Sistema Idrawlika Storika ta' Shushtar
kumpless idrawliku f'Shushtar, l-Iran / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Sistema Idrawlika Storika ta' Shushtar (bil-Persjan: سازههای آبی شوشتر) hija sistema kumplessa tal-irrigazzjoni tal-belt-gżira ta' Shushtar minn żmien is-Sassanidi. Tikkonsisti minn 13-il diga, pont, kanal u struttura li jaħdmu flimkien bħala sistema idrawlika.
Din is-sistema tinsab fil-Provinċja ta' Khuzestan, l-Iran.[1] Tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2009.[2] Dan il-kapulavur tal-inġinerija huwa uniku kemm fl-Iran kif ukoll fid-dinja. Is-Sassanidi, li l-ekonomija tagħhom kienet tiddependi l-iktar fuq l-agrikoltura, żviluppaw sistemi estensivi tal-irrigazzjoni f'dan ir-reġjun.
L-infrastruttura kienet tinkludi mtieħen tal-ilma, digi, mini u kanali. Il-Pont-Diga ta' Gargar inbena fuq l-imtieħen tal-ilma u l-kaskati. Il-Kanal ta' Bolayti jinsab fuq in-naħa tal-Lvant tal-imtieħen tal-ilma u l-kaskati, u l-funzjoni tiegħu hi li jipprovdi l-ilma minn wara l-Pont ta' Gargar għan-naħa tal-Lvant tal-imtieħen tal-ilma u li jiddirezzjona l-ilma f'kanal sabiex jipprevjeni li ssir il-ħsara lill-imtieħen tal-ilma. Il-Mina ta' Dahaneye Shahr hija waħda mit-tliet mini prinċipali li kienu jiddirezzjonaw l-ilma minn wara l-Pont-Diga ta' Gargar għall-mitħna tal-ilma biex imbagħad jitħaddmu diversi mtieħen tal-ilma.[3][4] Il-Kanal ta' Seh Kooreh jiddirezzjona l-ilma minn wara l-Pont ta' Gargar għan-naħa tal-Punent. L-imtieħen tal-ilma u l-kaskati jirrappreżentaw mudell perfett tal-użu tal-ilma għat-tħaddim ta' diversi mtieħen tal-ilma oħra.
Il-Band-e Kaisar ("Diga ta' Ċesri"), diga Rumana twila madwar 500 metru (1,600 pied) minn naħa għall-oħra tax-xmara Karun, kienet l-istruttura ewlenija tal-kumpless, li flimkien mad-Diga ta' Mizan (Band-e Mizan), żammet u ddevjat l-ilma tax-xmara lejn il-kanali tal-irrigazzjoni fl-inħawi.[5] Din id-diga nbniet minn forza tax-xogħol Rumana fis-seklu 3 W.K. skont l-ordnijiet tas-Sassanidi, u kienet l-iżjed pont Ruman u diga Rumana fil-Lvant, kif ukoll l-ewwel struttura fl-Iran li kienet tintuża bħala pont u diga f'daqqa.[6]
Partijiet mis-sistema tal-irrigazzjoni jingħad li oriġinarjament imorru lura għal żmien Darius il-Kbir, re Akemenid tal-Iran. Parzjalment tikkonsisti minn par kanali primarji ta' devjazzjoni fix-xmara Karun, u wieħed minnhom għadu jintuża sal-lum. Iwassal l-ilma lejn il-belt ta' Shushtar permezz ta' rotta ta' mini tal-provvista tal-ilma. Fl-inħawi hemm ukoll il-Kastell ta' Salasel, li huwa l-assi għat-tħaddim tas-sistema idrawlika. Jikkonsisti wkoll minn torri għall-kejl tal-livell tal-ilma, flimkien ma' pontijiet, digi, imtieħen tal-ilma u baċiri.
Is-sistema idrawlika mbagħad tidħol fil-pjanura fin-Nofsinhar tal-belt, fejn l-impatt tagħha jinkludi l-faċilitazzjoni tal-possibbiltà tal-biedja f'żona msejħa Mianâb u t-tħawwil tas-siġar tal-frott. Fil-fatt iż-żona kollha bejn iż-żewġ kanali tad-devjazzjoni tal-ilma (Shutayt u Gargar) fix-xmara Karun tissejjaħ Mianâb, bil-belt ta' Shushtar fin-naħa tat-Tramuntana tagħha.[7]