Kampjonati Ewropej tal-Futbol 2008
From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Kampjonati Ewropej tal-Futbol 2008, magħrufin aktar bħala l-Euro 2008, kienu t-tlettax-il edizzjoni tal-Kampjonati Ewropej tal-Futbol, kompetizzjoni kwadrijennali għal nazzjonijiet Ewropej. Il-kampjonat, li sar fl-Awstrija u l-Iżvizzera, beda fis-7 ta' Ġunju, 2008 u ntemm bil-finali tad-29 ta' Ġunju fl-Ernst Happel Stadion fi Vjenna. Din kienet t-tieni darba li żewġ pajjiżi ospitaw flimkien edizzjoni waħda, wara l-edizzjoni tas-sena 2000 li kienet saret fil-Belġju u l-Olanda. Spanja rebħu dan il-kampjonat, meta fil-finali rebħu b'gowl wieħed lill-Ġermanja. Din kienet biss it-tieni darba fl-istorja ta' dan it-turnew li t-tim rebbieħ rebaħ kull partita fil-fażi tal-gruppi; it-tim l-ieħor kien Franza lura fl-1984. Spanja kienu wkoll l-ewwel tim li ma tilfu l-ebda logħba fil-kompetizzjoni mill-Ġermanja tal-1996.
UEFA Fußball-Europameisterschaft 2008 | |
---|---|
Dettalji tal-kompetizzjoni | |
Pajjiż ospitanti |
Awstrija Żvizzera |
Dati | 7 ta' Ġunju – 29 ta' Ġunju |
Parteċipanti | 16 (minn konfederazzjoni waħda) |
Grawnds | 8 (f'8 ibliet ospitanti) |
Pożizzjonijiet finali | |
Rebbieħ | Spanja |
It-Tieni post | Ġermanja |
Statistika tal-kompetizzjoni | |
Partiti | 31 |
Gowls skorjati | 77 (2.48 kull logħba) |
Attendenza | 1,140,902 (36,803 kull logħba) |
L-aqwa skorer(s) | David Villa (4 gowls) |
L-aqwa plejer | Xavi |
← 2004 2012 → |
Il-Greċja kienu ċ-ċampjins renjanti tat-turnew, wara li kienu rebħu l-edizzjoni ta' qabel. F'din l-edizzjoni l-fortuni nqalbu hekk kif ma kisbu l-ebda punt fil-fażi tal-grupp. Matul il-31 logħba, it-timijiet parteċipanti skorjaw 77 gowl. L-Awstrija u l-Iżvizzera kkwalifikaw awtomatikament bħala ospiti; l-erbatax-il tim l-ieħor ikkwalfikaw permezz tal-fażi ta' kwalifikazzjoni li bdiet f'Awwissu tal-2006. Bħala ċampjins Ewropej, Spanja ngħatat id-dritt li tieħu sehem fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet 2009 fl-Afrika t'Isfel.[lower-alpha 1]