Politika

prattika u teorija li tinfluwenza lil persuni oħra, għat-tħaddim tal-poter bħal fi gvern From Wikipedia, the free encyclopedia

Politika
Remove ads

Il-politika (mill-Grieg: Πολιτικά, politiká, jiġifieri "l-affarijiet tal-bliet") hija sett ta' attivitajiet assoċjati mat-teħid tad-deċiżjonijiet fi gruppi, jew forom oħra ta' relazzjonijiet tal-poter bejn l-individwi, bħad-distribuzzjoni tar-riżorsi jew l-istatus. Il-fergħa tax-xjenza soċjali li tistudja l-politika u l-gvern tissejjaħ xjenza politika.

Thumb
Avveniment politiku fl-1935 biex juri lin-nisa kif jivvutaw

It-terminu jista' jintuża b'mod pożittiv fil-kuntest ta' "soluzzjoni politika", jiġifieri s-sejbien ta' kompromess mingħajr l-użu tal-vjolenza[1], jew b'mod deskrittiv bħala "l-arti jew ix-xjenza tal-governanza", iżda spiss ikollha konnotazzjoni negattiva.[2] Pereżempju, l-abolizzjonista Wendell Phillips iddikjara li "aħna ma nilagħbux il-logħba tal-politika; it-tneħħija tal-jasar għalina mhix ċajta".[3] Il-kunċett ġie definit b'diversi modi, u approċċi differenti għandhom fehmiet li jvarjaw b'mod fundamentali dwar jekk għandhiex tintuża b'mod estensiv jew limitat, empirikament jew normattivament, u jekk il-kunflitt jew il-kooperazzjoni humiex iktar essenzjali għaliha.

Fil-politika jintużaw sensiela ta' metodi, fosthom il-promozzjoni tal-fehmiet politiċi individwali fost in-nies, in-negozjar ma' suġġetti politiċi oħra, it-tfassil tal-liġijiet, u l-eżerċitar tal-forza, inkluż il-gwerra kontra l-avversarji jew l-għedewwa.[4][5][6][7][8] Il-politika tiġi eżerċitata f'firxa wiesgħa ta' livelli soċjali, mill-klans u t-tribujiet tas-soċjetajiet tradizzjonali, għall-gvernijiet lokali moderni, il-kumpaniji u l-istituzzjonijiet, sal-istati sovrani u l-livell internazzjonali. Fin-nazzjonijiet moderni, in-nies spiss jiffurmaw partiti politiċi biex jirrappreżentaw l-ideat tagħhom. Il-membri ta' partit sikwit jaqblu li jieħdu l-istess pożizzjoni fuq ħafna kwistjonijiet u jaqblu li jappoġġaw l-istess bidliet fil-liġi u l-istess mexxejja. Elezzjoni s-soltu tkun kompetizzjoni bejn partiti differenti.

Sistema politika hija qafas li jiddefinixxi metodi politiċi aċċettabbli fi ħdan soċjetà. L-istorja tal-ħsieb politiku tmur lura sa żmien il-qedem, b'xogħlijiet kruċjali bħar-Repubblika ta' Platun u l-Politika ta' Aristotli fil-Punent, u l-manuskritti politiċi ta' Konfuċju u l-Arthashastra u ċ-Chanakya Niti ta' Chanakya fil-Lvant.[9]

Remove ads

Etimoloġija

Thumb
Platun (xellug) u Aristotli (lemin), minn dettall ta' L-Iskola ta' Ateni, affresk ta' Raffaello. Ir-Repubblika ta' Platun u l-Politika ta' Aristotli wasslu biex iż-żewġ filosfi Griegi jsiru tnejn mill-iktar filosfi politiċi influwenti.

It-terminu "politika" joriġina mix-xogħol Klassiku ta' Aristotli msejjaħ Politiká, li introduċa t-terminu Grieg politiká (Πολιτικά, jiġifieri "l-affarijiet tal-bliet"). F'nofs is-seklu 15, il-komponiment ta' Aristotli ġie tradott bħala Polettiques bl-Ingliż Modern Bikri[10], li mbagħad saret Politics bl-Ingliż Modern attwali, jiġifieri politika.

It-terminu politika jirreferi għall-kunċett ġenerali jew inkella għal qasam partikolari ta' politika fis-singular, li fil-plural jiġi politiki. Din it-tieni tifsira dehret għall-ewwel darba fl-Ingliż fl-1430 bis-singular politic, li oriġinat mill-Franċiż Nofsani politique—li min-naħa tagħha oriġinat minn politicus, li kienet Latinizzazzjoni tal-Grieg πολιτικός (politikos) minn πολίτης (polites, jiġifieri "ċittadin") u πόλις (polis, jiġifieri "belt").[11][12]

