Bibbja
From Wikipedia, the free encyclopedia
Remove ads
Il-Bibbja (mill-Grieg βιβλία, jew biblìa, li tfisser kotba) hu l-ktieb mqaddes tar-reliġjon Lhudija u tar-reliġjon Nisranija.

Dawk li jemmnu li nkitbet taħt ispirazzjoni divina jsejħulha wkoll il-Kitba Mqaddsa jew l-iSkrittura Sagra.
Hi magħmula minn kotba differenti fl-oriġni, forma u kompożizzjoni, miktubin fuq firxa twila ta’ żmien, preċeduti minn tradiżżjoni orali ftit jew wisq twila. Jekk ngħoddu wkoll il-proċess ta’ kodifikazzjoni tal-kanoni bibliku, it-testi bibliċi ħadu iżjed minn elf sena biex jinkitbu.
Mal-Bibbja Lhudija l-Kristjaneżmu żied bosta kotba, tant li l-Bibbja kellha tinqasam fit-Testment il-Qadim (jew Rabta l-Qadima), li t-testi tiegħu inkitbu qabel il-ministeru ta’ Ġesú Kristu, u t-Testment il-Ġdid (jew Rabta l-Ġdida), li jiddeskrivi "l-aħbar tajba" tal-miġja tal-Messija.
Remove ads
Bibbja Lhudija u Samaritana

Il-terminu "Bibbja Lhudija"[1] s-soltu jintuża biex ifisser it-testi mqaddsa tar-reliġjon Lhudija. Però dan mhux sewwa għax l-etimologija ta’ Bibbja hi Griega (= kotba), u dan it-terminu mhux aċċettat mis-segwaċi tal-monoteiżimu Lhudi. It-terminu li jużaw dawn hu Tanak, li mhux kelma bl-ilsien Lhudi imma akronimu (T-N-K) magħmul mill-inizjali tal-partijiet li fihom inġabru is-36 ktieb:
- Torah (Liġi jew Tagħlim; Pentatewku 5 rombli bil-Grieg)
- Nevi'im (Profeti)
- Ketuvim (Kitbiet; Aġjografi kitbiet imqaddsa bil-Grieg)
Il-kotba kollha tal-Bibbja Lhudija nkitbu bil-Lhudi ħlief xi partijiet żgħar li inkitbu bl-Aramajk.
Fost il-Lhud tal-antik, xi friegħi, in partikulari, is-sadduċej, kienu jqisu it-Torah biss bħala qaddisa, u mill-qedem is-samaritani kellhom pożizzjoni simili u kienu jqisu bħala kanoniċi il-Pentatewku u l-ktieb ta’ Ġoswè biss.
Il-komunitajiet Lhudin antiki tal-lingwa Griega, issa estinti, kienu jsegwu minflok kanoni iżjed miftuħ mill-kanoni Lhudi ta’ issa, dak li jgħidulu l-kanoni alessandrin, li ġej mill-verżjoni tas-Sebgħin tal-Bibbja. Fl-ewwel seklu WK, il-kanoni palestiniż, iżjed ristrett minn dak alessandrin, kien meqjus definittiv.
Remove ads
Bibbja Nisranija
Il-Bibbja Nisranija fiha it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid, li hu speċifikament Nisrani, jiġifieri għandu x’jaqsam ma’ Ġesù Kristu u t-twelied tal-Knisja appostolika.
Il-parti l-kbira tal-knejjes protestanti għat-Testment Antik isegwu il-kanoni Lhudi waqt li l-Knisja Kattolika u l-knejjes ortodossi jsegwu minflok il-kanoni alessandrin (b’xi differenzi), li fih kotba bil-Lhudi kif ukoll bill-Grieg. Il-kotba li ma jappartienux għall-kanoni tal-Bibbja Lhudija jgħidulhom dewterokanoniċi mill-Kattoliċi u apokrifi mill-protestanti li ħafna drabi idaħħluhom bħala appendiċi separati bejn iż-żewġ testmenti.
