Ghadamès

raħal-oażi fil-Libja From Wikipedia, the free encyclopedia

Ghadamès
Remove ads

Ghadamès, Ghadames jew Ghadamis (/ɡəˈdæmɪs/; bil-Berberu: ʕadémis; bl-Għarbi: غدامس, bil-Libjan vernakolari: ɣdāməs, bil-Latin: Cidamus, Cydamus, bit-Taljan: Gadames) huwa raħal Berberu b'oażi fid-Distrett ta' Nalut tar-reġjun tat-Tripolitanja fil-Majjistral tal-Libja.

Thumb
Iċ-ċentru storiku tar-raħal bis-siġar tal-palm.

Il-lingwa indiġena ta' Ghadames hija l-lingwa ta' Ghadamès, lingwa Berbera.

Ghadamès, magħruf bħala l-"perla tad-deżert", jinsab f'oażi. Huwa wieħed mill-eqdem irħula pre-Saħarjani u eżempju straordinarju ta' insedjament tradizzjonali. L-arkitettura domestika tiegħu hija kkaratterizzata minn diviżjoni vertikali tal-funzjonijiet: il-pjan terran jintuża għall-ħżin tal-provvisti; sular ieħor jintuża għall-familja, sqaqien imsaqqfa li joħolqu kważi network taħt l-art ta' passaġġi; u fuq nett, terrazzi fil-beraħ irriżervati għan-nisa.[1]

Remove ads

Ġeografija

Ghadames tinsab madwar 462 kilometru (287 mil) fil-Lbiċ ta' Tripli, qrib il-fruntieri mal-Alġerija u mat-Tuneżija. Ghadames tinsab fil-fruntieri mal-Provinċja ta' Illizi, l-Alġerija u mal-Governorat ta' Tataouine, it-Tuneżija.

L-oażi għandha popolazzjoni ta' madwar 10,000 ruħ, l-iktar Berberi. Il-parti l-antika tar-raħal, imdawra b'ħajt, tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Kull wieħed mis-seba' klans li kienu jgħixu fiċ-ċentru storiku tar-raħal kellu d-distrett tiegħu stess, u f'kull wieħed minnhom kien hemm pjazza pubblika fejn kienu jsiru l-festi.

Remove ads

Klima

Ghadames għandu klima sħuna tad-deżert skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen (BWh) bi sjuf sħan b'temperatura għolja medja ta' madwar 41 °C (105.8 °F) f'Lulju, l-iktar xahar sħun tas-sena, kif ukoll xtiewi kesħin (b'varjazzjoni għolja binhar). Ir-raħal ma tantx ikollu preċipitazzjoni matul is-sena, bi preċipitazzjoni annwali medja ta' 73.1 mm (1.30 pulzier) biss.

More information Data klimatika għal Ghadames (1961-1990, temp. estremi fl-1913-1993), Xahar ...
Remove ads

Storja

Thumb
Id-djar ta' Ghadames huma magħmula bit-tajn, bil-ġebla tal-ġir u biz-zkuk tas-siġar tal-palm, bi sqaqien imsaqqfa bejniethom biex jipprovdu d-dell u l-kenn mis-sħana tas-sajf.

Eri tal-qedem

Ġie ssuġġerit, abbażi ta' evidenza arkeoloġika, li din iż-żona ilha insedjata mir-raba' millenju Q.K., u r-raħal huwa wieħed mill-eqdem insedjamenti pre-Saħarjani. Il-pożizzjoni tiegħu qrib sors tal-ilma f'nofs id-deżert kienet importanti għall-insedjaturi kollha fl-inħawi.

L-ewwel rekords bil-miktub dwar Ghadames imorru lura għal żmien ir-Rumani meta l-insedjament kien magħruf bħala Cydamus, li minnu oriġina l-isem modern ta' Ghadames. Fis-seklu 1 Q.K., il-prokonslu Ruman Lucius Cornelius Balbus invada lil Cydamus matul ir-renju tal-imperatur Awgustu. Gwarniġjon Ruman permanenti ġie stabbilit matul ir-renju tal-imperatur Septimius Severus, u l-imperatur stess jaf żar l-insedjament għall-ħabta tal-202 W.K. Madankollu, ir-Rumani rtiraw mill-inħawi ftit deċennji wara matul il-kriżi tas-seklu 3.

