El Jadida
belt fil-Marokk From Wikipedia, the free encyclopedia
Remove ads
El Jadida (bl-Għarbi: الجديدة, b'ittri Rumani: al-Jadīda, [ald͡ʒadiːda]; oriġinarjament magħrufa bil-Berberu bħala Maziɣen jew Mazighen jew Mazagan; magħrufa bil-Portugiż bħala Mazagão) hija belt portwali maġġuri tul il-kosta tal-Oċean Atlantiku tal-Marokk, li tinsab 96 km fin-Nofsinhar tal-belt ta' Casablanca, fil-provinċja ta' El Jadida u fir-reġjun ta' Casablanca-Settat.[1] Għandha popolazzjoni ta' 170,956 ruħ skont l-aħħar stimi tal-2022.[2][3][4]
Il-belt iffortifikata, mibnija mill-Portugiżi fil-bidu tas-seklu 16 u msejħa Mazagan (bil-Portugiż: Mazagão), ittieħdet mill-Marokkini fl-1769.
Is-swar antiki ta' El Jadida huma wieħed mis-Seba' Għeġubijiet ta' Oriġini Portugiża fid-Dinja.[5] Il-belt iffortifikata Portugiża ta' Mazagan tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004[6], peress li tqieset bħala "eżempju straordinarju tal-interskambju ta' influwenzi bejn il-kulturi Ewropej u Marokkini" u bħala "eżempju bikri tat-twettqi tal-ideali tar-Rinaxximent integrati mat-teknoloġija tal-kostruzzjoni Portugiża".[6] Skont l-UNESCO, l-iżjed binjiet importanti mill-perjodu tal-Portugiżi huma ċ-ċisterna u l-Knisja Manwelina tat-Tlugħ is-Sema.[6]
Il-belt, u b'mod partikolari r-raħal ġar ta' Sidi Bouzid, jimtlew bin-nies fl-istaġun tas-sajf b'influss l-iktar ta' vjaġġaturi Marokkin għall-vaganzi. Fil-qrin hemm kumpless ta' Mazagan ta' ħames stilel, li jattira xi Marokkini ta' klassi medja kif ukoll bosta viżitaturi internazzjonali mill-Peniżola Għarbija kif ukoll mill-Ewropa u lil hinn. Il-kumpless ta' Mazagan fih korsa tal-golf iddisinjata minn Gary Player, każinò, nightclub u ristoranti. Bejn il-kumpless ta' Mazagan u El Jadida hemm il-lukanda msejħa Pullman Hotel, u biswitha hemm ir-Royal Golf El Jadida, korsa oħra tal-golf ta' 18-il toqba. Il-preżenza tal-portijiet u tal-fabbriki fil-qrib hija l-kawża tat-tniġġis tal-bajjiet ta' El Jadida.
Il-belt ilha tikber mill-2014, parzjalment bħala riżultat ta' żieda fl-attività tal-port fil-qrib ta' Jorf Lasfar u ż-żona industrijali tiegħu.
Remove ads
Etimoloġija
L-isem oriġinali tal-belt bil-lingwa Berbera kienet Maziɣen / Mazighen, li tfisser "il-Berberi".
L-ismijiet u l-laqmijiet l-oħra ta' El Jadida b'lingwi oħra kienu Cap Soleis[7], Portus Rutilis, Rusibis[8][9], Mazighen (bl-Għarbi: مازيغن)[10][11][12], al-Breyja (bl-Għarbi: البريجة), Mazagão, al-Mahdouma (bl-Għarbi: المهدومة) u Mazagan. L-isem attwali ta' El Jadida jfisser litteralment "il-Ġdida".
