Anders Jonas Ångström

fiżiku Żvediż From Wikipedia, the free encyclopedia

Anders Jonas Ångström
Remove ads

Anders Jonas Ångström ([ˈânːdɛʂ ˈjûːnas ˈɔ̂ŋːstrœm]; twieled fit-13 ta' Awwissu 1814 – miet fil-21 ta' Ġunju 1874) kien fiżiku Żvediż u wieħed mill-fundaturi tax-xjenza tal-ispettroskopija.[1]

Quick facts Ħajja, Twelid ...
Remove ads

Bijografija

Anders Jonas Ångström twieled f'Medelpad fejn għex ma' missieru Johan Ångström. Huwa ngħata l-ewwel edukazzjoni tiegħu f'Härnösand. Fl-1833 mar f'Uppsala fejn kompla l-edukazzjoni tiegħu fl-Università ta' Uppsala. Hemmhekk huwa sar għalliem tal-fiżika fl-1839. Fl-1842 huwa mar fl-Osservatorju ta' Stokkolma biex jikseb l-esperjenza fix-xogħol astronomiku prattiku, u s-sena ta' wara ġie appuntat biex jieħu ħsieb l-Osservatorju Astronomiku ta' Uppsala.[2]

Ångström kien interessat ħafna fil-manjetiżmu terrestri u rreġistra l-osservazzjonijiet tal-fluttwazzjonijiet fl-intensità manjetika f'diversi partijiet tal-Iżvezja, u ġie mqabbad mill-Akkademja tax-Xjenzi ta' Stokkolma bil-kompitu, li dam sa ftit qabel l-aħħar ta' ħajtu biex ilestih, biex jaħdem id-data manjetika miksuba mill-HSwMS Eugenie fil-vjaġġ tagħha madwar id-dinja mill-1851 sal-1853.[3]

Fl-1858, huwa kien is-suċċessur ta' Adolph Ferdinand Svanberg fil-fakultà tal-fiżika f'Uppsala. L-iżjed xogħol importanti tiegħu kellu x'jaqsam mal-konduzzjoni tas-sħana u mal-ispettroskopija. Fir-riċerki ottiċi tiegħu, Optiska Undersökningar, li ppreżenta lill-Akkademja Żvediża Rjali tax-Xjenzi fl-1853, mhux biss saħaq li x-xrara elettrika tipproduċi żewġ spettri superimposti, wieħed mill-metall tal-elettrodu u l-ieħor mill-gass li tgħaddi minnu, talli ddeduċa mit-teorija tar-riżonanza ta' Leonhard Euler li gass inkandexxenti jemetti raġġi luminużi tal-istess rifrattività bħal dawk li jista' jassorbi.[4][5][6] Din id-dikjarazzjoni, bħala rrimarka Sir Edward Sabine meta tah il-medalja ta' Rumford tas-Soċjetà Rjali fl-1872, fiha prinċipju fundamentali tal-analiżi tal-ispettru, u għalkemm ġiet injorata għal numru ta' snin, tintitolah biex jitqies bħala wieħed mill-fundaturi tal-ispettroskopija.[3]

Mill-1861 'il quddiem, huwa ta attenzjoni speċjali lill-ispettru solari. Il-kombinament tiegħu tal-ispettroskopju mal-fotografija għall-istudju tas-Sistema Solari rriżulta fl-1862 fi provi li l-atmosfera tax-xemx fiha l-idroġenu, fost elementi oħra. Fl-1868 huwa ppubblika l-mappa l-kbira tiegħu tal-ispettru solari normali fir-Recherches sur le spectre solaire, fejn inkluda l-kejliet ta' iktar minn 1,000 linja spettrali, li baqgħet awtoritattiva fit-tul fi kwistjonijiet tat-tul tal-mewġ, għalkemm il-kejliet tiegħu ma kinux eżatti b'parti waħda f'7,000 jew 8,000, minħabba li l-metru li uża bħala standard kien ħarira qasir wisq.[3]

Fl-1867 huwa kien l-ewwel wieħed li eżamina l-ispettru tal-aurora borealis, u individwa u kejjel il-linja qawwija karatteristika fir-reġjun safrani-ħadrani tagħha; iżda kien żbaljat meta ħaseb li din l-istess linja, li spiss tissejjaħ b'ismu, tidher ukoll fid-dawl żodjakali.

Huwa ġie elett bħala membru ta' għadd ta' soċjetajiet distinti, inkluż l-Akkademja Żvediża Rjali tax-Xjenzi fl-1850, is-Soċjetà Rjali fl-1870 u l-Institut de France fl-1873. Huwa miet f'Uppsala fil-21 ta' Ġunju 1874.

Ibnu, Knut Ångström (1857-1910), kien fiżiku wkoll.

Remove ads

Unuri

L-unità ta' Ångström (1 Å = 10−10 m) tirrappreżenta t-tul tal-mewġ tad-dawl u l-ispazjar interatomiku fil-materja kkondensata li xi kultant titkejjel f'ismu.[7] L-unità tintuża wkoll fil-kristallografija kif ukoll fl-ispettroskopija.

Il-krater Ångström fuq il-qamar ingħata ismu.

Wieħed mill-kumplessi ta' binjiet prinċipali tal-Università ta' Uppsala, il-Laboratorju Ångström, issemma għalih. Din il-binja tospita diversi dipartimenti, fosthom id-Dipartiment tal-Fiżika u tal-Astronomija, id-Dipartiment tal-Matematika, id-Dipartiment tax-Xjenzi tal-Inġinerija, l-Istitut tal-Fiżika Spazjali, u d-Dipartiment tal-Kimika.

Remove ads

Iktar qari

  • Maier, C.L. (1970). "Ångström, Anders Jonas". Dictionary of Scientific Biography. 1. New York: Charles Scribner's Sons. pp. 166–167. ISBN 0-684-10114-9.

Referenzi

Loading related searches...

Wikiwand - on

Seamless Wikipedia browsing. On steroids.

Remove ads