triq u boulevard f'Madrid, Spanja From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Paseo del Prado hija waħda mit-toroq u mill-boulevards prinċipali f'Madrid, il-belt kapitali ta' Spanja. Hija orjentata mit-Tramuntana għan-Nofsinhar bejn il-pjazza msejħa Plaza de Cibeles u l-pjazza msejħa Plaza del Emperador Carlos V (magħrufa wkoll bħala Plaza de Atocha), bil-Plaza de Cánovas del Castillo (fejn hemm il-Funtana ta' Nettunu u l-lukandi ta' ħames stilel Ritz u Palace) bejn wieħed u ieħor fin-nofs. Il-Paseo del Prado tifforma t-tarf tan-Nofsinhar tal-assi ċentrali tal-belt (li tkompli sat-Tramuntana ta' Cibeles bħala l-Paseo de Recoletos, u iktar fit-Tramuntana bħala l-Paseo de la Castellana). Għandha l-istatus ta' Bien de Interés Cultural (BIC), u tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien mal-Park tal-Buen Retiro.[1]
Din it-triq ċentrali b'densità ta' siġar fuq iż-żewġ naħat tagħha hija għeliem għar-residenti tal-belt u hija waħda mill-iżjed attrazzjonijiet kulturali u turistiċi importanti tal-belt, li tinkludi l-hekk imsejjaħ Triangolu tad-Deheb tal-Arti, bi tliet mużewijiet: il-Mużew tal-Prado (b'kapulavuri bħal Las Meninas ta' Diego Velázquez u La maja vestida u La maja desnuda ta' Francisco de Goya), il-Mużew ta' Thyssen-Bornemisza (b'kollezzjoni ta' tmien sekli ta' pitturi Ewropej), u l-Mużew tar-Reġina Sofija (fejn hemm il-Guernica ta' Pablo Picasso, f'kollezzjoni tal-arti tas-seklu 20). Fil-qrib hemm il-Park tal-Buen Retiro, il-Casón del Buen Retiro (li jospita l-kollezzjoni tas-seklu 19 tal-Mużew tal-Prado), il-CaixaForum Madrid, is-sede tar-Real Academia Española (l-akkademja tal-lingwa Spanjola), il-Bolsa de Madrid (il-Borża tal-belt), u l-Congreso de los Diputados (il-kungress nazzjonali).
Il-Paseo del Prado tinkludi diversi monumenti u skulturi li huma ta' interess storiku u artistiku, li nħolqu fis-seklu 18 għall-proġett urban tas-Sala tal-Prado. Bosta pajsaġġi ornamentali u ġonna nbnew għal dan il-proġett. Il-kapulavuri ta' dan il-proġett jinkludu l-Binja ta' Villanueva (il-binja prinċipali tal-Mużew tal-Prado), il-Ġonna Botaniċi Rjali u tliet funtani tal-ilma bl-iskulturi li ġew iddisinjati minn Ventura Rodriguez, b'rappreżentazzjonijiet ta' Nettunu, Cibeles u Apollo.
Fit-23 ta' Ġunju 2005, proġett kontroversjali ta' riformi u ta' rivitalizzazzjoni tal-Paseo del Prado u tal-Paseo de Recoletos, magħruf bħala l-Plan Especial Recoletos-Prado f'idejn tim internazzjonali ta' arkitetti mmexxi minn Álvaro Siza, ġie approvat mill-kunsill tal-belt, iżda sa Diċembru 2010 l-istudju tal-impatt ambjentali kien għadu ma tlestiex u r-rikostruzzjoni damet biex titwettaq.[2]
Il-Paseo del Prado u l-Park tal-Buen Retiro, Pajsaġġ tal-Arti u tax-Xjenzi, ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.