Park Nazzjonali ta’ Belovezhskaya Pushcha
park nazzjonali fil-Belarussja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Park Nazzjonali ta’ Belovezhskaya Pushcha (bir-Russu: Национальный парк «Беловежская пуща», bil-Belarussu: Нацыянальны парк Белавежская пушча[1]) huwa park nazzjonali f’partijiet mir-Reġjuni ta’ Brest (id-Distretti ta’ Kamyanyets u Pruzhany) u Grodno (id-Distrett ta’ Svislach) fil-Belarussja biswit il-fruntiera mal-Polonja. Mill-1992[2] tniżżel bħala l-komponent tal-Belarussja (flimkien mal-komponent tal-Polonja msejjaħ Park Nazzjonali ta’ Białowieża) tas-Sit ta’ Wirt Dinji transnazzjonali tal-UNESCO tal-Foresta ta’ Białowieża[3], l-aħħar framment ta’ foresta primordjali tal-boskijiet Ewropew li fil-qedem kienet tiksi l-Pjanura Ewropea kollha. F’dan is-Sit ta’ Wirt Dinji tgħix popolazzjoni kbira ta’ biżonti Ewropej l-iktar annimali tal-art tqal tal-kontinent. Il-fruntiera bejn il-Belarussja u l-Polonja taqsam dan is-Sit ta’ Wirt Dinji fi tnejn: il-Park Nazzjonali ta’ Belovezhskaya Pushcha fuq in-naħa tal-Belarussja u l-Park Nazzjonali ta’ Białowieża fuq in-naħa tal-Polonja. Minn Mejju 2015, iż-żewġ pajjiżi qablu li jadottaw reġim ħieles mill-viżi fi ħdan il-foresta, biex in-nies bil-mixi u ċ-ċiklisti li jiġu biex jaqsmu l-fruntiera Pierarova-Białowieża jkunu jistgħu jagħmlu dan b’mod ħieles fl-istess jum.[4][5]