Anki għat-Testment il-Ġdid, miktub bil-Grieg (ħlief forsi l-evanġelju ta’ Mattew li jista’ jkun li nkiteb bil-Lhudi jew Aramajk), fl-antik kien hemm differenzi bejn il-knejjes fuq in-numru tal-kotba li aċċettaw bħala ispirati. In partikulari kien hemm xi dubbji fuq l-epistoli mhux attribwiti ta’ Pawlu ta’ Tarsu u fuq l-Apokalissi. Il-kotba kontroversjali tat-Testment il-Ġdid kienu jgħidulhom antilegomena.
Remove ads
It-Testament il-Qadim
It-taqsim tradizzjonali Nisrani hu f’ħames partijiet, jiġifieri il-Pentatewku, il-Kotba Profetiċi (ta' Kmieni = Kotba Storiċi u tat-Tard = profetiċi proprja), Kitba (jew Kotba tal-Għerf), Dewterokanoniċi. In-numru tal-kotba jvarja skont il-kanoni diversi (Lhudi, protestant, kattoliku, ortodoss). Fit-tabella, barra l-ordinazzjoni Lhudija, nżommu ordni loġiku:
It-testi li l-protestanti jgħidulhom "apokrifi" ma jikunsidrawhomx bħala kanoniċi imma ssoltu jżiduhom bħala appendiċi mal-Bibbji (pereżempju il-Bibbja ta’ Luteru jew il-Bibbja tar-Re Ġakmu tal-Ingilterra) biex, għalkemm ma jistgħux ikunu ta’ sisien għall-fidi, jistgħu ikunu utli biex isaħħu l-pjetà tal-insara. F’ħafna edizzjonijiet moderni però, l-iżjed f’edizzjonijiet iżjed kompatti u ekonomiċi, iħalluhom barra għal kollox.
Remove ads
It-Testament il-Ġdid
It-Testment il-Ġdid li jagħmel parti mill-Bibbja Nisranija biss, kien miktub oriġinarjament bil-Grieg b’ħafna semitiżmi, hu magħmul mill-erba’ Evanġelji, l-ittri tal-appostlu Pawlu, l-Ittri Kattoliċi, l-Atti tal-Appostli u l-Apokalissi, b’total ta’ 27 ktieb. Hemm qbil sostanzjali bejn id-diversi konfessjonijiet Insara (kattolika, ortodossa, protestanta) fuq in-numru u l-ordni tal-kotba, bl-unika differenza li fl-ordni Luteran l-aħħar kotba huma d-dewterokanoniċi, jiġifieri l-ittra lil-Lhud, l-ittri ta’ Ġakbu u ta’ Ġuda u l-Apokalissi, jiġifieri l-ittra lil-Lhud hi separata mill-ittri l-oħra Pawlini u l-ittri ta’ Ġakbu u ta’ Ġuda huma mifrudin mill-ittri kattoliċi.
- Erba’ Evanġelji:
- Evanġelju skont Mattew
- Evanġelju skont Mark
- Evanġelju skont Luqa
- Evanġelju skont Ġwanni
- Atti tal-Appostli
- Ittri ta’ San Pawl:
- Ittra lir-Romani
- L-ewwel ittra lill-Korintin
- It-tieni ittra lill-Korintin
- Ittra lill-Galatin
- Ittra lill-Efesin
- Ittra lill-Filippin
- Ittra lill-Kolossin
- L-ewwel ittra lit-Tessalonkin
- It-tieni ittra lill-Tessalonkin
- L-ewwel ittra lil Timotju
- It-tieni ittra lil Timotju
- Ittra lil Titu
- Ittra lil Filemon
- Ittra lil-Lhud
- Ittri kattoliċi:
- Ittra ta’ Ġakmu
- L-ewwel ittra ta’ Pietru
- It-tieni ittra ta’ Pietru
- L-ewwel ittra ta’ Ġwanni
- It-tieni ittra ta’ Ġwanni
- It-tielet ittra ta’ Ġwanni
- Ittra ta’ Ġuda
- Apokalissi jew Rivelazzjoni (isem protestant)
Remove ads
Forom letterarji
Il-Bibbja fiha bosta forom letterarji differenti. Il-kelma biblia forsi qiegħda fil-plural biex tindika din il-varjetà ta’ forom letterarji. Fil-bidu t-trasmissjoni tal-ġrajjiet kienet bil-fomm u fil-periklu li tintilef. Infatti nafu li ngħaqdu flimkien iż-żewġ tradizzjonijiet tat-tramuntana u ta’ nofsinhar tal-Palestina u l-influwenza tal-kulturi orjentali li kellhom kuntatt magħha l-ewwel kittieba fil-Babilonja ma nistgħux ninjorawha.
