Venezja
From Wikipedia, the free encyclopedia
Venezja hija belt fil-grigal tal-Italja u l-kapitali tar- reġjun tal-Veneto. Din il-belt hija mifruxa fuq grupp ta' 118-il gżira żgħira[1] li huma separati b'kanali u marbuta b'aktar minn 400 pont.[2] Il-gżejjer jinsabu fil-Laguna Venezjana, bajja baxxa magħluqa li tinsab bejn il-bokki tax-xmajjar Po u Piave (preċiżament bejn ix-xmajjar Brenta u Sile). Fl-2018, kien hemm 260,897 persuna joqogħdu fil-Komun ta' Venezja, li minnhom madwar 55,000 ruħ jgħixu fiċ-ċentru storiku ta' Venezja. Flimkien ma' Padova u Treviso, il-belt hija inkluża fiż-Żona Metropolitana ta' Padova-Treviso-Venezja (PATREVE), li hija statistikament ikkunsidrata bħala żona metropolitana, b'popolazzjoni totali ta' 2.6 miljun ruħ.[3] L-isem huwa derivat min-nies Veneti tal-qedem li abitaw fir-reġjun sas-seklu 10 Q.K.[4] Il-belt kienet storikament il-belt kapitali tar-Repubblika ta' Venezja għal millennju u aktar, mis-697 sal-1797. Kienet qawwa finanzjarja u marittima kbira matul il-Medju Evu u r-Rinaxximent, u żona ta' waqfien għall-Kruċjati u l-Battalja ta' Lepanto, kif ukoll ċentru importanti ta' kummerċ; speċjalment ħarir, qamħ u ħwawar, u tal-arti mis-seklu 13 sal-aħħar tas-seklu 17. Il-belt-stat ta' Venezja hija meqjusa bħala l-ewwel ċentru finanzjarju internazzjonali, li tfaċċa fis-seklu 9 u laħaq l-akbar prominenza tiegħu fis-seklu 14. Dan għamel lil Venezja belt sinjura matul il-parti l-kbira tal-istorja tagħha.[5] Wara l-Gwerer Napoleoniċi u l-Kungress ta' Vjenna, ir-Repubblika ġiet annessa mill-Imperu Awstrijaku, sakemm saret parti mir-Renju tal-Italja fl-1866, wara referendum li sar bħala riżultat tat-Tielet Gwerra tal-Indipendenza Taljana.
Venezja kienet magħrufa bħala "La Dominante", "La Serenissima", "Reġina tal-Adrijatiku", "Belt tal-Ilma", "Belt tal-Maskri", "Belt tal-Pontijiet", "Belt f'Wiċċ l-Ilma", u "Belt tal-Kanali". Il-laguna u parti mill-belt huma elenkati bħala Sit tal-Wirt Dinji tal-UNESCO. Partijiet minn Venezja huma magħrufa għas-sbuħija xenika tagħhom, kif ukoll għall-arkitettura u għall-arti tagħhom.[6] Venezja hija magħrufa għal diversi movimenti artistiċi importanti; speċjalment matul il-perjodu tar-Rinaxximent, kellha rwol importanti fl-istorja tal-mużika sinfonika u operistika, u hija l-post fejn twieled Antonio Vivaldi.
Għalkemm il-belt qed tiffaċċja xi sfidi (inkluż numru eċċessiv ta' turisti u problemi kkawżati mit-tniġġis, il-quċċati tal-marea u l-vapuri tal-kruċieri li jbaħħru viċin wisq tal-bini), Venezja tibqa' destinazzjoni turistika popolari ħafna, ċentru kulturali ewlieni, u ġiet ikklassifikata kemm-il darba bħala l-isbaħ belt fid-dinja.[7][8] Ġiet deskritta mit-Times Online bħala waħda mill-iktar bliet romantiċi tal-Ewropa[9] u minn The New York Times bħala "bla dubju l-isbaħ belt mibnija mill-bniedem".[10]