![cover image](https://wikiwandv2-19431.kxcdn.com/_next/image?url=https://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/c/c4/Aloe_dichotoma_-Keetmanshoop%252C_Namibia-21Aug2009-2.jpg/640px-Aloe_dichotoma_-Keetmanshoop%252C_Namibia-21Aug2009-2.jpg&w=640&q=50)
Pajsaġġ Kulturali u Botaniku ta' Richtersveld
From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Pajsaġġ Kulturali u Botaniku ta' Richtersveld, magħruf ukoll sempliċement bħala Richtersveld, huwa pajsaġġ ta' deżert ikkaratterizzat minn kloofs (irdumijiet weqfin bil-boskijiet) u muntanji għoljin, li jinsab fit-tarf tal-Majjistral tal-provinċja tal-Kap tat-Tramuntana tal-Afrika t'Isfel. Fih xenarju jinbidel il-ħin kollu, minn pjanuri kostali ċatti u bir-ramel, għal muntanji ppuntati tal-blat vulkaniku u l-veġetazzjoni rikka tax-xmara Oranġjo (bl-Ingliż: Orange), li tifforma l-fruntiera mal-pajjiż ġar, in-Namibja. L-altitudni tal-inħawi tvarja mil-livell tal-baħar sa 1,377 metru (4,518-il pied) f'Cornellberg. Richtersveld jitqies bħala l-uniku hotspot aridu tal-bijodiversità fid-Dinja u l-maġġoranza taż-żona tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minħabba l-valuri kulturali tagħha.[1]
![Thumb image](http://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/c/c4/Aloe_dichotoma_-Keetmanshoop%2C_Namibia-21Aug2009-2.jpg/640px-Aloe_dichotoma_-Keetmanshoop%2C_Namibia-21Aug2009-2.jpg)
Il-poplu Nama ta' Richtersveld iddikjaraw li kellhom is-sjieda tal-art tradizzjonali tagħhom biswit iż-żona ta' konservazzjoni għar-riċerka u għat-turiżmu fil-futur. Il-parti tat-Tramuntana taż-żona ġiet ipproklamata fl-1991 wara 18-il sena ta' negozjati bejn il-Bord tal-Parks Nazzjonali u l-poplu Nama lokali, li għadhom jgħixu u jirgħu l-bhejjem tagħhom fl-inħawi. Is-sit għandu erja ta' 1,624.45 kilometru kwadru (627.20 mil kwadru). Fih il-poplu Nama jgħix stil ta' għajxien magħruf bħala t-transumanza – fejn iwettqu migrazzjoni staġonali flimkien mal-bhejjem tagħhom u jużaw ekosistema sukkulenti fraġli. Iż-żona ta' konservazzjoni tal-komunità hija kkonfinata fit-Tramuntana mal-Park Nazzjonali ta' Richtersveld (ġestit mill-komunità ta' Richtersveld u mill-Parks Nazzjonali tal-Afrika t'Isfel), ir-Riżerva Naturali Provinċjali ta' Nababiep, u żoni ddeżinjati għar-ragħa tal-komunità li fihom il-poplu Nama jista' jkompli bl-istil ta' għajxien tiegħu.