Jan Vermeer
pittur Olandiż From Wikipedia, the free encyclopedia
Remove ads
Johannes Vermeer jew Jan Vermeer /jɑn vər'meˑɪ̯r/, (Delft, 31 ta' Ottubru 1632 – Delft, 15 ta' Diċembru 1675) kien pittur Olandiż.

Remove ads
Bijografija







Ftit nafu fuq il-ħajja ta' Vermeer: bħala sorsi għandna biss xi reġistri, xi ftit dokumenti uffiċjali u kummenti ta' artisti oħra. Id-data tat-twelid ma nafuhiex eżatt, nafu biss li tgħammed fil-31 ta' Ottubru 1632 fil-knisja Protestanta ta' Delft. Missieru, Reynier Vermeer, kien nissieġ tal-ħarir tal-klassi nofsanija, li kien jinnegozja wkoll fix-xogħlijiet tal-arti. Ommu Digna, li kienet minn Antwerpen, iżżewġet lil Reynier fl-1615. Fl-1641 il-familja akkwistat lukanda jisimha Mechelen, isem ta' belt fil-Belġju, li kienet tinsab fl-inħawi ta' misraħ is-suq. Reynier barra x-xogħol ta' negozjant tal-arti u ta' nissieġ beda jaħdem ukoll ta' lukandier. Meta miet missieru, fl-1652, Joannes wiret il-lukanda u n-negozji tiegħu.
Minkejja li kien minn familja Protestanta, iżżewweġ tfajla Kattolika, Catherina Bolnes, f'April tal-1653. Barra d-differenzi reliġjużi, il-familja tal-mara kienet iżjed għanja minn dik ta' Vermeer. Jidher li hu kien ikkonverta qabel iż-żwieġ, għax it-tfal tagħhom ingħataw ismijiet ta' qaddisin Kattoliċi minflok tal-ġenituri. Barra minn hekk waħda mill-pitturi tiegħu l-Allegorija tal-fidi, tirrapreżenta l-fidi fl-Ewkaristija, imma ma nafux jekk din tirreferix għall-fidi tal-artista jew ta' min ordnaha.
Ftit wara it-tieġ, il-koppja marru joqogħdu ma' omm Catherina, Maria Thins, armla tat-tajjeb, li kienet fil-kwartier Kattoliku tal-belt. Vermeer baqa' jgħix hemm mal-familja ħajtu kollha. Maria kienet importanti fil-ħajja tal-pittur, l-ewwel tifla issemmiet għaliha u kienet tgħinu bi flusha sakemm hu għamel isem fid-dinja tal-arti. Johannes u martu kellhom b'kollox 14-il tifel u tifla li tlieta minnhom mietu qabel missierhom.
Remove ads
Il-karriera
Beda l-apprendistat tiegħu fl-1647, forsi ma' Carel Fabritius. Fid-29 ta' Diċembru 1653, Vermeer sar membru tax-Xirka ta' San Luqa. Mir-reġistri ta' din l-għaqda ta' pitturi nafu li l-artista ma setax iħallas il-miżata tas-sħubija, u dan juri li kellu problemi finanzjarji. Wara s-sitwazzjoni ttejbet, Pieter Van Ruijven, wieħed miċ-ċittadini l-iżjed għonja sar patrun tiegħu u xtara ħafna pitturi minn għandu.
F-1662 Vermeer ġie elett kap tax-Xirka u baqa' f'din il-kariga għal xi snin, sinjal li kien meqjus bħala ċittadin rispettabbli. Però fl-1672 l-invażjoni tar-Repubblika Olandiża mill-Franċiżi ġabet kriżi finanzjarja gravi u nixfet għal kollox id-domanda għal oġġetti ta' lussu bħall-pitturi u, għalhekk in-negozju ta' Vermeer bħala artista u merkant tant mar għall-agħar li kellu jissellef.
Meta miet fl-1675. Lil martu u 'l uliedu, Vermeer ħallilhom ftit flus u ħafna dejn. F'dokument martu waħħlet fl-inkwiet tal-problemi ekonomiċi għal mewtu. Catherina talbet il-Kunsill tal-belt li jieħdu d-dar u l-pitturi bħala ħlas. Dsatax-il pittura baqgħu għand Catherina u Maria, u minn dawn ftit inbiegħu biex jitħallsu l-kredituri.