Matul is-seklu 6, kien hemm isqof li mar jgħix fl-oażi, wara li l-popolazzjoni ġiet ikkonvertita għall-Kristjaneżmu mill-missjunarji Biżantini. Ir-raħal sar fortizza tal-ereżija Donatista sal-konkwista mill-Għarab Musulmani.

Fl-aħħar tas-seklu 7, Ghadames kien immexxi mill-Għarab Musulmani. F'dan iż-żmien il-popolazzjoni malajr ikkonvertiet għall-Iżlam u Ghadames kellu rwol importanti bħala bażi għall-kummerċ Trans-Saħarjan sas-seklu 19.

Etimoloġija

L-etimoloġija ta' isem ir-raħal Ghadames hija marbuta mill-qrib ħafna mal-istorja tiegħu. Huwa maħsub li l-isem Ghadames oriġinarjament kien marbut mal-isem tat-tribù Berbera antika ta' Tidamensi, tribù minn Fezzan. Huwa maħsub ukoll li l-isem Tidamensi ġie mibdul mir-Rumani invażuri għall-isem Cydamus, li mbagħad witta t-triq għall-isem Ghadames.

Mis-seklu 20 sal-preżent

F'Ottubru 1911, ftit wara li faqqgħet il-Gwerra bejn l-Italja u t-Turkija, Ghadames ġie okkupat mis-suldati Taljani li kienu qed jimmarċjaw minn Tripli. Madankollu, iż-żamma tal-Italja fuq ir-raħal ġiet interrotta diversi drabi sa Ġunju 1915, meta rewwixta ġenerali fil-Libja kollha wasslet biex il-gwarniġjon Taljan jirtira minn Ghadames lejn il-fortizza ta' Tripli. Il-kontroll effettiv fuq ir-raħal reġa' nkiseb f'Diċembru 1918, iżda r-ribelljoni f'Fezzan żammet lil Ghadames fi stat ta' emerġenza sal-1923.

Fl-1943, il-Forzi Ħielsa Franċiżi okkupaw lil Ghadames u l-inħawi tal-madwar fil-parti tan-Nofsinhar tal-eks kolonja Taljana tal-Libja, u ffurmaw it-Territorju Militari ta' Fezzan-Ghadames sal-indipendenza Libjana fl-1951. Ghadames sar il-belt kapitali tat-territorju matul dan iż-żmien.

Fis-snin 70 tas-seklu 20, il-gvern bena djar ġodda 'l barra miċ-ċentru storiku tar-raħal. Madankollu, bosta abitanti rritornaw fiċ-ċentru storiku tar-raħal matul is-sajf, peress li l-arkitettura tiegħu tipprovdi protezzjoni aħjar mis-sħana.

Fl-istess żmien, ir-reġista Moustapha Akkad għażel lil Ghadames biex jiġbed ix-xeni fuq ġewwa tal-belt ta' Medina f'The Message, dramm epiku Iżlamiku.

Matul il-Gwerra Ċivili Libjana, il-forzi tal-Kunsill Tranżizzjonali Nazzjonali daħlu fir-raħal fit-30 ta' Awwissu 2011, wara assedju mill-istess forzi li kien ilu għaddej mill-bidu tal-kunflitt. Sal-2011, ir-raħal kien taħt il-kontroll tat-truppi Tuareg indipendenti. Wara li r-raħal inħataf mill-Armata Nazzjonali Libjana, il-komunità Tuareg kollha ġiet obbligata taħrab, f'att ta' tindif etniku.

Remove ads

Sit ta' Wirt Dinji

Thumb
Veduta panoramika ta' Ghadames.

Ir-Raħal Antik ta' Ghadames ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[1] Iċ-ċentru storiku tar-raħal tbattal mill-abitanti tiegħu matul is-snin 90 tas-seklu 20, u b'hekk il-binjiet antiki ssograw li jikkrollaw minħabba nuqqas ta' manutenzjoni. Is-sit tniżżel fil-lista tas-siti fil-periklu fl-2016 flimkien ma' erba' siti oħra fil-Libja, minħabba l-ħsara kkawżata mill-Gwerra Ċivili Libjana fil-pajjiż u t-theddida li ssir iktar ħsara lis-siti kulturali.

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

Remove ads

Gallerija

Referenzi

Loading related searches...

Wikiwand - on

Seamless Wikipedia browsing. On steroids.

Remove ads