Dolomiti

From Wikipedia, the free encyclopedia

Dolomiti
Remove ads

Id-Dolomiti (pronunzja: [doloˈmiːti]; bil-Ladino: Dolomites; bil-Ġermaniż: Dolomiten [doloˈmiːtn̩][1]; bid-djalett ta' Venezja: Dołomiti [doɰoˈmiti]; bid-djalett ta' Friuli: Dolomitis), magħrufa wkoll bħala l-Muntanji Dolomitiċi jew l-Alpi Dolomitiċi, huma katina muntanjuża li tinsab fil-Grigal tal-Italja. Jiffurmaw parti mill-Alpi tan-Nofsinhar tal-ġebla tal-ġir u jibqgħu sejrin mix-xmara Adige fil-Punent sal-Wied ta' Piave (Pieve di Cadore) fil-Lvant. Il-konfini fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar huma definiti mill-Wied ta' Puster u mill-Wied ta' Sugana (bit-Taljan: Valsugana). Id-Dolomiti jinsabu fir-reġjuni ta' Veneto, Trentino-Alto Adige/Südtirol u Friuli Venezia Giulia[2], u jkopru żona kondiviża bejn il-provinċji ta' Belluno, Vicenza, Verona, Trentino, Südtirol, Udine u Pordenone.[3]

Thumb
Veduta tat-Tre Cime di Lavaredo billejl

Gruppi muntanjużi oħra bi struttura ġeoloġika simili huma mifruxa tul ix-xmara Piave lejn il-Lvant – id-Dolomiti d'Oltrepiave; u 'l bogħod mix-xmara Adige lejn il-Punent – id-Dolomiti di Brenta (id-Dolomiti tal-Punent). Grupp iżgħar jissejjaħ Piccole Dolomiti (id-Dolomiti ż-Żgħar), u jinsab bejn il-provinċji ta' Trentino, Verona, u Vicenza.

Il-Park Nazzjonali tad-Dolomiti ta' Belluno u bosta parks reġjonali oħra jinsabu fiż-żona tad-Dolomiti. F'Awwissu 2009, id-Dolomiti tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4]

Remove ads

Etimoloġija

Isem id-Dolomiti, magħrufa wkoll bħala l-"Muntanji Ċari", oriġina minn isem il-blat kostitwenti tagħhom, id-dolomit. Dan il-blat issemma wara l-mineraloġista Franċiż tas-seklu 18 Déodat Gratet de Dolomieu (1750-1801), li kien l-ewwel wieħed li ddeskriva l-mineral.[5]

Storja

Thumb
Sassolungo

Għal millenji sħaħ, il-kaċċaturi u l-komunitajiet tagħhom kienu avvanzaw u laħqu l-ogħla reġjuni bil-blat u x'aktarx li kienu xxabbtu sa xi qċaċet ukoll. Hemm evidenza li l-patri Ġiżwita Franz von Wulfen minn Klagenfurt ixxabbat sa fuq il-Lungkofel u d-Dürrenstein fis-snin 90 tas-seklu 18. Fl-1857, il-Brittaniku John Ball kien l-ewwel wieħed li xxabbat sa fuq Monte Pelmo. Paul Grohmann iktar 'il quddiem tela' fuq diversi qċaċet bħal Antelao, Marmolata, Tofana, Monte Cristallo, u Boè. Għall-ħabta tal-1860, ix-xabbatur Agordin Simone de Silvestro kien l-ewwel persuna li tela' konxjament fuq iċ-Civetta. Michael Innerkofler kien wieħed mix-xabbaturi tat-Tre Cime di Lavaredo. Iktar 'il quddiem, żewġ xabbaturi lokali importanti ħafna li rnexxielhom jixxabtu ma' diversi qċaċet għall-ewwel darba kienu Angelo Dibona u Giovanni Piaz.[6]

Thumb
Il-qċaċet tat-Torrijiet ta' Vajolet

Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-linja militari bejn l-armata Taljana u dik tal-Awstrija u tal-Ungerija kienet tgħaddi mid-Dolomiti, u ż-żewġ naħat użaw il-mini tal-art b'mod estensiv. F'Cinque Torri (Ħames Torrijiet), f'Monte Piana u f'Monte Lagazuoi hemm mużewijiet tal-gwerra fil-beraħ. Bosta nies iżuru d-Dolomiti biex jixxabbtu tul mogħdijiet fl-għoli ħafna magħrufa bħala vie ferrate, li jgħaddu bejn il-blat tal-qċaċet u li kienu nħolqu matul il-gwerra.

