Arkitett
persuna mħarrġa biex tfassal il-pjanti u tiddisinja l-binjiet, u tissorvelja l-kostruzzjoni tagħhom / From Wikipedia, the free encyclopedia
Arkitett huwa persuna li tippjana, tiddisinja u tissorvelja l-kostruzzjoni tal-binjiet.[1] Il-prattika tal-arkitettura tfisser li wieħed jipprovdi servizzi marbuta mad-disinn tal-binjiet u l-ispazju fi ħdan sit madwar il-binjiet li jkunu joqogħdu fihom il-bnedmin jew jintużaw minnhom prinċipalment.[2] Etimoloġikament, it-terminu “arkitett” joriġina mil-Latin architectus[3], li ġej mill-Grieg[4] (arkhi-, kap/ewlieni + tekton, bennej, jiġifieri, kap bennej jew bennej ewlieni).[5]
Skont l-abbozz ta’ liġi ta’ Malta Nru 163 tad-9 ta’ Ottubru 2020, it-titli “arkitett” u “perit” jistgħu jintużaw b’mod interkambjabbli. Madankollu, teknikament mhux kull perit huwa neċessarjament arkitett, ladarba jista’ jkun hemm perit arkitett (bil-warrant apposta skont il-liġi) u perit inġinier (li ma jkunx arkitett).[6]
Ir-rekwiżiti professjonali għall-arkitetti jvarjaw minn post għall-ieħor. Id-deċiżjonijiet ta’ arkitett jaffettwaw is-sikurezza pubblika, u b’hekk arkitett irid ikun għamel taħriġ speċjalizzat li jikkonsisti minn edukazzjoni avvanzata[7] u esperjenza prattika qabel ma jingħata liċenzja jew warrant biex jipprattika l-arkitettura. Ir-rekwiżiti prattiċi, tekniċi u akkademiċi biex wieħed isir arkitett ivarjaw skont il-ġurisdizzjoni, għalkemm l-istudju formali tal-arkitettura fl-istituzzjonijiet akkademiċi kellu rwol ċentrali fl-iżvilupp tal-professjoni b’mod kumplessiv.