Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fix-Xlokk tal-Asja
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fix-Xlokk tal-Asja / From Wikipedia, the free encyclopedia
L-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) iddeżinjat 44 Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fix-Xlokk tal-Asja, li hawnhekk tirreferi għal 11-il pajjiż/stat membru: l-Indoneżija, il-Vjetnam, it-Tajlandja, il-Filippini, il-Malażja, il-Myanmar/Burma, il-Kambodja, Singapore u l-Laos. Il-Brunei u Timor Leste huma l-uniċi pajjiżi fir-reġjun li ma għandhom l-ebda Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.
F'dan ir-reġjun, l-Indoneżja għandha l-ikbar ammont ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO b'disa' siti, segwita mill-Vjetnam bi tmien Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-ewwel Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mir-reġjun tniżżlu fil-15-il sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji fl-1991. L-iżjed siti li żdiedu reċentement huma l-Belt Antika ta' Si Thep u l-Monumenti Dvaravati Assoċjati fit-Tajlandja u l-Assi Kożmoloġiku ta' Yogyakarta u l-Binjiet Storiċi tagħha, li tniżżel fil-45 sessjoni tal-Kumitat f'Riyadh, l-Arabja Sawdija, f'Settembru 2023.
Kull sena, il-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO jista' jiddeżinja siti ġodda fil-lista, jew ineħħi s-siti li ma jissodisfawx iktar il-kriterji tal-għażla tal-UNESCO. L-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali. Is-siti "mħallta" huma siti li jissodisfaw kriterji bħala sit kulturali u bħala sit naturali.[1][2]
Il-Kumitat tal-Wirt Dinji jista' jispeċifika wkoll li sit jinsab fil-periklu, u jikkwota "kundizzjonijiet li jheddu l-istess karatteristiċi tal-għażla tal-UNESCO li wasslu biex is-sit jitniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO".[3] F'dan ir-reġjun hemm Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO wieħed, il-Wirt tal-Foresti Tropikali ta' Sumatra, li huwa mniżżel fil-lista tas-siti fil-periklu. Angkor Wat u l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross tal-Cordilleras tal-Filippini fl-imgħoddi kienu tniżżlu fil-lista tas-siti fil-periklu iżda tneħħew fl-2004 u fl-2012 rispettivament.