Il-forom litterarji preżenti fil-kotba bibliċi jistgħu jitqassmu bejn wieħed u ieħor f'dawn li ġejjin:
- forma storika: dawk it-testi li jagħtu deskrizzjoni f’kuntest storiku ta’ persuni u ġrajja. L-attendibbiltà storika ta’ dawn ir-rakkonti tvarja. Pereżempju, l-ewwel 11-il kapitlu tal-Ġenesi li jiddeskrivu l-ħolqien tad-dinja sa’ Abram (bidu tat-II millennju Q.K.), daż-żmien huma interpretati mill-eżeġeti nsara unanimament bħala simboliċi (rakkont tal-ħolqien, dnub oriġinali, dulluvju...). Anki fir-rumanzi ellenisti ta’ Tobija, Ġuditta, Ester il-kontestwalizzazjoni storika sservi biss bħala qafas għar-rakkont li għandu għan teoloġiku preċiż. Bil-kuntrarju, il-kotba li għandhom l-intenzjoni li jkunu tassew storiċi (Samwel, Slaten, Makkabej, ir-rakkonti evanġeliċi u l-Atti) jagħtu informazzjoni li rarament tirriżulta f’kuntrast mas-sorsi oħra minn dak iż-żmien. Għall-istejjer tal-patrijarki (Abram, Iżakk, Ġakobb-Iżrael, Ġużeppi) li qegħdin fil-Ġenesi, mhux possibbli nifluhom kritikament minħabba n-nuqqas totali ta’ sorsi storiċi fuq il-kulturi nomadi tal-Lvant tal-Qrib fit-II millennju Q.K.
- forma leġiżlattiva: tinkludi t-testi bil-liġijiet jew regoli fl-ambitu soċjali jew reliġjuż, l-iżjed preżenti ġewwa t-Torah (p.eż. Levitiku hu ktieb li hu interament leġiżlattiv).
- forma profetika: fiha l-orakli profetiċi, jiġifieri tħeġiġ morali imniedi minn nies li jqisu ruħhom bħala mibgħutin minn Alla. Dawn l-eżortazzjonijiet huma dejjem diretti lejn persuni definiti (slaten, individwi, komunitajiet ta’ fidili jew popolu sħieħ) li, bl-imġiba tagħhom tbegħdu mit-triq id-dritta. Anki l-eżortazzjonijiet li qegħdin fl-epistoli tat-testment il-ġdid jistgħu jitqisu taħt il-forma profetika.
- forma apokalittika: tinkludi testi simboliċi, li spiss ma jinfthemux razzjonalment, bl-għan li juru l-pjan rebbiegħ u definittiv t’Alla fuq l-istorja. Dawn dehru f’perijodi ta’ inċertezza kbira fil-komunità tal-fidili ġejja minn persekuzzjonijiet politiċi li setgħu iġegħluhom iħossuhom abbandunati minn Alla. It-testi apokalittiċi kważi kollha qegħdin fil-kotba ta’ Danjel u l-Apokalissi. L-Apokalissi in partikulari, ma kienx deskrizzjoni ta’ dak li kellu jiġri fil-ġejjieni mbiegħed, imma rassikurazzjoni lill-Knisja ta’ dak iż-żmien, persegwitata b’qilla feroċi mill-imperatur Ruman Dijoklezjanu, li l-Qawmien mill-Mewt ikollu l-aħħar kelma.
- forma tal-għerf: din il-kategorija wiesa’ tinkludi it-testi kollha li ma joqogħdux fl-oħrajn. Tinkludi talb (p.eż. Salmi), poeżiji erotiċi (p.eż. Għanja tal-Għanjiet), lamentazzjonijiet, meditazzjonijiet jew qwiel ta’ diversi tipi (Koħelet, Qwiel, Ġobb).
