Ġeoloġija
studju tal-kompożizzjoni, tal-istruttura, tal-proprjetajiet fiżiċi, tal-istorja tal-komponenti tad-Dinja, u tal-proċessi li jsawruhom / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-ġeoloġija (mill-Grieg Antik: γῆ, gē ("dinja") u -λoγία, -logia, ("l-istudju ta'"))[1] hija fergħa tax-xjenza tad-Dinja li għandha x'taqsam kemm mal-materjal likwidu kif ukoll mal-materjal solidu tad-Dinja, it-tipi ta' blat li jiffurmaw il-qalba tagħha, u l-proċessi li bihom jinbidlu maż-żmien. Il-ġeoloġija tista' tinkludi wkoll l-istudju tal-karatteristiċi solidi ta' kwalunkwe pjaneta terrestri jew satellita naturali bħal Marte jew il-Qamar. Il-ġeoloġija moderna titrikkeb b'mod sinifikanti max-xjenzi l-oħra kollha tad-Dinja, inkluż l-idroloġija u x-xjenzi atmosferiċi, u b'hekk titqies bħala aspett ewlieni tas-sistema integrata tax-xjenza u tax-xjenza planetarja tad-Dinja.[2]
Il-ġeoloġija tiddeskrivi l-istruttura tad-Dinja fuq u taħt is-superfiċe tagħha, kif ukoll il-proċessi li sawru dik l-istruttura. Tipprovdi wkoll l-għodod biex jiġi ddeterminat kemm għandhom żmien, f'termini relattivi u assoluti, it-tipi differenti ta' blat f'post partikolari, u anke biex tiġi deskritta l-istorja ta' dak il-blat. Bl-użu ta' dawn l-għodod flimkien, il-ġeologi jirnexxilhom joħolqu kronoloġija tal-istorja ġeoloġika tad-Dinja kollha, u jirnexxilhom juru kemm għandha żmien id-Dinja. Il-ġeoloġija tipprovdi l-evidenza primarja taċ-ċaqliq tal-plakek tettoniċi, tal-istorja evoluzzjonarja tal-ħajja, u tal-klimi tal-imgħoddi tad-Dinja.
Il-ġeologi jużaw varjetà wiesgħa ta' metodi biex jifhmu l-istruttura u l-evoluzzjoni tad-Dinja, inkluż xogħol fuq il-post, deskrizzjoni tal-blat, tekniki ġeofiżiċi, analiżi kimika, esperimenti fiżiċi, u mmudellar numeriku. F'termini prattiċi, il-ġeoloġija hija importanti għall-esplorazzjoni u għall-isfruttament tal-minerali u tal-idrokarburi, għall-evalwazzjoni tar-riżorsi tal-ilma, għall-fehim tal-perikli naturali, għar-rimedji tal-problemi ambjentali, u biex tagħti ħjiel dwar it-tibdil fil-klima tal-imgħoddi. Il-ġeoloġija hija dixxiplina akkademika ewlenija, u hija ċentrali għall-inġinerija ġeoloġika, filwaqt li taqdi rwol importanti fl-inġinerija ġeoteknika.