-istabbiliment ta’ oqsma tad-djar ġodda (Santa Margerita, Tal-Blata l-Għolja, Ta’ Mlit, Iż-Żokrija).
Il-motto tal-Mosta "Spes Alit Ruricolam" jagħti xhieda lill-imgħoddi rurali tal-lokalità. Fil-fatt, il-motto ifisser "It-tama ssaħħaħ lill-bidwi". Iżda llum, l-urbanizzazzjoni mxiet ‘il quddiem u l-attivitajiet agrikoli tal-Mostin u l-art agrikola naqsu b’mod konsiderevoli filwaqt li l-erja mibnija issa xterdet għal dawk li qabel kienu l-inħawi rurali ta’ barra tar-raħal żgħir tal-Mosta, li issa saret belt sinifikanti u mimlija ħajja.
Hekk kif fl-ibliet u l-villaġġi l-oħra kollha fil-gżejjer Maltin, ir-Reliġjon Kattolika hija ħajja u attiva ħafna. B’hekk il-festa titulari tal-Mosta li hija dik ta’ Santa Marija jew ta’ Marija Assunta, hija l-quċċata fiċ-ċelebrazzjonijiet lokali reliġjużi u popolari fejn il-Mostin jinġabru quddiem ir-Rotunda f’manifestazzjoni ta’ ferħ u briju. Bħall-maġġoranza kbira ta’ l-ibliet u l-villaġġi madwar id-dinja, il-Mosta wkoll għandha l-istemma araldika tagħha. Dan is-simbolu jirrifletti t-twemmin u l-assi tal-Mosta li jidhru fil-partijiet varji ta’ l-istemma. It-tarka tal-fidda għandha salib aħmar li fiċ-ċentru tiegħu hemm ċirku tad-deheb li fih hemm stilla b’ħames ponot kulur is-sema.
Is-salib aħmar jissimbolizza l-fidi Kattolika li minn dejjem kienet predominanti fil-ħajja u t-twemmin tan-nies lokali. Iċ-ċirku jirrappreżenta r-Rotunda, il-knisja parrokkjali tal-Mosta, l-għeliem prinċipali tal-lokalità u l-bini li ma kulħadd hija l-iżjed famuża, Maltin kif ukoll barranin. L-istilla blu huwa s-simbolu tal-Madonna, qaddisa patruna tal-belt, li l-festa tagħha tiġi ċelebrata fil-15 ta’ Awwissu.