Remove ads
Messaġġ teoloġiku
Hu impossibbli li nagħtu definizzjoni univoka tal-messaġġ teoloġiku tal-kotba bibliċi. Minhom, infatti, ħarġu numru kbir ta’ konfessjonijiet reliġjużi ta’ ereżiji, kull waħda tiġġustifika ruħha b’qari u interpretazzjoni tat-test bibliku. Ma’ dan kollu, meta nfittxu kunċetti fundamentali teoloġiċi komuni għad-diversi konfessjonijiet, nistgħu insibu nukleji li fuqhom hemm qbil:
- Jeżisti esseri perfett, spirtu pur, mhux rappreżentabbli taħt l-ebda sura, etern, immutabbli, omnipotenti, omnixxenti.
- Fit-Testment il-Qadim Lhudi kien jissejaħ bl-isem komuni Alla (El jew Elohim), bl-isem komuni Mulej (Adonaj), bl-isem proprju JĦWH u b’diversi epiteti oħra: L-Ogħla, Etern, Qaddis, Qerried, Mulej tal-Qtajja. Fit-Testment il-Qadim Grieg u fit-Testment il-Ġdid kien imsejjah bl-ismijiet komuni Alla (Theos) u Mulej (Kyrios). Id-definizzjoni t’Alla bħala Missier hi bis fit-Testment il-Ġdid.
- Alla ħalaq liberament u mix-xejn l-univers u l-bniedem, quċċata tal-ħolqien, karatterizzat minn tjubija oriġinarja.
- F’ċertu punt fl-imgħodi l-bniedem fil-libertà tiegħu, għażel li jitbiegħed minn Alla (dnub oriġinali), u jdaħħal il-ħażen fil-ħolqien.
- Alla għamel rabta ma’ Abram u d-dixxendenti tiegħu, il-poplu t’Iżrael. Intrabat li jipproteġi matul iż-żmien il-poplu tiegħu u li jeżiġi l-qima lejh biss. L-indħil t’Alla hu ċar partikularment f’xi ġrajjiet: il-ħelsien mill-Eġittu (Eżodu, it-XIII seklu QK); ir-rebħa tal-Art Imwegħda ( is-sekli XIII-XI QK); It-tixrid tal-10 tribù idolatri tat-tramuntana (seklu VIII QK); l-eżilju fil-Babilonja u r-ritorn (seklu VI QK) minn hemm.
- Alla ta ‘l Mosè l-liġi, insostitwibbli u immodifikabbli, li tikkonsisti f'613-il mitzvòt (preċetti) u huma mqassrin fl-għaxar kmandamenti, bil-wegħda li jippremja 'l min jobdihom u jikkastiga ‘l min jiksirhom.
- Il-poplu t'Iżrael tbiegħed ħafna drabi mil-liġi jew applikaha minn barra biss, u għalhekk kien mċanfar min-nies imsejħin minn Alla, il-profeti.
- Alla wiegħed li jibgħat il-Messija għall-fidwa tal-poplu tiegħu.
- Fit-tmiem taż-żmien jirxoxta l-mejtin, jiggarantilhom is-salvazzjoni eterna jew kundanna eterna skont l-imġiba li kellhom fil-ħajja lejn Alla u l-proxmu.
Fit-Testment il-Ġdid, aċċettat mill-insara imma mhux mil-Lhud, hemm kunċetti oħra:
- Alla hu Missier, Iben u Spirtu s-Santu.
- Ġesù Kristu, il-Messija mistenni, iben Alla, wassal għal spjegazzjoni perfetta l-liġi ta’ Mosè, li tista’ tinġabar fil-qosor fl-imħabba t’Alla u l-imħabba tal-proxmu.
- Bil-mewt u l-qawmien tiegħu mill-mewt, dawk kollha li jemmnu fih jieġu salvati u rikonċiljati ma’ Alla.
Remove ads
Qari u interpretazzjoni
Kif nifhmu l-Bibbja, il-mod kif naqrawha u l-interpretazzjoni tagħha, dixxiplina li tissejjaħ ermenewtika tal-Bibbja, u fatt teoloġiku, jiġifieri jiddependi mid-diversi komunitajiet reliġjużi. Din hi differenti mill-eżeġesi li din tikkonsisti f’li toħroġ is-sens minn parti tat-test, bl-għajnuna ta’ dixxiplini bħall-filoloġija u l-istorja, waqt li l-ermenewtika tfittex li tagħti u tispjega s-sens iżjed wiesa’ li l-awtur ried jagħti l-publiku tiegħu. Pereżempju fit-Testment il-Ġdid, u in partikulari fil-kitba ta’ Pawlu, insibu ermenewtika ġdida tal-kitba mqaddsa Lhudija.
