Muhammad Ali

From Wikipedia, the free encyclopedia

Muhammad Ali
Remove ads

Muhammad Ali (imwieled bħala Cassius Marcellus Clay Jr.; twieled fis-17 ta' Jannar 1942 – miet fit-3 ta' Ġunju 2016) kien bokser Amerikan, u fost wieħed mill-iktar sportivi popolari u ta' suċċess ta' kull żmien.

Quick facts Ħajja, Isem propju ...
Remove ads

Tfulija

Thumb
Cassius Clay flimkien mal-kowċ tiegħu Joe E. Martin (1960)

Cassius Marcellus Clay Jr. twieled nhar is-17 ta' Jannar 1942, f'Louisville, Kentucky, ġewwa l-Istati Uniti.[1] Fil-familja tiegħu kienu ħamest aħwa subien u oħtu.[2] Semmewh bħal missieru li min-naħa tiegħu kien imsemmi għall-politiku Amerikan tas-seklu dsatax li ħadem għall-abolizzjoni tal-jasar. Il-familja Clay kienet ġejja mill-ilsiera tal-pjantaġġuni tan-Nofsinhar, dixxindenti mill-Afrika. Missier Cassius kien ipinġi l-billboards u s-sinjali,[1] filwaqt li ommu, Odessa, kienet tmur tnaddaf id-djar tan-nies. Cassius ħa l-edukazzjoni tiegħu f'Central High School f'Louisville, u trabba bħala Nisrani Battista.

Cassius tela' f'ambjent ta' segregazzjoni razzjali. Ommu tiftakar meta ma ħallewhx jixrob tazza ilma "minħabba l-kulur tiegħu, dik il-ħaġa affetwatu wisq."[3] Intlaqat ukoll mill-qtil ta' Emmett Till fl-1955, li wassal lil Cassius u lil ħabibu li joħorġu l-frustrazzjoni tagħhom billi jivvandalizzaw stazzjon tal-ferrovija.[4][5]

Remove ads

Boksing

L-ewwel suċċess kbir fil-karriera tiegħu u li sparah għall-fama internazzjonali kien dak miksub fl-Olimpjadi ta' Ruma tal-1960, meta kien rebaħ il-midalja tad-deheb fil-kategorija light-heavyweight tal-boksing.[6]

Imlaqqam bħala "L-Ikbar Wieħed" (The Greatest), erba' snin wara, huwa kien għeleb lil Sonny Liston biex rebaħ l-ewwel titlu mondjali tiegħu u sar l-ewwel bosker li rebaħ titlu heavyweight tal-boksing fi tliet darbiet separati. Eventwalment, huwa rtira fl-1981, fejn kien rebaħ ammont inkredibbli ta' 56 ġlieda mill-61 li kkompeta fihom, fejn rebaħ 37 ġlieda minnhom permezz ta' knock-out. Iżda, barra miċ-ċirku tal-boksing, Clay kien jikkampanja favur drittijiet ċivili, irrispettivament mill-isport, ir-razza u n-nazzjonalità, filwaqt li kien ukoll poeta.

Muhammad Ali kien beda jipprattika l-boksing fuq livell professjonali immedjatament wara l-Olimpjadi ta' Ruma, u baqa' tiela' fil-klassifika tal-heavyweight sa ma laħaq il-quċċata fejn kien impessjona lil eluf kbar ta' persuni li kienu jsegwuh permezz tal-movimenti u r-riflessi inkredibbli tiegħu fiċ-ċirku.

Kontra Cooper

Ġlieda partikolari li tibqa' mfakkra kienet dik meta ċ-ċampjin Ingliż tal-boksing, Henry Cooper, kien resaq ferm viċin li jegħleb lil Muhammad Ali, meta huma kienu ltaqgħu f'Londra, lura fl-1963. Dan hekk kif l-Ingliż kien waqqa' lill-bokser leġġendarju Amerikan, iżda Muhammad Ali kien wettaq reazzjoni mill-aqwa u fir-rawnd ta' wara sforza lill-Ingliż biex jirtira minħabba qatgħa fonda li kellu f'għajnu x-xellugija.

Kontra Liston

Fi Frar tas-sena ta' wara, Cassius Clay kompla jisraq ix-xena meta rebaħ l-ewwel titlu mondjali tal-heavyweight meta kien għad kellu biss 22 sena. Huwa kien qal minn qabel li kien se jirnexxielu jegħleb lill-bokser Sonny Liston, li qabel dik il-ġlieda qatt ma kien tilef, iżda ftit kienu emmnuh. Iżda wara s-sitt rawnd kien Ali li ħareġ rebbieħ kontra dan l-avversarju li kien ikbar minnu fl-età, u għalhekk ta' iktar esperjenza, li madanakollu ma setax ilaħħaq mal-ħeffa tiegħu.