Definizzjonijiet

  • Fil-fehma ta' Harold Lasswell, il-politika hija dwar "min jieħu xiex, meta u kif".[13]
  • Għal David Easton, il-politika għandha x'taqsam mal-"allokazzjoni awtoritattiva tal-valuri għal soċjetà".[14]
  • Għal Vladimir Lenin, "il-politika hija l-iktar espressjoni kkonċentrata tax-xjenza ekonomika".[15]
  • Bernard Crick argumenta li l-"politika hija forma distintiva ta' governanza fejn in-nies jiġbdu ħabel wieħed flimkien permezz ta' proċeduri istituzzjonalizzati biex isibu tarf id-differenzi, jikkonċiljaw l-interessi u l-valuri differenti, u jfasslu politiki pubbliċi għall-ġid komuni".[16]
  • Skont Adrian Leftwich:

Il-Politika tinkludi l-attivitajiet kollha ta' kooperazzjoni, ta' negozjar u ta' kunflitt fi ħdan is-soċjetajiet u bejniethom, fejn in-nies jagħmlu ħilithom biex jorganizzaw l-użu, il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tar-riżorsi umani, tar-riżorsi naturali jew ta' riżorsi oħrajn fil-produzzjoni u fil-produzzjoni mill-ġdid tal-ħajja bijoloġika u soċjali tagħhom.[17]

Remove ads

Approċċi

Hemm diversi modi kif l-approċċ għall-politika ġie miġbur f'kunċett.

Approċċ estensiv u limitat

Adrian Leftwich iddistingwa l-fehmiet politiċi abbażi ta' kemm hija estensiva jew limitata l-perċezzjoni tagħhom dwar x'jaqa' taħt l-ambitu "politiku".[18] L-approċċ estensiv iqis il-politika bħala preżenti fl-isfera tar-relazzjonijiet soċjali umani, filwaqt li l-approċċ limitat jirrestrinġiha għal ċerti kuntesti biss. Pereżempju, b'approċċ iktar restrittiv, il-politika tista' titqies primarjament bħala governanza[19], filwaqt li perspettiva femminista tista' targumenta li siti li tradizzjonalment ġew ikkunsidrati li mhumiex politiċi, tabilħaqq għandhom jitqiesu bħala politiċi wkoll.[20] Dan il-ħsieb tal-aħħar huwa inkorporat fl-islogan li "dak li huwa personali huwa politiku", li jmur kontra d-distinzjoni bejn kwistjonijiet privati u pubbliċi. Minflok, il-politika tista' tiġi definita mill-użu tal-poter, kif argumenta Robert A. Dahl.[21]

Moraliżmu u realiżmu

Xi perspettivi dwar il-politika jħarsu lejha empirikament bħala eżerċizzju tal-poter, filwaqt li oħrajn iħarsu lejha bħala funzjoni soċjali b'bażi normattiva.[22] Din id-distinzjoni ġiet spjegata bħala d-differenza bejn il-moraliżmu politiku u r-realiżmu politiku.[23] Għall-moralisti, il-politika għandha rabta sfiqa mal-etika, u fl-estrem tagħha hija parti mill-ħsieb utopiku. Pereżempju, skont Hannah Arendt, il-fehma ta' Aristotli kienet li "biex xi ħaġa tkun politika…kienet tfisser li kollox kien jiġi deċiż bil-kliem u bil-persważjoni u mhux bil-vjolenza"[24]; filwaqt li skont Bernard Crick "il-politika hija l-mod li bih is-soċjetajiet ħielsa jiġu ggvernati. Il-politika hija l-politika u forom oħra ta' governanza huma xi ħaġa oħra".[25] B'kuntrast ma' dan, għar-realisti, irrappreżentati minn nies bħal Niccolò Machiavelli, Thomas Hobbes, u Harold Lasswell, il-politika hija bbażata fuq l-użu tal-poter, ikunu xi jkunu l-finijiet.[26]

Kunflitt u kooperazzjoni

L-agoniżmu jargumenta li l-politika essenzjalment hija l-kunflitt bejn interessi f'kunflitt ma' xulxin. Ix-xjenzat politiku Elmer Schattschneider argumenta li "l-għerq tal-politika hija l-lingwa universali tal-kunflitt"[27], filwaqt li għal Carl Schmitt l-essenza tal-politika hija d-distinzjoni bejn "ħabib" u "avversarju".[28] Dan huwa f'kuntrast dirett mal-fehmiet iktar kooperattivi tal-politika ta' Aristotli u Crick. Madankollu, fehma iktar imħallta bejn dawn l-estremi tingħata mix-xjenzat politiku Irlandiż Michael Laver, li nnota li:

Il-politika għandha x'taqsam mat-taħlita karatteristika tal-kunflitt u tal-kooperazzjoni li tista' tinstab spiss fl-interazzjonijiet umani. Il-gwerra hija kunflitt pur. L-imħabba ta' vera hija kooperazzjoni pura. Il-politika hija taħlita tat-tnejn.[29]

Remove ads

Ara wkoll

Referenzi

Loading related searches...

Wikiwand - on

Seamless Wikipedia browsing. On steroids.

Remove ads