Volubilis
sit arkeoloġiku fil-Marokk / From Wikipedia, the free encyclopedia
Volubilis (pronunzja bil-Latin: [wɔˈɫuːbɪlɪs]; bl-Għarbi: وليلي, b'ittri Rumani: walīlī; bil-lingwi Berberi: ⵡⵍⵉⵍⵉ, b'ittri Rumani: wlili) hija belt Berbera-Rumana parzjalment skavata fil-Marokk, li tinsab qrib il-belt ta' Meknes u li setgħet kienet il-belt kapitali tar-Renju tal-Mawritanja, mill-inqas minn żmien ir-Re Ġuba II. Qabel Volubilis, il-belt kapitali tar-renju x'aktarx li kienet Gilda.[1][2]
Mibnija f'żona agrikola għammiela, il-belt żviluppat mis-seklu 3 Q.K. 'il quddiem bħala insedjament Berberu u mbagħad bħala insedjament proto-Kartaġiniż, qabel ma saret il-belt kapitali tar-Renju tal-Mawritanja. F'qasir żmien kibret sew taħt it-tmexxija tar-Rumani mis-seklu 1 W.K. 'il quddiem u baqgħet tikber sa ma kienet tkopri madwar 42 ettaru (100 akru) ta' art b'ċirkwit ta' 2.6 kilometri (1.6 mil) ta' ħitan. Il-belt kisbet għadd ta' binjiet pubbliċi ewlenin fis-seklu 2, inkluż bażilika, tempju u arkata trijonfali. Il-prosperità tagħha, li nibtet prinċipalment mit-tkabbir taż-żebbuġ, qanqlet il-kostruzzjoni ta' bosta vilel kbar fil-kampanja bl-art tal-mużajk.
Il-belt sfat f'idejn it-tribujiet lokali għall-ħabta tal-285 W.K. u qatt ma reġgħet ittieħdet lura minn Ruma minħabba l-pożizzjoni remota tagħha u minħabba li ma tantx setgħet tiġi difiża daqshekk tul il-fruntiera tal-Lbiċ tal-Imperu Ruman. Baqgħet abitata għal mill-inqas 700 sena oħra, l-ewwel bħala komunità Kristjana Latinizzata, u mbagħad bħala insedjament Iżlamiku bikri. Fl-aħħar tas-seklu 8 saret is-sede ta' Idris ibn Abdallah, il-fundatur tad-dinastija Idrisida tal-Marokk. Sas-seklu 11, Volubilis kienet ġiet abbandunata wara li s-sede tal-poter ġiet rilokata lejn Fes. Il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni lokali ġiet ittrasferita lejn ir-raħal il-ġdid ta' Moulay Idriss Zerhoun, madwar 5 kilometri (3.1 mili) minn Volubilis.
Il-fdalijiet baqgħu sostanzjalment intatti sa ma ġew devastati minn terremot f'nofs is-seklu 18 u sussegwentement ir-rikkezzi li kien hemm ġew misruqa mill-mexxejja Marokkini li riedu l-ġebel għall-kostruzzjoni ta' Meknes. Lejn l-aħħar tas-seklu 19 is-sit ġie indentifikat definittivament bħala dak tal-belt antika ta' Volubilis. Matul u wara l-perjodu ta' tmexxija Franċiża fil-Marokk, madwar nofs is-sit ġie skavat, u ġew żvelati bosta artijiet tal-mużajk fin. Uħud mill-iżjed binjiet pubbliċi prominenti u mid-djar ta' status għoli ġew irrestawrati jew rikostruwiti. Illum il-ġurnata Volubilis hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, li tniżżlet fil-lista bħala "eżempju ppreservat sew ta' belt kolonjali Rumana kbira fil-periferiji tal-Imperu".[2]