Remove ads
Teknika
Vermeer kellu l-ħila jikseb kuluri trasparenti billi japplika punti qrib xulxin fuq it-tila, teknika magħrufa bħala pointillé, li m'għandniex inħawduha ma pointillisme. It-teknika tiegħu tagħti riżultati mill-iżjed vivaċi possibbli, b'effetti, fuq kollox tal-kulur, li hu kien jirriċerka b'interess kważi xjentifiku. Kien iqis is-suġġett bħala konvenjenza: "Il-pitturi ta' Vermeer huma fil-verità naturi mejtin bin-nies".[1]
M'hemmx disinji li żgur nistgħu nattribwuhom lill-artista u l-kwadri tiegħu ma tantx jagħtu ħjiel tal-metodi preparatorji li uża.
Fil-ktieb Secret Knowledge: Rediscovering the Lost Techniques of the Old Masters (Għarfien Sigriet: Riskoperta tat-Tekniki Mitlufa tal-Pitturi l-Kbar)[2], li kiteb il-pittur famuż Ingliż David Hockney fl-2001 (rivedut 2006), informat mill-ħafna studji li għamel dwar l-użu tal-istrumenti ottiċi fil-Pittura Fjamminga, l-awtur isostni li Vermeer, bħal ħafna pitturi oħra tal-epoka, kien jinqeda ħafna bil-camera oscura biex jiddefinixxi l-fiżjonomija eżatta tal-persunaġġi rrappresentati u l-pożizzjoni preċiża tal-oġġetti fil-kompożizzjoni tal-kwadri. Skont it-"teżi Hockney-Falco" (mill-isem tal-pittur u tal-fiżiku Amerikan Charles M. Falco, li għamluha famuża), l-użu ta' dan l-istrument ottiku hu biżżejjed biex jiġġustifika in-nuqqas ta' disinji ta' tħejjija għal pitturi ta' preċiżjoni "fotografika" u fiżjonomika straordinarja ta' ħafna artisti Fjammingi, bħal Van Eyck, u wara tal-epoka barokka, bħal Caravaggio jew Velázquez, u appuntu ta' Vermeer. Imma fuq kollox, skont din it-teżi, l-użu tal-"camera oscura" tispjega wkoll xi wħud mill-effetti sorprendenti tad-dawl fil-kwadri ta' Vermeer, b'mod partikolari l-effetti kurjużi "mhux iffokati" li niltaqgħu magħhom f'xi kapolavuri tiegħu, fejn xi dettalji huma ffokati perfettament u oħrajn mhumiex, bħal effett tipiku li nsibu fit-teknika fotografika moderna.
Il-vivaċità estrema tal-kuluri fil-pitturi ta' Vermeer, li għadna naraw sal-lum, ġejja mill-kura kbira li ħa l-artista fit-tħejjija taż-żebgħa taż-żejt u fit-tfittxija għall-aħjar pigmenti li seta' jsib f'dik l-epoka. Bħala eżempju ta' dan hemm il-ħafna użu li għamel Vermeer tal-ikħal ultramarine, miksub mill-lapislazzuli, li kien iqum ħafna. Dan użah fil-pitturi kollha tiegħu mhux biss pur imma wkoll fl-isfumaturi tal-kuluri intermedji. Anki fis-snin meta kien fi stat finanzjarju ħażin ħafna, dan il-kulur li kien jiswa ħafna, baqa' jużah.[3]
Fix-xogħlijiet tiegħu allura insibu atmosfera eċċezzjonali. "Il-ħajja siekta tal-oġġetti tidher riflessa f'mera ċara; mill-firxa tad-dawl mal-ġewwieni dieħel mit-twieqi mbexxqin, mill-logħob tar-riflessi, mill-effetti tat-trasparenza, penombri u dawl minn wara..."[4]
Remove ads
Il-pitturi foloz
Fil-bidu tas-seklu 200 kien hemm proliferazzjoni kbira fis-swieq tal-arti ta' pitturi ta' Vermeer foloz. Dawn kien qiegħed ipinġihom wieħed mill-iżjed falzaturi famużi tal-aħħar seklu, l-Olandiż Han van Meegeren. Dan il-falzatur ta' ħila kbira uża l-istess tekniki tal-pittura tal-artista biex ħoloq ħafna kwadri b'kompożizzjonijiet oriġinali għal kollox u rnexxielu jgħaddihom bħala xogħlijiet awtentiċi ta' Vermeer, tant li ħafna kollezzjonisti famużi u xi wħud mill-mużewijiet mill-iżjed importanti tal-Ewropa kisbu dawn il-kwadri għall-kollezzjonijiet tagħhom.[5]
Bla dubju dan il-fenomenu famuż għenu n-nuqqas stramb ta' sorsi dokumentali u ta' studji fil-fond tax-xogħlijiet u tal-figura tal-artista Olandiż, li sal-aħħar tas-seklu 19 kien intnessa u kważi ntilfet kull traċċja tal-istorja artistika tal-pittur. Il-kritika moderna ta' Vermeer bdieha l-istudjuż Franċiż Théophile Thoré-Bürger. Minn dan il-punt 'l hawn, il-figura tiegħu gawdiet attenzjoni dejjem tikber mill-kritiċi u mill-pubbliku li issa għandu fama internazzjonali.
