![cover image](https://wikiwandv2-19431.kxcdn.com/_next/image?url=https://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/3/3c/Stonehenge2007_07_30.jpg/640px-Stonehenge2007_07_30.jpg&w=640&q=50)
Stonehenge
monument preistoriku Neolitiku fil-kontea Ingliża ta' Wiltshire / From Wikipedia, the free encyclopedia
Stonehenge huwa monument preistoriku fil-Pjanura ta' Salisbury f'Wiltshire, l-Ingilterra, tliet kilometri fil-Punent ta' Amesbury. Jikkonsisti minn ċirku megalitiku estern magħmul minn ħaġriet weqfin kbar tas-sarsen ħdejn xulxin, kull waħda għolja erba' metri, wiesgħa 2.1 metri, u b'piż ta' 25 tunnellata. Il-ħaġriet weqfin huma kkollegati flimkien permezz ta' ħaġriet mimdudin fuqhom. Fuq ġewwa taċ-ċirku hemm ċirku ieħor magħmul minn ħaġriet iżgħar, magħrufa bħala "Bluestone Horseshoe", b'piż ta' erba' tunnellati l-waħda. Dawn il-ħaġriet (bl-Ingliż: bluestones) ġew estratti mill-Għoljiet ta' Preseli fil-Lbiċ ta' Wales. Ġo dawn iċ-ċrieki hemm daħliet trilitiċi, magħmula minn żewġ menħir weqfin u ħaġra orizzontali fuqhom qisha arċitravu. Il-monument kollu, li issa huwa fdal, huwa orjentat lejn tlugħ ix-xemx fis-solstizju tas-sajf. Il-ħaġriet jinsabu fi ħdan borġ trab u ġebel li issa huwa miksi bil-ħaxix, u li jinsab fin-nofs tal-iktar kumpless dens ta' monumenti taż-Żmien Neolitiku u ta' Żmien il-Bronż fl-Ingilterra, inkluż diversi mijiet ta' tumuli (tumbati funebri tat-trab u l-ġebel).[1]
![Thumb image](http://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/3/3c/Stonehenge2007_07_30.jpg/640px-Stonehenge2007_07_30.jpg)
L-arkeologi jemmnu li Stonehenge nbena mit-3000 Q.K. sal-2000 Q.K. It-tumbata tal-madwar u l-ispazju bejnha u l-ħaġar, li jirrappreżentaw l-iktar fażi bikrija tal-monument, ġew datati għall-ħabta tat-3100 Q.K. Id-datazzjoni bir-radjukarbonju tissuġġerixxi li l-ewwel ħaġriet ittellgħu bejn l-2400 u l-2200 Q.K.[2], għalkemm jista' jkun li kienu fis-sit saħansitra mit-3000 Q.K.[3][4][5]
Stonehenge huwa wieħed mill-iktar monumenti ikoniċi famużi fir-Renju Unit u jitqies bħala ikona kulturali Brittanika.[6] Ilu Monument Antik Skedat protett bil-liġi mill-1882, meta kienet iddaħħlet leġiżlazzjoni fir-Renju Unit biex jiġu protetti l-monumenti storiċi. Is-sit u l-madwar tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986. Stonehenge huwa proprjetà tal-Kuruna u huwa ġestit minn English Heritage; l-art tal-madwar hija proprjetà tan-National Trust.[7][8]
Is-sit seta' kien post funebri mill-bidu nett tiegħu.[9] Depożiti b'għadam tal-bnedmin ġew datati saħansitra mit-3000 Q.K., meta saru t-tumbata u l-ispazju sa fejn iktar tard twaqqfu l-ħaġriet, u komplew għal mill-inqas 500 sena oħra.[10]