Arkitett

persuna mħarrġa biex tfassal il-pjanti u tiddisinja l-binjiet, u tissorvelja l-kostruzzjoni tagħhom From Wikipedia, the free encyclopedia

Arkitett
Remove ads

Arkitett huwa persuna li tippjana, tiddisinja u tissorvelja l-kostruzzjoni tal-binjiet.[1] Il-prattika tal-arkitettura tfisser li wieħed jipprovdi servizzi marbuta mad-disinn tal-binjiet u l-ispazju fi ħdan sit madwar il-binjiet li jkunu joqogħdu fihom il-bnedmin jew jintużaw minnhom prinċipalment.[2] Etimoloġikament, it-terminu “arkitett” joriġina mil-Latin architectus[3], li ġej mill-Grieg[4] (arkhi-, kap/ewlieni + tekton, bennej, jiġifieri, kap bennej jew bennej ewlieni).[5]

Thumb
Arkitett fl-1893

Skont l-abbozz ta’ liġi ta’ Malta Nru 163 tad-9 ta’ Ottubru 2020, it-titli “arkitett” u “perit” jistgħu jintużaw b’mod interkambjabbli. Madankollu, teknikament mhux kull perit huwa neċessarjament arkitett, ladarba jista’ jkun hemm perit arkitett (bil-warrant apposta skont il-liġi) u perit inġinier (li ma jkunx arkitett).[6]

Ir-rekwiżiti professjonali għall-arkitetti jvarjaw minn post għall-ieħor. Id-deċiżjonijiet ta’ arkitett jaffettwaw is-sikurezza pubblika, u b’hekk arkitett irid ikun għamel taħriġ speċjalizzat li jikkonsisti minn edukazzjoni avvanzata[7] u esperjenza prattika qabel ma jingħata liċenzja jew warrant biex jipprattika l-arkitettura. Ir-rekwiżiti prattiċi, tekniċi u akkademiċi biex wieħed isir arkitett ivarjaw skont il-ġurisdizzjoni, għalkemm l-istudju formali tal-arkitettura fl-istituzzjonijiet akkademiċi kellu rwol ċentrali fl-iżvilupp tal-professjoni b’mod kumplessiv.

Remove ads

Oriġini

Thumb
Filippo Brunelleschi huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa arkitetti fl-istorja[8]

Tul l-istorja tal-qedem u Medjevali kollha, il-biċċa l-kbira tad-disinn arkitettoniku u l-kostruzzjoni kienu jitwettqu minn artiġjani—bħal pereżempju ħaddiema tal-ġebel u mastrudaxxi li kienu jagħmluha ta’ arkitett. Sa żminijietna, għad ma hemmx distinzjoni ċara bejn arkitett u inġinier. Fl-Ewropa, it-titli ta’ arkitett u ta’ inġinier kienu primarjament varjazzjonijiet ġeografiċi li kienu jirreferu għall-istess persuna, u sikwit kienu jintużaw b’mod interkambjabbli.[9][10]

Huwa suġġerit li diversi żviluppi fit-teknoloġija u fil-matematika ppermettew l-iżvilupp tal-professjoni ta’ arkitett, separatament mill-artiġjan prattikant. Il-karta ma kinitx tintuża fl-Ewropa għat-tfassil tal-pjanti tal-binjiet sas-seklu 15 iżda kulma jmur bdiet issir dejjem iktar disponibbli wara l-1500. Il-lapsijiet bdew jintużaw iktar spiss għat-tfassil tal-pjanti tal-binjiet sal-1600. Id-disponibbiltà tal-karta u tal-lapsijiet ippermettiet it-tpinġijiet tad-disinni qabel il-kostruzzjoni magħmula minn professjonisti.[11] Fl-istess żmien, l-introduzzjoni tal-perspettiva lineari u ta’ innovazzjonijiet bħall-użu ta’ projezzjonijiet differenti biex tiġi deskritta binja tridimensjonali b’żewġ dimensjonijiet, flimkien ma’ iktar fehim tal-akkuratezza dimensjonali, għenu biex id-disinjaturi tal-binjiet ikunu jistgħu jikkomunikaw l-ideat tagħhom. Madankollu, l-iżvilupp kien gradwali. Sas-seklu 18, il-binjiet komplew jiġu ddisinjati u jiġu stabbiliti mill-artiġjani għajr il-proġetti bi status għoli.[11][12]