Remove ads
Bibliografija
- Erik Larsen, Jan Vermeer: catalogo completo, Borgo S. Croce, Octavo, 1996. ISBN 88-8030-074-1
- John Michael Montias, Vermeer: l'artista, la famiglia, la città, Torino: Einaudi, 1997. ISBN 88-06-12192-8
- Roberto Diodato, Vermeer, Góngora, Spinoza - L'estetica come scienza intuitiva, Bruno Mondadori, 1997, 310 pagine, ISBN 88-424-9438-0
- Norbert Schneider, Vermeer: 1632-1675: i sentimenti dissimulati, Koln, Taschen, 2001. ISBN 3-8228-0972-1
- Anthony Bailey, Il maestro di Delft: storia di Johannes Vermeer, genio della pittura, Milano, Rizzoli, 2003. ISBN 88-17-87306-3
- Liedtke, Walter (2009). The Milkmaid by Johannes Vermeer. New York: The Metropolitan Museum of Art. ISBN 978-1-58839-344-9
- Liedtke, Walter A. (2001). Vermeer and the Delft School. Metropolitan Museum of Art. ISBN 978-0-87099-973-4
- Kreuger, Frederik H. (2007). New Vermeer, Life and Work of Han van Meegeren. Rijswijk: Quantes. pp. 54, 218 and 220 give examples of Van Meegeren fakes that were removed from their museum walls. Pages 220/221 give an example of a non–Van Meegeren fake attributed to him. ISBN 978-90-5959-047-2
- Schneider, Nobert (1993). Vermeer. Cologne: Benedikt Taschen Verlag. ISBN 3-8228-6377-7
- Sheldon, Libby; Nicola Costaros (February 2006). Johannes Vermeer’s ‘Young woman seated at a virginal. The Burlington Magazine (vol. CXLVIII ed.) (1235).
- Steadman, Philip (2002). Vermmeer's Camera, the truth behind the masterpieces. Oxford University Press. ISBN 0-19-280302-6
- Wadum, J. (1998). "Contours of Vermeer". In I. Gaskel and M. Jonker. Vermeer Studies. Studies in the History of Art. Washington/New Haven: Center for Advanced Study in the Visual Arts, Symposium Papers XXXIII. pp. 201–223..
- Wheelock, Arthur K., Jr. (1981,1988). Jan Vermeer. New York: Abrams. ISBN 0-8109-1737-8.
Remove ads
Filmografija
- A Zed & Two Noughts (1985), film dirett minn Peter Greenaway. L-istorja fiha għadd kbir ta' riferimenti għal Vermeer.
- Girl with a Pearl Earring (2003), diretto minn Peter Webber, ibbażat fuq ir-rumanz bl-istess isem ta' Tracy Chevalier.
- All the Vermeers in New York (1990), film dirett minn Jon Jost.
- Brush with fate (2003), film televiżiv dirett minn di Brent Shields. Il-film isegwi l-ħajja ta' pittura immaġinarja ta' Vermeer hija u tgħaddi minn idejn diversi nies. Il-film hu bbażata fuq ir-rumanz Girl In Hyacinth Blue ta' Susan Vreeland,
Remove ads
Xogħlijiet kollha magħrufa jew attribwiti lil Vermeer
Remove ads
Referenzi
Ħoloq esterni
Wikiwand - on
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Remove ads