ark ta’ meridjan minn Hammerfest fin-Norveġja sal-Baħar l-Iswed From Wikipedia, the free encyclopedia
L-Ark Ġeodetiku ta’ Struve huwa katina ta’ triangolazzjonijiet tal-istħarriġ minn Hammerfest fin-Norveġja sal-Baħar Iswed, li tgħaddi minn għaxar pajjiżi (in-Norveġja, l-Iżvezja, il-Finlandja, ir-Russja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Belarussja, il-Moldova u l-Ukrajna) u hija twila 2,820 kilometru. Bis-saħħa tal-Ark Ġeodetiku ta’ Struve seta’ jsir l-ewwel kejl preċiż ta’ meridjan tad-dinja.[1]
Il-katina ġiet stabbilita u ntużat mix-xjenzat Russu mwieled il-Ġermanja Friedrich Georg Wilhelm von Struve bejn l-1816 u l-1855 biex jistabbilixxi d-daqs preċiż u l-għamla tad-dinja. Dak iż-żmien, l-Ark Ġeodetiku ta’ Struve kien jgħaddi minn tliet pajjiżi biss: in-Norveġja, l-Iżvezja u l-Imperu Russu. L-ewwel punt tal-Ark jinsab fl-Osservatorju Antik ta’ Tartu, fl-Estonja, fejn Struve wettaq il-biċċa l-kbira tar-riċerka tiegħu.[2]
Fl-2005, l-Ark Ġeodetiku ta’ Struve ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji transnazzjonali tal-UNESCO b’ġabra ta’ 34 plakka kommemorattiva jew obeliski mill-265 punt oriġinali mmarkati b’toqob imħaffrin fil-blat, slaleb tal-ħadid, borġ ġebel, eċċ.[3]
Il-kejl tal-katina tat-triangolazzjonijiet jinkludi 258 triangolu u 265 vertiċi ġeodetiku. L-iktar punt fit-Tramuntana jinsab ħdejn Hammerfest fin-Norveġja u l-iktar punt fin-Nofsinhar jinsab ħdejn il-Baħar l-Iswed fl-Ukrajna. Dan is-Sit ta’ Wirt Dinji huwa transnazzjonali peress li huwa maqsum bejn 10 pajjiżi, it-tieni l-iktar Sit ta’ Wirt Dinji transnazzjonali wara l-Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta’ Reġjuni Oħra tal-Ewropa.[4]
Meta ġew ippubblikati l-ewwel riżultati fl-1858, ġie stmat li l-ellittiċità (fenomenu matemiku tal-iċċattjar) tad-dinja fuq naħa kienet 294.26. Ġie stmat ukoll li r-raġġ ekwatorjali tad-dinja kien 6,378,360.7 metru.
Fl-2005, il-kejl reġa’ sar permezz tan-navigazzjoni bis-satellita. B’hekk, ġie stmat li l-ellittiċità tad-dinja fuq naħa kienet 298.257 222 101 u r-raġġ ekwatorjali tad-dinja kien 6,378,136.8 metru.
Stħarriġ iktar bikri, li kien sar fl-1740, kien irriżulta f’ellittiċità tad-dinja fuq naħa ta’ 178 u r-raġġ ekwatorjali tad-dinja kien 6,396,800 metru.[1]
L-iktar punt fit-Tramuntana: Hammerfest (Fuglenes): 70° 40′ 11.23″ N
L-iktar punt fin-Nofsinhar: Ismail (Staro-Nekrassowka): 45° 20′ 02.94″ N
Differenza fil-Latitudni Ġeodetika: 25° 20′ 08.29″
Distanza f’kilometri: 2,821.853 ± 0.012[1]
L-Ark Ġeodetiku ta’ Struve sar Sit ta’ Wirt Dinji transnazzjonali tal-UNESCO fl-2005 b’ġabra ta’ 34 plakka kommemorattiva jew obeliski mill-265 punt oriġinali mmarkati b’toqob imħaffrin fil-blat, slaleb tal-ħadid, borġ ġebel, eċċ. f’għaxar pajjiżi differenti.
Il-valur universali straordinarju tiegħu ġie rrikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”, ladarba l-Ark jirrappreżenta l-ewwel kejl bir-reqqa ta’ segment twil ta’ meridjan, li għen biex jiġi stabbilit id-daqs preċiż u l-għamla tad-dinja, u huwa eżempju straordinarju tal-interskambju tal-valuri umani permezz tal-kollaborazzjoni xjentifika f’diversi pajjiżi u bejn monarki differenti; il-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba l-Ark huwa bla dubju eżempju straordinarju ta’ ħsieb teknoloġiku li wassal għall-punti tat-triangolazzjonijiet biex jitkejjel meridjan; u l-kriterju (vi) “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma’ avvenimenti jew ma’ tradizzjonijiet ħajjin, ma’ ideat jew ma’ twemmin, jew ma’ xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta’ valur universali straordinarju”, ladarba l-kejl permezz tal-Ark u r-riżultati tiegħu huma assoċjati direttament mal-ħsieb tal-bniedem dwar id-dinja li jgħixu fiha, u huma marbuta mat-teorija ta’ Sir Isaac Newton li d-dinja mhijiex sfera eżatta.[3]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.