Teotihuacan
belt Mesoamerikana antika u sit arkeoloġiku fil-Messiku / From Wikipedia, the free encyclopedia
Teotihuacan (pronunzjata /teɪˌoʊtiːwəˈkɑːn/[1] u spelluta wkoll Teotihuacán) hija belt antika Mesoamerikana li tinsab f'sottowied tal-Wied tal-Messiku, li jinsab fl-Istat tal-Messiku, madwar 40 kilometru (25 mil) fil-Grigal tal-Belt tal-Messiku moderna. Teotihuacan illum il-ġurnata hija magħrufa bħala s-sit fejn hemm bosta mill-iżjed piramidi Mesoamerikani sinifikanti mill-puntdivista arkitettoniku li nbnew fl-Amerki pre-Kolumbjani, fosthom il-Piramida tax-Xemx u l-Piramida tal-Qamar. Fl-aqwa tagħha, x'aktarx fl-ewwel nofs tal-ewwel millenju (1 W.K. sal-500 W.K.), Teotihuacan kienet l-ikbar belt fl-Amerki, b'popolazzjoni li huwa stmat li kienet tlaħħaq il-125,000 jew iktar[2][3], u b'hekk kienet mill-inqas is-sitt l-ikbar belt fid-dinja dak iż-żmien.[4]
Il-belt kienet tkopri tmien mil kwadru (21 km2), u 80 sa 90 fil-mija tal-popolazzjoni totali tal-wied kienet tirresjedi f'Teotihuacan. Minbarra l-piramidi, Teotihuacan hija sinifikanti wkoll mill-puntdivista antropoloġiku għall-kumplessi residenzjali għal diversi familji, għat-Triq tal-Mejtin, u għall-affreski vibranti u ppreservati sew tagħha. Barra minn hekk, Teotihuacan kienet tesporta għodod fini tal-ossidjana li nstabu fil-Mesoamerka kollha. Huwa maħsub li l-belt ġiet stabbilita għall-ħabta tal-100 Q.K., b'bosta monumenti ewlenin li bdew jinbnew madwar il-250 W.K. Il-belt jaf damet teżisti sal-ħabta tas-sekli 7 u 8 W.K., iżda l-monumenti ewlenin tagħha nsterqu u ngħataw in-nar sistematikament għall-ħabta tal-550 W.K. Il-waqgħa tal-belt jaf hija relatata mal-fenomeni estremi tat-temp tal-535-536 W.K.
Teotihuacan bdiet bħala ċentru reliġjuż fl-Artijiet Għoljin Messikani għall-ħabta tas-seklu 1 W.K u saret l-ikbar ċentru u l-iżjed wieħed popolat fl-Amerki pre-Kolombjani. Teotihuacan kien fiha kumplessi residenzjali b'diversi sulari li nbnew biex jakkomodaw il-popolazzjoni daqstant kbira. It-terminu Teotihuacan (jew Teotihuacano) jintuża wkoll biex jirreferi għaċ-ċivilizzazzjoni kollha kif ukoll għall-kumpless kulturali assoċjat mas-sit.
Għalkemm huwa parti minn dibattitu miftuħ jekk Teotihuacan kinitx iċ-ċentru ta' imperu statali, l-influwenza tagħha fil-Mesoamerka kollha hija ddokumentata sew. Evidenza tal-preżenza Teotihuacano nstabet f'bosta siti f'Veracruz u fir-reġjun tal-Maja. L-Azteki ta' warajhom raw dawn il-fdalijiet tal-għaġeb u sostnew li kellhom nisel komuni mat-Teotihuacanos, u b'hekk immodifikaw u adottaw ċertu aspetti tal-kultura tagħhom. L-etniċità tal-abitanti ta' Teotihuacan għadu dibattitu miftuħ. Kandidati possibbli huma l-gruppi etniċi tan-Nahua, tal-Otomi jew tat-Totonac. Studjużi oħra ssuġġerew li Teotihuacan kienet multietnika, minħabba l-iskoperta ta' aspetti kulturali marbuta mal-Maja kif ukoll mal-poplu Oto-Pamean. Mhuwiex ċar jekk bosta gruppi kulturali differenti għexux f'Teotihuacan fl-aqwa tagħha, b'migranti li wasslu minn kullimkien, iżda speċjalment minn Oaxaca u l-Kosta tal-Golf.[5][6]
Wara l-waqgħa ta' Teotihuacan, il-Messiku ċentrali ġie ddominat minn setgħat iktar reġjonali, l-aktar dawk ta' Xochicalco u ta' Tula.
Il-belt u s-sit arkeoloġiku jinsabu fil-muniċipalità moderna ta' San Juan Teotihuacán fl-Istat tal-Messiku, madwar 40 kilometru (25 mil) fil-Grigal tal-Belt tal-Messiku. Is-sit ikopri erja totali ta' 83 kilometru kwadru (32 mil kwadru) u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[7] Huwa l-iżjed sit arkeoloġiku li jżuruh nies fil-Messiku, b'saħansitra 4,185,017 viżitatur fl-2017.[8]