From Wikipedia, the free encyclopedia
Marie-Juliette Olga " Lili " Boulanger (Franċiż: [maʁi ʒyljɛt ɔlɡa lili bulɑ̃ʒe] (21 ta’ Awwissu 1893 – 15 ta’ Marzu 1918) kienet kompożitur Franċiża u l-ewwel mara rebbieħa tal-premju għall-kompożizzjoni Prix de Rome. Oħtha l-kbira, Nadia Boulanger, kienet il-kompożitur u għalliem tal-kompożizzjoni magħrufa.
Lili Boulanger | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Pariġi, 21 Awwissu 1893 |
Nazzjonalità | Franza |
Mewt | Mézy-sur-Seine (en) , 15 Marzu 1918 |
Post tad-dfin | Ċimiterju ta' Montmartre |
Kawża tal-mewt | kawżi naturali (Crohn's disease (en) ) |
Familja | |
Missier | Ernest Boulanger |
Aħwa | |
Edukazzjoni | |
Alma mater | Conservatoire de Paris |
Lingwi | Franċiż |
Għalliema |
Nadia Boulanger (en) Paul Vidal (en) Gabriel Fauré (en) |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni | kompożitur |
Premjijiet |
List
|
Moviment | impressjoniżmu fil-mużika |
Moviment artistiku | mużika klassika |
Strument/i tal-mużika |
pjanu orgni vjolinċell arpa kitarra |
Bħala tifla prodiġja li twieled Pariġi, it-talent ta' Boulanger kien evidenti mill-età ta' sentejn, meta Gabriel Fauré, ħabib tal-familja, skopra li kellha intonazzjoni perfetta. Il-ġenituri tagħha, it-tnejn li huma mużiċisti, ħeġġew l-edukazzjoni mużikali ta’ binthom. Ommha, Raissa Myshetskaya (Mischetzky), kienet prinċipessa Russa li żżewġet lill-għalliem tagħha tal-Konservatorju ta’ Pariġi, Ernest Boulanger (1815–1900), li rebaħ il-Prix de Rome fl-1835. Missierha kellu 77 sena meta twieldet u kienet marbuta ħafna miegħu għall-kumplament ta' ħajtu. Nannuha Frédéric Boulanger kien violoncellist magħruf u n-nanna tagħha Juliette kienet kantanta.
Boulanger akkumpanjat lil oħtha Nadia ta' għaxar snin għal klassijiet fil-Konservatorju ta' Pariġi qabel ma kien għad kellha ħames snin, u ftit wara ħadet il-klassijiet dwar it-teorija tal-mużika u studjat l-orgni ma' Louis Vierne. Hija kantat u daqqet il-pjanu, il-vjolin, il-cello u l-arpa. L-għalliema tagħha kienu jinkludu Marcel Tournier u Alphonse Hasselmans għall-arpa, Mme Hélène Chaumont għall-pjanu u Fernand Luquin għall-vjolin.
Fl-1912, Boulanger ikkompetiet fil-Prix de Rome iżda waqt il-parteċipazzjoni tagħha ħassha ħażin minħabba li kienet marida. Fl-1913, fl-età ta’ 19-il sena, ikkompetiet mill-ġdid u rebħet il-premju tal-kompożizzjoni bill-kantata tagħha Faust et Hélène, u saret l-ewwel mara li rebħet il-premju. It-test inkiteb minn Eugene Adenis ibbażat fuq Faust ta' Goethe.[1] Il-kantata indaqqet bosta drabi matul ħajjitha.[2] Bis-saħħa tal-premju, hija kisbet kuntratt mal-pubblikatur Ricordi.
Nadia Boulanger kienet waqfet tikkompeti wara erba’ tentattivi bla suċċess u ffokat l-attenzjoni tagħha fuq ir-rwol tagħha bħala assistenta fil-klassi tal-orgni ta’ Henri Dallier fil-Konservatorju, fejn Lili studjat l-armonija, il-kontrapunt u l-kompożizzjoni ma’ Paul Vidal u Georges Caussade, taħt id-Direttur tal-Konservatorju Gabriel Fauré — id-direttur kien impressjonata ferm bit-talenti tagħha.
Boulanger kienet affettwata ħafna mill-mewt ta’ missierha fl-1900; ħafna mix-xogħlijiet tagħha wara dan iż-żmien jittrattaw temi ta’ niket u telfa. Ix-xogħol tagħha kien innutat għall-armonija u l-istrumentazzjoni ikkulurita u l-issettjar tat-test b'sengħa tajba. Aspetti ta’ Fauré u Claude Debussy jistgħu jinstemgħu fil-kompożizzjonijiet tagħha, filwaqt li Arthur Honegger kien influwenzat mix-xogħol innovattiv tagħha.
