Speċi
From Wikipedia, the free encyclopedia
Fil-bijoloġija, speċi hija unità bażika tal-bijodiversità. Fil-Klassifikazzjoni xjentifika, speċi tingħata isem b'żewġ partijiet, bil-Latin. L-ewwel parti huwa l-Ġeneru bl-ewwel ittra kapitalizzata u t-tieni parti eżatt wara miktuba kollha b'ittri żgħar.
Eżempju: il-Bniedem jagħmel parti mil-Ġeneru Homo u l-isem ta' l-ispeċi huwa Homo sapiens. L-isem ta' l-ispeċi huwa magħmul dejjem miż-2 partijiet u jissejjaħ isem binominali jew il-binominal u mhux mit-tieni parti biss (li tissejjaħ l-epitet speċifiku, għall-pjanti, jew l-isem speċifiku, għall-annimali). Il-binominal, li wara ħafna kien ġie formalizzat fil-kodiċi bijoloġiċi tan-nomenklatura, kien introdott bħala xi ħaġa standard minn Carolus Linnaeus fl-1700 u b'hekk irrisulta li xi drabi jissejjaħ in-"Nomenklatura Linnaeusjana". Dak iż-żmien, it-Teorija bijoloġika kienet tgħid li l-ispeċi jirrapreżentaw atti ta' kreazjoni indipendentement minn Alla u b'hekk kienu kkunsidrati objettivament reali u immutabli.
Bl-avvent tat-teorija ta' l-evoluzjoni, il-kunċett ta' Speċi fil-bijoloġija għadda minn bidla kbira, madankollu qatt ma ntlaħaq kunsens fuq id-definizjoni tal-kelma. L-aktar definizjoni komunement użata ta' Speċi hija dik ta' Ernst Mayr. Din id-definizjoni imsemmija bħala l-kunċett ta' speċi bijoloġika jew il-kunċett ta' speċi isolata tgħid; l-ispeċi huma "gruppi ta' popolazjonijiet naturali li attwalment jew potenzjalment jirriproduċu bejniethom li huma riproduttivament isolati minn gruppi oħra ta' dan it-tip". Madankollu, ħafna aktar kunċetti ta' Speċi huma użati (ara Definizjonijiet ta' Speċi hawn taħt).
L-isem xjentifiku ta' speċi propjament irid jinkiteb italizzat. Meta wieħed irid jirreferi għal speċi li mhijiex magħrufha dan għandu jsir billi juża l-abbrevjazjoni "sp." fis-singular jew "spp." fil-plural fil-post fejn jinkiteb it-tieni parti tal-isem tal-ispeċi jew kif jissejjaħ ukoll l-isem speċifiku jew l-epitet speċifiku.