Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Polonja
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Polonja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Il-Polonja rratifikat il-Konvenzjoni fid-29 ta' Ġunju 1976, u b'hekk is-siti storiċi tagħha saru eliġibbli biex jiżdiedu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
Mill-2021, il-Polonja għandha 17-il Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO; 15 minnhom huma siti kulturali u 2 huma siti naturali. L-ewwel żewġ siti li tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO kienu l-Minjiera tal-Melħ ta' Wieliczka[4] u ċ-Ċentru Storiku ta' Krakovja, fl-1978.[5] L-iżjed żieda reċenti huwa l-Park Nazzjonali ta' Bieszczady bħala estensjoni tal-Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra tal-Ewropa, li żdied f'Lulju 2021.[6] Erba' mis-siti huma transnazzjonali. Il-Foresta ta' Białowieża hija kondiviża mal-Belarussja[7], it-Tserkva tal-Injam tal-Karpazji mal-Ukrajna[8], il-Park ta' Muskau / il-Park ta' Mużakowski mal-Ġermanja[9] u l-Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu ma' 18-il pajjiż Ewropew.