Tieqa tad-Dwejra
arkata tal-franka li kien hemm fuq il-baħar tad-Dwejra, Għawdex li ċediet fl-2017 / From Wikipedia, the free encyclopedia
It-Tieqa tad-Dwejra jew it-Tieqa Żerqa kienet arkata naturali fil-gżira ta’ Għawdex. Il-ħnejja naturali li ffurmat tul is-sekli fil-Bajja tad-Dwejra qrib il-bajja interna tad-Dwejra u l-Ġebla tal-Ġeneral, kienet waħda mill-attrazzjonijiet turistiċi ewlenin qabel ma waqgħet il-baħar f’maltempata li ħakmet iż-żona fit-8 ta’ Marzu 2017. Il-blata ż-żgħira li għad fadal ’il fuq mil-livell tal-baħar ma għadhiex aċċessibbli bil-mixi. It-Tieqa tad-Dwejra, flimkien ma’ karatteristiċi naturali oħra tal-madwar, dehret f’għadd ta’ films internazzjonali u produzzjonijiet medjatiċi.
Il-ħnejja naturali kienet tikkonsisti minn blata kbira ħierġa mill-baħar qisha pilastru li kienet magħquda mal-irdum permezz ta’ blata orizzontali. It-Tieqa Żerqa nħolqot ħafna snin ilu wara li ċeda s-saqaf ta’ għar naturali, x’aktarx matul is-seklu 19. Iċ-ċediment finali tat-Tieqa fil-baħar ġie wara seklu ta’ erożjoni naturali li bil-mod il-mod kien qiegħed inawwar biċċiet kbar tal-blat tal-franka.