Skont Caroline Potter, “Iż-żewġt aħwa kienu influwenzati minn Debussy, u jidher li kellhom gosti letterarji simili għal dak il-kompożitur. Iż-żewġt aħwa ħadmu poeżiji ta' Maurice Maeterlinck, l-awtur tad-dramm Pelléas and Mélisande u tal-Prinċipessa Maleine; fi Frar 1916, Maeterlinck awtorizza lil Lili biex itella’ dan l-aħħar dramm bħala opra. Allegatament, Lili kienet kważi lestiet l-opra qabel mewtha, għalkemm baqgħu jeżistu biss il-partitura qasira tat-tieni xena mill-ewwel att, żewġ verżjonijiet tal-librett, u sketchbook.”[3]
Hija sofriet minn mard kroniku, li beda b'każ ta' pnewmonja tal-bronki fl-età ta' sentejn li dgħajfet is-sistema immunitarja tagħha, u li wassal għat-tuberkulożi intestinali li temmitilha ħajjitha fl-età ta' 24.[4][lower-alpha 1] Għalkemm kienet tħobb tivvjaġġa u ħadmet diversi xogħlijiet fl-Italja wara li rebħet il-Prix de Rome, saħħitha ġiegħlitha terġa’ lura d-dar, fejn hi u oħtha organizzaw appoġġ għas-suldati Franċiżi matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. L-aħħar snin tagħha kienu wkoll żmien produttiv mużikalment hekk kif ħadmet biex tlesti diversi xogħlijiet. Ma' mewtha ħalliet mhux mitmuma l-opra La princesse Maleine, li fuqha kienet ħadmet ħafna fl-aħħar snin tagħha.
Boulanger mietet f'Mézy-sur-Seine u ġiet midfuna f'qabar fiċ- Cimetière de Montmartre, li jinsab fil-kantuniera tal-Lbiċ tat-taqsima 33 qrib fejn Avenue Saint-Charles jiltaqa' ma' Chemin Billaud. Fl-1979, oħtha Nadia Boulanger kienet midfuna fl-istess qabar. Fih ukoll hemm il-fdalijiet tal-ġenituri tagħhom.[5]
Les sirènes (1911) huwa miktub għal soprano solista u kor bi tliet partijiet. Is-suġġett, is-sireni, juża test ta ' Charles Grandmougin . Dan ix-xogħol inħareġ għall-ewwel darba f’wieħed mill-laqgħat mużikali esklussivi ta’ ommha. Auguste Mangeot, kritiku mill-ġurnal mużikali ta’ Pariġi Le Monde Musicale, irrapporta li kulħadd għoġbu x-xogħol, tant li kellu jiġi ripetut. Boulanger użat din il-biċċa bħala tħejjija għall-kompetizzjoni tal-Prix de Rome, u minnha wieħed jista’ jara l-bażi soda tagħha fit-teknika klassika mgħallma fil-Konservatorju. Hija tuża din it-teknika bħala punt tat-tluq u tinkludi ħafna ideat popolari dak iż-żmien biex toħloq stil personali u ċar.[6]
Il-poeżija ta’ din is-selezzjoni tittratta s-sirena mitoloġika, ħlejqa li tkanta biex tisseduċi lill-baħrin biex jersqu fil-qrib; u meta jagħmlu hekk, is-sireni jibilgħu lill-irġiel. Boulanger turi din ix-xena b'mod mill-aktar vivaċi. Hija tuża ton tal-pedala fuq Fa♯ flimkien ma' ottavi axxendenti Do♯ fil-bidu biex turi l-effett mesmerizzanti tas-sireni. Hija tuża dan l-effett għal tmienja u għoxrin miżura, u effettivament tħannen lis-semmiegħa lejn raqda fonda.[6]
Ix-xogħol huwa ddedikat lil Madame Jane Engel Bathori.[7] Bathori, sopran, kienet magħrufa għall-organizzazzjoni tal-kunċerti tagħha, u appoġġat ħafna artisti u kompożituri ġodda.[8]
Boulanger ikkompona tliet salmi: Salmi 24, 129 u 130.[9]