Remove ads
Storja

El Jadida inizjalment kienet magħrufa bħala al-Breyja meta nħatfet mill-Portugiżi fl-1502. Imbagħad saret magħrufa bil-lingwa Portugiża bl-isem ta' Mazagão. Il-Portugiżi bnew ċittadella fl-1514, u fortifikazzjoni ikbar fl-1541.[13] Ir-Renju tal-Portugall baqa' jikkontrolla l-belt sal-1769, u mbagħad abbanduna lil Mazagão bħala l-aħħar territorju fil-Marokk. Malli ġew imġiegħla jitilqu, il-Portugiżi qerdu l-Bastjun tal-Gvernatur u evakwaw lejn il-kolonja Portugiża tal-Brażil, fejn kienu stabbilew insedjament ġdid imsejjaħ Nova Mazagão (li issa jinsab f'Amapá).[14] Iktar 'il quddiem il-belt ittieħdet mis-Sultan Mohammed ben Abdallah fl-1769 u fil-biċċa l-kbira tagħha baqgħet diżabitata, u ġiet imlaqqma al-Mahdouma ("l-Irvinata"). Eventwalment, is-Sultan Abd al-Rahman tal-Marokk ordna li tinbena moskea, u l-partijiet meqruda tal-belt ġew rikostruwiti matul ir-renju tiegħu fil-bidu tas-seklu 19. Il-belt li reġgħet ħadet ir-ruħ ingħatat l-isem ta' al-Jadida, li litteralment tfisser "il-Ġdida".[6]
Remove ads
Sit ta' Wirt Dinji

Il-Belt Portugiża ta' Mazagan (El Jadida) ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[6]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[6]
Attrazzjonijiet prinċipali
- Iċ-Ċisterna Portugiża
- Il-Kanuni u l-Fortizza
- Il-Port l-Antik
- Il-Bajja tal-Belt
- It-Teatru Muniċipali (it-Teatru ta' Mohamed Afifi)
- Il-Binja Muniċipali
- Il-Binja tal-Posta
- Il-Moskea l-Kbira
- Il-Belt l-Antika
- Il-Palazz l-Aħmar
- Il-Fanal ta' Sidi Abou Wafi
- Il-Kumpless Ekwestri
Ċisterna Portugiża
Imkabbar mill-1514, dan l-eks maħżen (x'aktarx armerija) ġie kkonvertit f'ċisterna fis-seklu 16. Il-kompartiment taħt l-art, ta' 34 metru b'34 metru, inbena b'ħames ringieli ta' ħames pilastri tal-ġebel. Il-ċisterna hija famuża speċjalment għal-livell baxx tal-ilma mal-art, li joħloq riflessjonijiet sottili u dejjem jinbidlu bil-ftit dawl li hemm u l-għamliet spartani tal-kolonni u s-saqaf. Il-kwalitajiet viżivi taċ-ċisterna wasslu biex diversi films inġibdu hemmhekk, fosthom Othello ta' Orson Welles li x'aktarx li huwa l-iktar magħruf internazzjonalment.[15]
Fortizza ta' Mazagan
Id-disinn tal-Fortizza ta' Mazagan hija rispons għall-iżvilupp ta' artillerija moderna fir-Rinaxximent.[16] L-għamla ta' stilla tal-fortizza hija madwar 250 metru bi 300 metru. Il-ħitan enormi kemxejn inklinati bħala medja huma għoljin madwar tmien metri u għandhom ħxuna ta' għaxar metri. Fuqhom hemm mogħdija bil-mixi wiesgħa żewġ metri li kienet tintuża għall-għassa. Attwalment il-fortifikazzjoni għandha erba' bastjuni: il-Bastjun ta' Sant'Anġlu fil-Lvant, il-Bastjun ta' San Bastjan fit-Tramuntana, il-Bastjon ta' Sant'Antnin fil-Punent, u l-Bastjun tal-Ispirtu s-Santu fin-Nofsinhar. Il-ħames wieħed, il-Bastjun tal-Gvernatur fid-daħla prinċipali, inqered kważi għalkollox mill-Portugiżi fl-1769 għajr xi fdalijiet tiegħu. Bosta kanuni Portugiżi tal-epoka kolonjali għadhom ippożizzjonati fuq il-bastjuni.[17]
Il-forti għandu tliet daħliet: id-Daħla tal-Baħar, li tifforma port żgħir mas-swar tal-Grigal, id-Daħla tal-Barri mas-swar tal-Majjistral, u d-Daħla Prinċipali bi ħnejja doppja fiċ-ċentru tas-swar tan-Nofsinhar, li oriġinarjament kienet konnessa mal-art permezz ta' pont li jitla' u jinżel. Madwar il-forti hemm ħandaq wiesa' madwar għoxrin metru u fond tliet metri, li fl-imgħoddi kien mimli bl-ilma baħar. Matul żmien il-Protettorat Franċiż, il-ħandaq intradam apposta u nfetħet daħla ġdid li tagħti għat-triq prinċipali tal-belt, Rua da Carreira, u għad-Daħla tal-Baħar. Tul din it-triq hemm l-iktar binjiet storiċi ppreservati tajjeb, inkluż il-Knisja Kattolika tat-Tlugħ is-Sema u ċ-ċisterna.
