Canal du Midi
From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Canal du Midi (pronunzja bil-Franċiż: [kanal dy midi]; bl-Oċċitan: Canal del Miègjorn [ka'nal del mjɛdˈd͡ʒuɾ]; litteralment il-"Kanal tan-Nofsinhar") huwa kanal twil 240 kilometru (150 mil) fin-Nofsinhar ta' Franza (bil-Franċiż: le Midi). Oriġinarjament kien ingħata l-isem ta' Canal royal en Languedoc (Kanal Irjali f'Languedoc) u mbagħad ingħata l-isem ta' Canal du Midi fl-1789 mir-rivoluzzjonarji Franċiżi, il-kanal jitqies wieħed mill-ikbar xogħlijiet ta' kostruzzjoni tas-seklu 17.[1]
Il-kanal jikkollega ix-xmara Garonne mal-għadira Étang de Thau mal-Mediterran, u flimkien mat-tul tal-193 kilometru (120 mil) tal-Canal de Garonne, jifforma l-Canal des Deux Mers, li jgħaqqad l-Atlantiku mal-Mediterran.
Strettament, l-isem "Canal du Midi" jirreferi għas-sezzjoni li inizjalment inbniet minn Toulouse sal-Mediterran – il-proġett tal-Canal des Deux-Mers kellu l-għan li jikkollega flimien diversi sezzjonijiet navigabbli biex il-Mediterran jingħaqad mal-Atlantiku: l-ewwel il-Canal du Midi, imbagħad ix-xmara Garonne li kienet pjuttost navigabbli bejn Toulouse u Bordeaux, imbagħad il-Kanal Laterali tal-Garonne, u finalment l-estwarju tal-Gironde wara Bordeaux.
Jean-Baptiste Colbert awtorizza l-bidu tax-xogħol b'editt irjali f'Ottubru 1666, bl-għan li jiġi żviluppat il-kummerċ tal-qamħ, taħt is-superviżjoni ta' Pierre-Paul Riquet, u l-kostruzzjoni damet mill-1666 sal-1681, matul ir-renju ta' Lwiġi XIV. Il-Canal du Midi huwa wieħed mill-eqdem kanali fl-Ewropa li għadu operattiv (il-prototip huwa l-Kanal ta' Briare). L-isfidi f'dawn ix-xogħlijiet huma marbuta mill-qrib mal-isfidi tat-trasport fuq l-ilmijiet navigabbli interni llum il-ġurnata. L-isfida ewlenija, imqajma minn Pierre-Paul Riquet, kienet li l-ilma jingħadda mill-Muntanji Suwed (Montagne Noire) sa Seuil de Naurouze, l-ogħla punt tal-kanal.
Il-Canal du Midi tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996, minħabba d-disinn artistiku u l-inġinerija straordinarji tiegħu[2], u ġie ddeżinjat bħala Għeliem Internazzjonali tal-Inġinerija Ċivili fl-2016.[3]