Hi kkomponet Salm 24, bl-isem La terre appartient à l'Eternel (“L-art hi tal-Mulej”), fl-1916 waqt li kienet residenti Ruma. Ix-xogħol huwa ddedikat lil Monsieur Jules Griset, li kien id-direttur tal-Kor Guillot de Saint-Brice.[10] Durand ippubblika x-xogħol fl-1924. Ix-xogħol huwa maħdum għall-kor (magħmul minn soprano, alto, tenor u bass), akkumpanjat minn orgni u ensemble tar-ram (magħmul minn 4 qarni, 3 trombi, 4 trumbuni, 1 tuba), timpani u 2 arpi.[11] Il-partitura ta’ Boulanger tuża fanfarri tar-ram u siltiet korali omofoniċi: il-kuntrast tas-sezzjonijiet jikkuntrasta mal-istil tal-cantata rebbieħa tal-Prix de Rome tal-1912, Faust et Hélène, kif instema’ fir-reġistrazzjoni ta’ Yan Pascal Tortelier.[12]
Salm 129 kien kompost ukoll fl-1916 f’Ruma. Dan is-salm huwa ħafna itwal minn Salm 24 u huwa maħdum għal orkestra sħiħa.[13] Il-premiere sar fis- Salle Pleyel fl-1921, immexxija minn Henri Busser.[14]
Du fond de l'abîme (Salm 130 : De Profundis / "Mill-fond"), komposta għall-vuċi u l-orkestra, hija ddedikata għall-memorja ta' missierha, kif innotat fuq il-partitura.[15] Ix-xogħol, li tlesta meta Boulanger kellha tnejn u għoxrin sena, jinstema’ matur u jħaddan stil ta’ kompożizzjoni żviluppat.[16] Is-salmi ta’ Boulanger jikkommunikaw il-fidi Kattolika tagħha. Huwa maħsub li x-xogħol inkiteb b'reazzjoni għall-Ewwel Gwerra Dinjija.[17] Ix-xogħol huwa għal orkestra kbira inkluż sarrusofon.
Lili Boulanger temmet dan il-Pie Jesu (1918) lejn l-aħħar ta’ ħajjitha, iżda “l-ewwel skizzi ta’ Lili Boulanger għall-Pie Jesu jinsabu fi ktieb ta’ kompożizzjoni li użat bejn l-1909 u l-1913”.[18] Kif innutat minn oħtha, Nadia, dan ix-xogħol kien iddettat lilha għax Lili kienet marida wisq.[19] Skulari bħall-bijografu Léonie Rosenstiel[6] u Olivia Mattis[20] jispekulaw li Boulanger kellha l-intenzjoni li tikteb Quddiesa tar-Requiem sħiħa iżda ma għexitx biżżejjed biex taħdimha kollha. Miktuba għal vuċi għolja, kwartett tal-kordi, arpa u orgni, ix-xogħol ta' Boulanger huwa minimali.[21] Pie Jesu huwa l-uniku xogħol eżistenti ta’ Boulanger li juża test espliċitament Kristjan.[22]
Dan ix-xogħol, “Talba qadima Buddista”, huwa miktub għal tenur u kor (soprano, alto, tenor u bass), akkumpanjatii minn orkestra kbira li tikkonsisti minn: 2 flawtijiet, 2 obwe, qarn Ingliż, 2 klarinitti (Si♭), bass. klarinett (Si♭), 2 fagots, sarrusofonu + 4 qrun (F), 3 trombi, 4 tromboni, tuba + timpani, ċimbali, bass drum + celesta + 2 arpi, kordi.[23] Maħdum matul bejn l-1914 u l-1917, bħal ħafna mix-xogħlijiet tagħha, ma ndaqx qabel intemmet l-Ewwel Gwerra Dinjija, eżattament fl-1921. Dan ix-xogħol mhuwiex ibbażat fuq testi tal-Kattoliċiżmu, kif kienu s-salmi tagħha. Pjuttost, jistabbilixxi talb Buddista ta' kuljum.[24] James Briscoe jinnota li dan ix-xogħol juri xebh ma' Stravinsky iżda wkoll mal-ġenerazzjoni li ġiet warajha.[25]
Din il-poeżija sinfonika kienet l-aħħar xogħol li Boulanger setgħet tikkomponi b'idejha, mingħajr għajnuna fil-kitba.[26]
Dan ix-xogħol strumentali huwa wieħed mill-aħħar biċċiet li lestiet Lili Boulanger. Ġew prodotti arranġamenti differenti fosthom verżjoni għall-vjolin, għall-flawt, u għall-pjanu, oħra għat-trio tal-pjanu, u oħra għall-orkestra. Għalkemm spiċċat dawn iż-żewġ xogħlijiet strumentali, oħtha Nadia allegatament editjat ix-xogħlijiet biex iżżid id-dinamika u d-direzzjonijiet tal-interpretazzjoni.[27]
