Għerien ta' Ellora
għerien-tempji antiki tal-Induiżmu, tal-Buddiżmu u tal-Ġainiżmu / From Wikipedia, the free encyclopedia
L-Għerien ta' Ellora huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fid-distrett ta' Aurangabad ta' Maharashtra, l-Indja. Is-sit huwa wieħed mill-ikbar kumplessi ta' għerien-tempji Induisti mnaqqxa fil-blat fid-dinja, b'opri tal-arti li jmorru lura għall-perjodu 600-1000 W.K.[1][2] L-Għar nru 16 fih l-ikbar tħaffir monolitiku fil-blat fid-dinja, it-Tempju ta' Kailash, monument b'għamla ta' karru ddedikat lill-alla Shiva. It-Tempju ta' Kailash fih ukoll skulturi ta' diversi divinitajiet Induisti kif ukoll panewijiet ta' riljievi li juru fil-qosor żewġ ġrajjiet epiċi Induisti ewlenin.
B'kollox hemm iktar minn 100 għar fis-sit, kollha mħaffra fl-irdumijiet tal-bażalt fl-Għoljiet ta' Charanandri, u 34 minnhom huma miftuħin għall-pubbliku.[3] Dawn jikkonsistu minn 17-il għar tal-Induiżmu (l-għerien nri 13-29), 12-il għar tal-Buddiżmu (l-għerien nri 1-12) u ħames għerien tal-Ġainiżmu (l-għerien nri 30-34).[4][5] Kull grupp ta' għerien jirrappreżenta divinitajiet u mitoloġiji prevalenti fl-ewwel millenju W.K. Barra minn hekk hemm ukoll monasteri ta' kull wieħed mit-tliet reliġjonijiet. L-għerien inbnew qrib xulxin u juru l-armonija reliġjuża li kienet teżisti fl-Indja tal-qedem.[6] Il-monumenti kollha ta' Ellora nbnew matul id-dinastija Rashtrakuta, li bniet parti mill-għerien Induisti u Buddisti, u matul id-dinastija Yadava, li bniet għadd ta' għerien Ġainisti. Il-finanzjament għall-kostruzzjoni tal-monumenti ġie pprovdut min-nies irjali, mill-merkanti u mill-għonja tar-reġjun.[7]
Għalkemm l-għerien servew bħala tempji u punt ta' waqfien għall-pellegrini, il-pożizzjoni tas-sit tul rotta kummerċjali antika tan-Nofsinhar tal-Asja wasslet biex is-sit ikun ukoll ċentru kummerċjali importanti fir-reġjun Dekkan.[8] Is-sit jinsab 29 kilometru (18-il mil) fil-Majjistral ta' Sambhaji Nagar, u madwar 300 kilometru (190 mil) fi Grieg il-Lvant ta' Mumbai. Illum il-ġurnata, l-Għerien ta' Ellora, flimkien mal-Għerien ta' Ajanta fil-qrib, huma attrazzjoni turistika ewlenija fir-reġjun ta' Marathwada f'Maharashtra u monument protett mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja (bl-Ingliż: Archeological Survey of India - ASI).[9]