Għalhekk l-ewwel differenza kbira fl-ermenewtika tal-Bibbja hi bejn il-Lhud u l-Insara: għalkemm hemm affinità parzjali bejn iż-żewġ reliġjonijiet, għaliex għandhom parti mill-kanoni tal-Bibbja fil-komuni, huma żviluppaw tradizzjonijiet differenti tal-fidi u għalhekk metodi interpretattivi u ermenewtiċi differenti.
Remove ads
It-test
Sorsi tat-test Lhudi

Għat-Testment il-Qadim Lhudi, id-dokumenti l-izjed antiki huma dawk tar-Rotli tal-Baħar Mejjet, li nstabu fl-1947 u fihom frammenti ftit jew wisq sħaħ tat-testi kollha tal-Bibbja Lhudija. B’kollox ġejjin minn perijodu twil li jmur mill-250 Q.K. sat-68 AD.
Id-dokumenti l-iżjed awtorevoli miktuba mill-mażoreti u li jaqblu sostanzjalment mar-Rotli tal-Baħar Mejjet huma:
- il-Kodiċi tal-Kajr, iddatat 895-896 AD.
- il-Kodiċi ta’ Aleppo (A), iddatat 925-930 AD.
- il-Kodiċi ta’ Leningrad b19A (Codex Lenigradensis, L). Ġej mill-1008 - 1009 AD.
It-test kritiku (jiġifieri li jieħu kont tad-diversi dokumenti ewlenin) li daż-żmien jintuża bħala mudell għat-test Lhudi hu dak tal-Biblia Hebraica Stuttgartensia (BHS), ibbażat fuq L, miktub fl-1966 (1977, 1983, 1990) minn Karl Ellinger u W. Rudoph tad-Deutsche Bibelgesellschaft ta’ Stuttgart (għalhekk l-isem).
Sorsi tat-test Grieg

Għat-Testment il-Ġdid u t-Testment il-Qadim bil-Grieg, id-dokumenti l-iżjed antiki huma xi papiri li ġejjin mis-seklu II AD. Hemm xi ħamest elef manuskritti oħra konservati. L-iżjed awtorevoli minnhom huma dawn:
- il-Kodiċi Alessandrin (A), iddatat fil-bidu jew in-nofs tas-seklu V.
- il-Kodiċi Vatikan (B), aktarx kompost fl-Eġittu fis-seklu IV.
- il-Kodiċi ta’ Efrem (C), Dan inkiteb fuq xi testi li kienu mħassrin (għalhekk jgħidulu Palinsest) mit-teologu Sirjan Efrem. Jaħsbu li ġej mis-seklu V.
- il-Kodiċi ta’ Beza (D) jew Cantabrigensis (ta’ Cambridge), imsejjaħ hekk għax kien tal-kalvinista Teodoru minn Beza. Ġej mis-seklu V.
- il-Kodiċi Sinajtiku (S jew א): ġej min-nofs tas-seklu IV.
It-test kritiku (jiġifieri li jieħu kont tad-diversi dokumenti ewlenin) li daż-żmien jintuża bħala mudell għat-test tat-Testment il-Qadim bil-Grieg, inklużi l-kotba dewterokanoniċi hi l-edizzjoni ppublikata fl-1935 mill-filologu Ġermaniż Alfred Rahlfs.
It-test kritiku li daż-żmien jintuża bħala mudell għat-test Grieg tat-Testment il-Ġdid hu dak ta’ The Greek New Testament (GNT), minn K. Aland, M. Black, B. M. Metzger, A. Wikgren, Carlo Maria Martini, B. Aland. United Bible Societies. Edizzjonijiet: 1966, 1968, 1975, 1983 u 1993.
Remove ads
Verżjonijiet tal-Bibbja

Fost l-eluf tat-traduzzjonijiet tat-test bibliku għal-lingwi kollha tad-dinja, ta’ min isemmi dawn li ġejjin:
- Pentatewku Samaritan (Torah e Ġożwè). Definit fis-seklu IV QK, mhux proprjament traduzzjoni tas-6 kotba Lhudin għax anki hu, hu miktub bil-Lhudi, imma fih differenzi notevoli mit-test mażoretiku kanoniku. Hu t-test uffiċjali tal-komunità żgħira Samaritana li għadha teżisti fl-Iżrael s’issa.
