Dolmen ta' Menga
dolmen fl-inħawi ta' Antequera, l-Andalusija, Spanja From Wikipedia, the free encyclopedia
Remove ads
Id-Dolmen ta' Menga (bl-Ispanjol: Dolmen de Menga) huwa tumbata funebri (tumulus) megalitika, forma ta' dolmen tawwali, li jmur lura għall-ħabta tat-3750-3650 Q.K. Jinsab fil-inħawi ta' Antequera, l-Andalusija, Spanja.

Huwa wieħed mill-ikbar strutturi megalitiċi antiki magħrufa fl-Ewropa.[1][2] Huwa twil 27.5 metru, wiesa' sitt metri u għoli 3.5 metri, u nbena bi tnejn u tletin ħaġra megalitika, l-ikbar waħda minnhom tiżen madwar 180 tunnellata.

Wara t-tlestija tal-kompartiment ċentrali (li x'aktarx kienet qabar għall-familji li kellhom it-tmun f'idejhom f'dawk iż-żminijiet) u l-passaġġ li jwassal saċ-ċentru tiegħu, l-istruttura tal-ġebel ġiet mirduma bil-ħamrija u nbniet qisha għolja li għadha teżisti sa llum. Meta l-qabar infetaħ u ġie eżaminat fis-seklu 19, l-arkeologi sabu l-iskeletri ta' diversi mijiet ta' nies fuq ġewwa.
Id-Dolmen ta' Menga jinsab 70 metru 'l bogħod mid-Dolmen ta' Viera[3] u madwar erba' kilometri mit-Tholos ta' El Romeral[4], li fl-2016 ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien mal-elementi naturali ta' Peña de los Enamorados u El Torcal, bit-titlu Sit tad-Dolmens ta' Antequera.[1]
Remove ads
Abrigo de Matacabras
L-Abrigo (għar kenni) ta' Matacabras, li jinsab 'l isfel min-naħa tal-Majjistral ta' Peña de los Enamorados, huwa marbut mill-qrib mad-Dolmen ta' Menga, peress li l-assi ta' dan tal-aħħar huwa orjentat lejh direttament. Il-qabar huwa orjentat lejn il-Grigal, fit-Tramuntana ta' tlugħ ix-xemx tas-solstizju tas-sajf, u huwa l-uniku qabar orjentat b'dan il-mod fl-Ewropa f'dan il-kuntest kulturali.
Fl-2018, il-grupp ta' riċerka ATLAS mill-Università ta' Sivilja ppubblika studju tal-analiżi b'riżoluzzjoni għolja tal-pitturi tal-għerien bi stil skematiku ta' Abrigo de Matacabras. L-għar żgħir għandu rabtiet viżivi u simboliċi mad-Dolmen ta' Menga, u b'hekk jistabbilixxi rabtiet pajsaġġistiċi li x'aktarx huma uniċi fil-preistorja Ewropea. Ir-riżultati kkonfermaw il-kronoloġija Neolitika tal-għar “probabbilment, mill-inqas, fil-bidu tar-raba' millenju Q.K... u l-importanza tiegħu bħala post ta' riferiment għall-popolazzjoni Neolitika (u x'aktarx anke iktar antika) tar-reġjun...”.[5]

Remove ads
Ara wkoll
Referenzi
Wikiwand - on
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Remove ads