Għadd ta' mogħdijiet fuq distanza twila jgħaddu mid-Dolomiti. Dawn jissejħu alte vie (bil-Ġermaniż: Dolomiten Höhenwege), jiġifieri litteralment mogħdijiet għoljin, u huma numerati minn 1 sa 10. Dawn il-mogħdijiet jieħdu xi ġimgħa biex wieħed jagħmilhom mill-bidu sat-tmiem, u fihom hemm diversi rifugi (għorfiet ta' rifuġju) fejn wieħed jista' jistkenn. L-ewwel mogħdija, li hija l-iktar waħda rinomata, tissejjaħ Alta Via 1. Fir-reġjun ta' Alta Badia ntużat id-datazzjoni bir-radjukarbonju biex tintwera konnessjoni bejn l-attività taċ-ċedimenti tal-art u t-tibdil fil-klima.[7]

Remove ads

Sit ta' Wirt Dinji

Id-Dolomiti ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2009.[4]

Thumb
Veduta panoramika ta' Marmolada

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[4]

Ġeografija

Ir-reġjun spiss jinqasam fid-Dolomiti tal-Punent u dawk tal-Lvant, isseparati bejniethom minn linja li tgħaddi mal-assi Val Badia – il-Mogħdija Muntanjuża ta' Campolongo – il-Wied ta' Cordevole (Agordino).

Klassifikazzjoni attwali

Thumb
Il-Mogħdija ta' Gardena
Thumb
Cristallo, Cortina d'Ampezzo
Thumb
Il-Grupp ta' Sella

Id-Dolomiti jistgħu jinqasmu fil-ktajjen muntanjużi li ġejjin:

  • Sella
  • Marmolada
  • Tofane
  • il-Grupp ta' Langkofel
  • il-Grupp ta' Geisler
  • il-Grupp ta' Peitlerkofel
  • il-Grupp ta' Puez
  • il-Grupp ta' Fanes
  • il-Grupp ta' Schlern
  • Rosengarten
  • Latemar
  • Pala
  • il-Muntanji ta' Lüsen
  • Civetta
  • Pelmo
  • Marmarole
  • il-Grupp ta' Cadini
  • il-Grupp ta' Cristallo
  • Sorapiss
  • Antelao
  • Bosconero
  • Vette Feltrine
  • Schiara
  • id-Dolomiti ta' Praga
  • id-Dolomiti ta' Sexten
  • id-Dolomiti ta' Friuli
Remove ads

Turiżmu u sport

Thumb
Skijjar f'Cortina fl-1903

Id-Dolomiti huma rinomati għall-iskijjar fix-xhur tax-xitwa u għat-tixbit, għall-mixi, għaċ-ċikliżmu u għall-qbiż mill-għoli (BASE jumping) fil-muntanji, kif ukoll għall-paragliding u għall-hang gliding fis-sajf u fl-aħħar tar-rebbiegħa/fil-bidu tal-ħarifa.[8][9] It-tixbit ilu tradizzjoni fid-Dolomiti mill-1887, meta Georg Winkler, li kellu 17-il sena, ixxabbat waħdu għall-ewwel darba sal-quċċata tal-Vajolettürme.[10] Iċ-ċentru prinċipali jinkludu: Rocca Pietore maġenb il-Glaċier ta' Marmolada, fil-konfini bejn Trentino u Veneto, l-irħula ż-żgħar ta' Alleghe, Falcade, Auronzo u Cortina d'Ampezzo, u l-villaġġi ta' Arabba, Urtijëi u San Martino di Castrozza, kif ukoll iż-żoni kollha tal-widien ta' Fassa, Gardena u Badia.[11]

Il-Maratona dles Dolomites, tellieqa tar-roti fit-triq li ddum ġurnata sħiħa, li tkopri seba' mogħdijiet muntanjużi tad-Dolomiti, issir kull sena fl-ewwel ġimgħa ta' Lulju.

Postijiet karatteristiċi oħra huma:

  • Monte Pasubio u Strada delle 52 Gallerie (mogħdija militari mħaffra bi 52 mina li nbniet matul l-Ewwel Gwerra Dinjija)
  • Altopiano di Asiago u Calà del Sasso, b'4,444 tarġa, l-itwal mogħdija bit-taraġ fid-dinja li hija miftuħa għall-pubbliku.
Remove ads

Qċaċet ewlenin

More information Isem, metri ...
Remove ads

Mogħdijiet muntanjużi ewlenin

More information Isem, metri ...
Remove ads

Parks ewlenin

  • Park Nazzjonali tad-Dolomiti ta' Belluno (315.11 km2)
  • Park naturali reġjonali tad-Dolomiti d'Ampezzo (112.00 km2)
  • Park Naturali Fanes-Sennes-Prags (257 km2)
  • Park naturali ta' Paneveggio – Pale di San Martino (197.0 km2)
  • Park Naturali ta' Schlern-Rosengarten (68 km2)
  • Park Naturali tad-Dolomiti ta' Sexten (116.3 km2)
  • Park Naturali ta' Puez-Geisler (102 km2)
  • Park Naturali Provinċjali ta' Adamello-Brenta (620.5 km2)
  • Park Naturali Reġjonali tad-Dolomiti ta' Friuli
Remove ads

Referenzi

Loading related searches...

Wikiwand - on

Seamless Wikipedia browsing. On steroids.

Remove ads