- Pexitta Bl-aramajk, realizzata, skont it-tradizzjoni, mill-isqof tal-belt ta’ Edessa, Rabbula (miet fl-435), hu t-test uffiċjali ta’ diversi knejjes tat-tradizzjoni Sirjaka li qegħdin l-iżjed fil-Lvant tal-Qrib.
- Septwaġinta (jew tas-Sebgħin, jew LXX, min-numru ta’ tradutturi oriġinali). Hi il- verżjoni Griega tat-Testment il-Qadim, antika iżjed mit-Test mażoretiku stess, miktuba l-Ixandra, l-Eġittu bejn ir-IV u t-II seklu QK. L-ewwel intużat mil-Lhud tal-ilsien Grieg u wara xxerdet fost l-insara. Flimkien mat-test Grieg tat-Testment il-Ġdid, hi l-verżjoni uffiċjali tal-knejjes ortodossi.
- Vulgata (popolari). San Glormu fir-IV seklu qaleb għall-Latin it-test bibliku sħieħ. Il-Vulgata għal sekli sħaħ irrappreżentat it-test uffiċjali tal-Knisja u l-liturġija kattolika. Wara l-Konċilju Vatikan II, id-diversi knejjes kattoliċi nazzjonali żviluppaw u addottaw fil-kult liturġiku verżjonijiet fil-lingwi nazzjonali tagħhom.

- Bibbja ta’ Luteru. Il-verżjoni biblika Ġermaniża l-iżjed importanti, kellha influwenza notevoli fuq il-lingwa Ġermaniża stess. Luteru spiċċa it-TĠ fl-1522 u l-bibbja sħieħa fl-1534. Hi l-verżjoni ta’ riferiment, fit-test oriġinali jew fit-traduzzjonijiet tagħha għal ħafna knejjes protestanti.
- Bibbja tar-Re Ġakmu (King James Version, KJV). Hi l-Bibbja Inġliża l-iżjed importanti. Kienet ikkommissjonata mir-re Ingliż, Ġakmu I tal-Ingilterra. Ippubblikata fl-1611, tirrappresenta l-verżjoni uffiċjali tal-Knisja Anglikana u ta’ ħafna knejjes protestanti anglofoni.
- It-Traduzzjoni tad-Dinja Ġdida tal-Kitba Mqaddsa (New World Translation of the Holy Scriptures) hi traduzzjoni magħmula mill-Kongregazzjoni Nisranija tax-Xhieda ta’ Jeħova. Bl-Inġliż dehret f’bosta volumi bejn l-1950 - 60. Wara ġiet tradotta f’diversi lingwi. L-ebda traduzzjoni biblika qatt ma rċeviet kritika daqs din.
- Il-Bibbja ta’ Ġerusalemm (Bible de Jérusalem), realizzata bil-Franċiż bejn l-1947 u l-1955 hi x-xogħol tal-École Biblique de Jérusalem. Għandha importanza fundamentali għall-użu sistematiku tan-noti u l-introduzzjoni tal-metodu storiku-kritiku. Is-sistema kritika tagħha qiegħda f’bosta verżjonijiet f’ilsna oħrajn.
- Il-Bibbja TOB (abbrevjazzjoni ta’ Traduction Oecuménique de la Bible), ippubblikata bil-Franċiz fl-1975-1976, kienet magħmula minn eżeġeti kattoliċi u protestanti flimkien, appoġġata fl-aħħar minn studjużi ortodossi. Bħall-Bibbja ta’ Ġerusalemm, fiha sistema kritika utli ħafna, li tradotta qiegħda f’bosta verżjonijiet b'lingwi oħrajn.
- Il-Bibbja Riformata maqluba għall-Franċiż mit-teologu Louis Segond, rivista fl-1979 u ppubblikata minn Nouvelle Edition de Genève.
Remove ads
Noti
Storja tal-Bibbja bil-Malti
Ħoloq esterni
Wikiwand - on
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Remove ads
