Arġentier (tad-deheb)
persuna li taħdem id-deheb professjonalment / From Wikipedia, the free encyclopedia
Arġentier (tad-deheb) huwa ħaddiem tal-metall li jaħdem l-oġġetti mid-deheb u metalli prezzjużi oħra.
Illum il-ġurnata l-arġentiera (tad-deheb) jispeċjalizzaw l-iktar fil-produzzjoni tal-ġojjellerija, iżda storikament kienu jipproduċu wkoll pożati, gabarrejiet, buqari, utensili tal-ikel bħal platti, ktieli, eċċ., kif ukoll oġġetti ċerimonjali jew reliġjużi.
L-arġentiera (tad-deheb) irid ikollhom il-ħiliet sabiex jagħtu forma lill-metall permezz tal-illimar, l-issaldjar, l-issegar, l-iffurmar, l-ikkastjar u l-illostrar. Is-sengħa spiss kienet tinkludi ħiliet marbuta mal-produzzjoni tal-ġojjellerija, kif ukoll ħiliet simili ħafna għal dawk tal-arġentier (tal-fidda). It-terminu “arġentier” jintuża spiss bħala sinonimu għall-ħaddiema li jaħdmu l-oġġetti mill-fidda peress li t-tekniki, it-taħriġ, l-istorja u x-xirkiet tagħhom huma simili għal dawk tal-arġentier (tad-deheb), għalkemm il-prodott aħħari mhuwiex l-istess, tant li spiss dan jiġi speċifikat, eż. arġentier (tad-deheb).
Tradizzjonalment, dawn il-ħiliet kienu jingħaddu lil ħaddieħor permezz tal-apprendistati; madankollu, dan l-aħħar hemm ukoll skejjel tal-arti tal-ġojjellerija, li jispeċjalizzaw fit-tagħlim tas-sengħa tal-arġentier (tad-deheb) u f’għadd ta’ ħiliet marbuta mal-arti tal-ġojjellerija. Bosta universitajiet u kulleġġi saru joffru s-snajja’ tal-arġentier (tad-deheb), tal-arġentier (tal-fidda) u tal-arti tax-xogħol bil-metalli bħala parti mill-kurrikulu tagħhom tal-belle arti.