Remove ads

Arkitettura

Thumb
Zaha Hadid, ir-rebbieħa tal-Premju Pritzker fl-2004

Fl-iktar pajjiżi żviluppati, dawk li jkunu kkwalifikati b’liċenzja, ċertifikazzjoni, warrant jew reġistrazzjoni ma’ korp rilevanti (spiss governattiv) biss jistgħu legalment jipprattikaw l-arkitettura. Tali liċenzjar ikun jirrikjedi lawrija universitarja, tlestija tal-eżamijiet b’suċċess, kif ukoll perjodu ta’ taħriġ.[13] Ir-rappreżentazzjoni ta’ xi ħadd bħala arkitett permezz tal-użu tat-termini u tat-titli tkun ristretta għall-individwi bil-liċenzja jew bil-warrant skont il-liġi, għalkemm inġenerali, derivati bħal pereżempju disinjatur arkitettoniku spiss ma jkunux protetti bil-liġi.

Il-prattika tal-arkitettura timplika l-kapaċità li wieħed jipprattika b’mod indipendenti mingħajr il-ħtieġa ta’ superviżjoni. It-terminu “professjonist tad-disinn tal-binjiet” (jew “professjonist tad-disinn”), b’kuntrast ma’ dan, huwa ferm usa’ bħala terminu u tinkludi lill-professjonisti li jipprattikaw indipendentement taħt professjoni alternattiva oħra, bħal pereżempju l-professjonisti tal-inġinerija, jew dawk li jassistu fil-prattika tal-arkitettura taħt is-superviżjoni ta’ arkitett bil-liċenzja jew bil-warrant, fosthom l-arkitetti apprendisti. F’ħafna postijiet, l-individwi indipendenti u mhux liċenzjati jistgħu jwettqu disinni mingħajr restrizzjonijiet professjonali u jiddisinjaw id-djar u strutturi żgħar oħra.

Remove ads

Prattika

Fil-professjoni tal-arkitett, l-għarfien tekniku u ambjentali, il-ġestjoni tad-disinn u tal-kostruzzjoni, u l-fehim tan-negozju huma importanti daqs id-disinn stess. Madankollu, id-disinn huwa l-ixprun tul il-proġett kollu u lil hinn minnu. Arkitett jaċċetta l-kummissjoni mingħand klijent. Il-kummissjoni jaf tkun tinvolvi t-tħejjija ta’ rapporti dwar il-fattibbiltà, l-awditjar tal-bini, id-disinn ta’ binja jew ta’ diversi binjiet, strutturi, u tal-ispazji bejniethom. L-arkitett jipparteċipa fl-iżvilupp tar-rekwiżiti li jkun irid il-klijent fil-binja. Tul il-proġett (mill-ippjanar sal-okkupanza), l-arkitett jikkoordina tim tad-disinn. L-inġiniera strutturali, mekkaniċi u elettriċi, kif ukoll speċjalisti oħra, jitqabbdu mill-klijent jew mill-arkitett, li jrid jiżgura li x-xogħol ikun ikkoordinat għall-kostruzzjoni tad-disinn.[14]

Organizzazzjonijiet professjonali

Jeżistu għadd ta’ organizzazzjonijiet professjonali nazzjonali li jippromwovu l-iżvilupp tal-karrieri u tan-negozju fl-arkitettura.

  • L-Unjoni Internazzjonali tal-Arkitetti (UIA)
  • L-Istitut Amerikan tal-Arkitetti (AIA), l-Istati Uniti
  • L-Istitut Irjali tal-Arkitetti Brittaniċi (RIBA), ir-Renju Unit
  • Il-Bord tar-Reġistrazzjoni tal-Arkitetti (ARB), ir-Renju Unit
  • L-Istitut Awstraljan tal-Arkitetti (AIA), l-Awstralja
  • L-Istitut tal-Arkitetti tal-Afrika t’Isfel (SAIA), l-Afrika t’Isfel
  • L-Assoċjazzjoni tal-Arkitetti Konsulenti (ACA), ir-Renju Unit[15]
  • L-Assoċjazzjoni tal-Arkitetti bil-Liċenzja (ALA), l-Istati Uniti
  • Il-Consejo Profesional de Arquitectura y Urbanismo (CPAU), l-Arġentina
  • L-Istitut Indjan tal-Arkitetti (IIA) u l-Kunsill tal-Arkitettura (COA), l-Indja
Remove ads

Referenzi

Loading related searches...

Wikiwand - on

Seamless Wikipedia browsing. On steroids.

Remove ads