Kontra Frazier

Fit-8 ta' Marzu 1971, huwa sofra l-ewwel telfa professjonali tiegħu kontra Joe Frazier f'dik li ġiet imlaqqma bħala "Il-Ġlieda tas-Seklu" fi New York, biex fit-30 ta' Ottubru 1974, reġa' kiseb lura t-titlu permezz ta' knock-out fuq tmien rawnds kontra l-bokser George Foreman fil-kompetizzjoni "Rumble in the Jungle", f'Kinshasa, fis-Zaire.[7][8]

Muhammad Ali ġġieled kontra Joe Frazier għat-tielet u l-aħħar darba fil-Filippini fl-1 ta' Ottubru 1975,[1] fejn ħareġ rebbieħ f'kompetizzjoni magħrufa bħala "Thrilla in Manila", meta l-avversarju tiegħu rema x-xugaman fil-ħmistax u l-aħħar rawnd.

L-aħħar ġlidiet

Wara din il-ġlieda huwa rebaħ sitt titli konsekuttivi qabel ma tilef bil-punti kontra l-bokser, Leon Spinks, fi Frar tal-1978, għalkemm reġa' rebaħ it-titlu mondjali sat-tmiem dik l-istess sena.

Il-karriera ta' Muhammad Ali intemmet b'telfiet kontra Larry Holmes, fl-1980, u Trevor Berbick fl-1981,[9] fejn ħafna kienu tal-opinjoni li huwa kellu jirtira mix-xena tal-boksing ħafna qabel.

Remove ads

Isir Musulman u jbiddel ismu

Fiż-żmien li Muhammad Ali kellu l-ewwel ġlieda tiegħu ma' Sonny Liston, huwa kien diġà involut f'dak li kien magħruf bħala n-Nation of Islam li l-għanijiet ewlenin tiegħu kienu dawk li jitjiebu l-kundizzjonijiet spiritwali, mentali, soċjali u ekonomiċi tal-Afro-Amerikani fl-Istati Uniti. Iżda b'kuntrast għall-metodu inklussiv li kien qed jiġi mbuttat minn mexxejja favur drittijiet ċivili bħal Dr Martin Luther King, in-Nation of Islam kien moviment favur nies ta' ġilda skura biss u għalhekk bdew iqumu s-suspetti fuq dan il-moviment mill-poplu Amerikan.

Eventwalment, Muhammad Ali, ikkonverta għar-reliġjon Iżlamika, fejn neħħa ismu proprju ta' Cassius Marcellus Clay, li skont hu kien isem ta' skjav biex l-ewwel sar Cassius X, qabel reġa' bidel ismu għal Muhammad Ali.

Kontra l-Gwerra tal-Vjetnam

Fl-1967, huwa kien ħa deċiżjoni li ħolqot kontroversja kbira u li għadu magħruf għaliha sal-ġurnata tal-lum. Dan hekk kif huwa kien oppona l-gwerra Amerikana fil-Vjetnam, xi ħaġa li għaliha kien ġie kkritikat ferm mill-poplu Amerikan.[3]

Huwa kien ħa din id-deċiżjoni għax irrifjuta li jingħaqad mal-militar Amerikan, xi ħaġa li għaliha patta qares hekk kif kien itteħidlu l-ewwel titlu mondjali tal-boksing li kien rebaħ u anke saħansitra l-liċenzja tiegħu tal-boksing.[1] Wara dan kollu huwa ma kienx ħa sehem fi ġlieda oħra għal kważi erba' snin sħaħ.[10]

Wara li d-deċiżjoni fil-konfront tiegħu talli ma kienx appoġġja l-gwerra Amerikana fil-Vjetnam ġiet irtirata, huwa reġa' rritorna fiċ-ċirku fejn iġġieled fi tlieta mill-iktar ġlidiet ikoniċi fl-istorja tal-boksing, u li permezz tagħhom irnexxielu jirbaħ lura r-relazzjoni tiegħu mal-pubbliku sportiv.

Remove ads

Wara l-irtirar

Wara li rtira mill-boksing, bdew iqumu diversi spekulazzjonijiet rigward il-kundizzjoni ta' saħħa ta' Muhammad Ali.

Dan hekk kif huwa kien qed jidher bosta drabi jirtogħod waqt li wieħed beda jsibha diffiċli biex jifhmu jitkellem. Dan kien kollu kawża tal-marda qerrieda tal-Parkinsons.[11][12] Minkejja din il-marda, Muhammad Ali xorta deher diversi drabi fuq programmi televiżivi jagħti messaġġ ta' kuraġġ lil kull min kien qed isegwih fejn dejjem ġie milqugħ bħala eroj.

Barra minn hekk lura fl-1996 huwa xegħel it-Torċa Olimpika fl-Olimpjadi tal-1996,[13] li kienu saru f'Atlanta, fl-Istati Uniti, waqt li fiċ-ċerimonja inawgurali tal-Logħob Olimpiku tas-sajf tal-2012 f'Londra, kien ġarr il-bandiera Olimpika.[14]

Remove ads

Mewt

Ali iddaħħal l-isptar fit-2 ta' Ġunju 2016 b'kawża ta' marda respiratorja. Il-kundizzjoni minkejja li kienet stabbli, iddeterjorat u miet il-jum ta' wara fl-età ta' 74 sena.[15][16]

Referenzi

Ħoloq esterni

Loading related searches...

Wikiwand - on

Seamless Wikipedia browsing. On steroids.

Remove ads