Palazz ta' Stoclet
binja fi Brussell, il-Belġju ddisinjata minn Josef Hoffmann / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Palazz ta' Stoclet (jew id-Dar ta' Stoclet; bil-Franċiż: Palais Stoclet, bl-Olandiż: Stocletpaleis) huwa dar kbira fi Brussell, il-Belġju. Il-binja ġiet iddisinjata mill-arkitett Awstrijak Josef Hoffmann għall-finanzier Belġjan Adolphe Stoclet. Il-binja nbniet bejn l-1905 u l-1911 bl-istil tas-Seċessjoni Vjenniża u tinsab f'Avenue de Tervueren fil-muniċipalità ta' Woluwe-Saint-Pierre fi Brussell.[1] Il-binja titqies bħala l-kapulavur ta' Hoffman u hija waħda mill-iktar djar privati raffinati u lussużi tas-seklu 20.[2]
Il-kmamar tal-pranzu u tal-mużika tal-Palazz ta' Stoclet huma eżempju tal-ispazji teatrali tal-Gesamtkunstwerk ("opra tal-arti totali"), u ċelebrazzjoni tad-dawl, tal-ħsejjes u tal-gosti f'sinfonija ta' armoniji senswali li jfakkru l-opri ta' Richard Wagner, li minnu oriġina l-kunċett stess. Fid-disinni tiegħu għall-Palazz ta' Stoclet, Hoffmann qagħad attent li jżomm mal-moda u l-identità Vjenniża tal-istil ġdid fuq ġewwa tal-binjiet, anke meta kien jiddisinja xi libsa għas-Sinjura Stoclet sabiex ikun ċert li ma tistonax mal-kamra tas-salott tagħha kien kien ġara meta kienet libset libsa tal-Franċiż Paul Poiret.[3]
Id-dar privata għadha tintuża bħala proprjetà privata tal-familja Stoclet u mhijiex miftuħa għall-viżitaturi. Il-binja ngħatat status protett mid-Direttorat tal-Monumenti u s-Siti tar-Reġjun Kapitali ta' Brussell[4], u ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCOf'Ġunju 2009.[5]