Titolu | Sena | Strumentazzjoni | Test minn |
---|---|---|---|
Sous-Bois | 1911 | Kor (SATB) u pjanu | Philippe Gille |
Notturn | 1911 | Vjolin u pjanu | N/A |
Renouveau | 1911 | Kwartett vokali (SATT) u pjanu/orkestra | Armand Silvestre |
Les Sirènes | 1911 | Sopran, kor u pjanu | Charles Grandmougin |
Reflets | 1911 | Vuċi u pjanu | Maurice Maeterlinck |
Preludju f'D Flat | 1911 | Piano | N/A |
Attente | 1912 | Vuċi u pjanu/orkestra | Maurice Maeterlinck |
Hymne au Soleil | 1912 | Kontralto, kor u pjanu | Casimir Delavigne |
Le Retour | 1912 | Vuċi u pjanu | Georges Delaquys |
Ferra les Funérailles | 1912 | Baritonu, kor u pjanu | Alfred de Musset |
Soir sur la Plaine | 1913 | Sopran, tenur u orkestra | Albert Samain |
Faust et Hélène | 1913 | Mezzo-soprano, tenur, baritonu, kor u orkestra | Eugène Adenis |
D'un Jardin Clair | 1914 | Piano | N/A |
D'un Vieux Jardin | 1914 | Piano | N/A |
Cortège | 1914 | Vjolin u pjanu | N/A |
Clairières dans le Ciel | 1914 | Vuċi u pjanu | Francis Jammes |
Psaume 24 | 1916 | Kor, orgni u orkestra | N/A |
Psaume 129 | 1916 | Baritonu u orkestra | N/A |
Dans l'immense Tristesse | 1916 | Vuċi u pjanu | Bertha Galeron de Calonne [ fr ] |
Psaume 130 | 1917 | 2 vuċijiet solisti, kor, orgni u orkestra | N/A |
Vieille Prière bouddhique | 1917 | Tenur, kor u orkestra | |
D'un Matin de Printemps | 1918 | Vjolin u pjanu | N/A |
Pie Jesu | 1918 | Vuċi, kwartett tal-kordi, arpa u orgni | |
D'un Soir Triste | 1918 | Orkestra |
F'Marzu 1939, Nadia Boulanger ħolqot il-Lili Boulanger Memorial Fund, bl-għajnuna ta' ħbieb Amerikani. Dan il-fond għandu żewġ għanijiet: li jipperpetwa l-mużika u l-memorja ta’ Lili Boulanger u jappoġġja finanzjarjament mużiċisti b’talent. Il-Lili Boulanger Memorial Fund ma jaċċettax applikazzjonijiet għall-kompetizzjoni annwali tiegħu iżda lista ta’ kandidati tiġi prodotta minn grupp ta’ nominazzjonijiet magħżula kull sena mill-membrii tal-Bord. Kull nominatur jista’ mbagħad jipproponi kandidat għall-premju. Il-Fond jagħti l-Prix Lili Boulanger lil wieħed minn dawn il-kandidati. L- Università ta' Massachusetts Boston tieħu ħsieb dan il-fond.[28] Ir-rebbieħa matul is-snin jinkludu lil Alexei Haieff (1942), Noël Lee (1953), Wojciech Kilar (1960), Robert D. Levin (1966, 1971) u Andy Akiho (2015).[29]
F'April 1965, inħolqot l-Assoċjazzjoni Ħbieb ta' Lili Boulanger f'Pariġi. Din l-organizzazzjoni saret iċ-Ċentru Internazzjonali Nadia u Lili Boulanger (CNLB) fl-2009.[30]
Joy-Leilani Garbutt u Laura Colgate, żewġ mużiċisti f'Washington DC, bdew l-Inizjattiva Boulanger fl-2018, f'ġieħ Lili u Nadia Boulanger, biex jappoġġjaw mużika komposta minn nisa.[31][32]
L-asteroid 1181 Lilith issemmiet f’ġieħ Boulanger.
Żewġ bijografiji huma The Life and Works of Lili Boulanger (ISBN 0-8386-1796-4 ) mill-mużikoloġista Amerikana Léonie Rosenstiel u À la recherche de Lili Boulanger mill-mużikologu u t-tenur Franċiż Jérôme Spycket.
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.