Tikal
fdalijiet ta' belt antika maġġuri tal-Maja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Tikal (/tiˈkɑːl/; Tik’al bl-ortografija moderna tal-Maja) hija l-fdal ta' belt antika, li x'aktarx kienet tissejjaħ Yax Mutal[1], u li tinsab f'foresta tropikali fil-Gwatemala.[2] Hija wieħed mill-ikbar siti arkeoloġiċi u ċentri urbani taċ-ċivilizzazzjoni tal-Maja pre-Kolumbjana. Tinsab fir-reġjun arkeoloġiku tal-Baċir ta' Petén fit-territorju attwali tat-Tramuntana tal-Gwatemala. Is-sit jinsab fid-dipartiment ta' El Petén u huwa parti mill-Park Nazzjonali ta' Tikal. Fl-1979 sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
Tikal kienet il-belt kapitali ta' stat ħakkiem li sar wieħed mill-iżjed renji setgħana tal-Maja tal-qedem.[4] Għalkemm l-arkitettura monumentali tas-sit tmur lura saħansitra tas-seklu 4 Q.K., Tikal laħqet il-quċċata tagħha matul il-Perjodu Klassiku, għall-ħabta tal-200 sad-900. Matul dak iż-żmien, il-belt iddominat il-biċċa l-kbira tar-reġjun tal-Maja politikament, ekonomikament u militarment, filwaqt li interaġixxiet ma' żoni fil-Mesoamerka kollha, bħall-metropoli l-kbira ta' Teotihuacan fil-Wied tal-Messiku daqstant 'il bogħod. Hemm evidenza li Tikal inħakmet minn Teotihuacan fis-seklu 4 W.K.[5] Wara t-tmiem tal-Perjodu Klassiku Aħħari, ma nbena l-ebda monument maġġuri f'Tikal u hemm evidenza li l-palazzi tal-elit ingħataw in-nar. Dan l-avvenimenti mexew id f'id ma' tnaqqis gradwali fil-popolazzjoni, u laħqu l-qofol tagħhom fl-abbandun tas-sit sal-aħħar tas-seklu 10.
Tikal hija l-iżjed belt mifhuma minn kwalunkwe waħda mill-bliet tal-Maja l-kbar fl-artijiet baxxi, b'lista twila ta' mexxejja dinastiċi, bl-iskoperta tal-oqbra ta' bosta mill-mexxejja fuq din il-lista u bl-investigazzjoni tal-monumenti, tat-tempji u tal-palazzi tagħhom.[6]