Remove ads
Klima
El Jadida għandha klima Mediterranja bi sjuf sħan (skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen: Csa). Fix-xitwa tinżel iktar xita milli fis-sajf. It-temperatura annwali medja f'El Jadida hija 17.4 °C (63.3 °F). Kull sena x-xita li tinżel tammonta għal madwar 372 mm (14.65-il pulzier).[18]
Remove ads
Edukazzjoni
Il-belt tospita bosta istituzzjonijiet akkademiċi postsekondarji u l-Università ta' Chouaib Doukkali[20][21], li tinkludi l-istituzzjonijiet li ġejjin:
- il-Fakultà tax-Xjenza,
- il-Fakultà tal-Lingwi, il-Letteratura u l-Umanitajiet,[22]
- il-Fakultà tax-Xjenzi Ġuridiċi, Ekonomiċi u Soċjali,[23]
- l-Iskola Nazzjonali tax-Xjenzi Applikati (ENSA),[24]
- l-Iskola Nazzjonali tan-Negozju u l-Immaniġġjar (ENCG),
- l-Iskola Superjuri tat-Teknoloġija (EST) - Sidi Bennour (barra El Jadida).[25]
Barra minn hekk, hemm l-Uffiċċju tat-Taħriġ Vokazzjonali u l-Promozzjoni tax-Xogħol (OFPPT), li jinkludi l-istituzzjonijiet li ġejjin:
- iċ-Ċentru tal-Kwalifiki Professjonali (CQP),[26]
- l-Istitut Speċjalizzat tat-Teknoloġija Applikata (ISTA) - f'Al-Massira,
- l-Istitut Speċjalizzat tat-Teknoloġija Applikata (ISTA) - fil-Belt tal-Arja,[27]
- l-Istitut Speċjalizzat tat-Teknoloġija tal-Lukandi u t-Turiżmu (ITHT) - f'El Jadida,[28]
- l-Istitut Speċjalizzat tat-Teknoloġija tal-Lukandi u t-Turiżmu (ITHT) - f'Al Haouzia,[29]
- l-Istitut tat-Teknoloġija Applikata (ITA) - f'Azemmour,[30]
kif ukoll:
- iċ-Ċentri Reġjonali għall-Professjonijiet tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ (CRMEF),
- it-Taqsima taċ-"Ċertifikat Għoli tat-Tekniċi" (BTS) - fl-iskola teknika ta' ar-Razi,[31]
- it-Taqsima tal-"Klassijiet Preparatorji għall-Iskejjel il-Kbar" (CPGE) - fl-iskola teknika ta' ar-Razi,[32]
- l-Istitut Għoli tal-Inġinerija u n-Negozju (ISGA) - privat.[33]
Remove ads
Sport
Il-klabb tal-futbol prinċipali tal-belt huwa Difaâ Hassani El Jadidi, li attwalment jikkompeti fil-Botola Pro 1.
Bliet fil-qrib
Qrib El Jadida hemm il-belt ta' Azemmour fil-Grigal u r-raħal ta' Sidi Bouzid fil-Lbiċ. Fi ħdan perimetru ta' madwar 120 kilometru jew inqas, hemm Casablanca, Berrechid, Settat, Sidi Bennour, Oualidia, Youssoufia u Safi.
Nies notevoli
- Jaafar Aksikas, awtur
- Driss Chraïbi, awtur
- André Elbaz, pittur u reġista
- André Guelfi, sewwieq tat-tlielaq tal-karozzi
- Driss Jettou, eks Prim Ministru, President tal-Qorti Suprema tal-Awdituri
- Abdelkebir Khatibi, awtur
- Abdellah Lahoua, plejer tal-futbol
- Chaïbia Talal, pittur
- Mohamed Nahiri, plejer tal-futbol
- Zakaria Hadraf, plejer tal-futbol
- El Mehdi Karnass, plejer tal-futbol
- Yousra Mansour, vokalista ta' Bab L' Bluz
- Youssef Kaddioui, eks plejer tal-futbol internazzjonali
- Suleiman Zanfari, sewwieq tat-tlielaq tal-karozzi.
Ġemellaġġi
El Jadida hija ġemellata ma':
Referenzi
Wikiwand - on
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Remove ads
