Sangiran
sit ta' skavi arkeoloġiċi f'Ġava, l-Indoneżja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Sangiran huwa sit ta' skavi arkeoloġiċi f'Ġava, l-Indoneżja.[1] Skont rapport tal-UNESCO tal-1995, "Sangiran huwa rikonoxxut mix-xjenzati bħala wieħed mill-iktar siti importanti fid-dinja għall-istudju tal-fossili tal-bniedem, u jikklassifika fuq l-istess livell ta' Zhoukoudian (iċ-Ċina), il-Lagi ta' Willandra (l-Awstralja), l-Irdum ta' Olduvai (it-Tanżanija), u Sterkfontein (l-Afrika t'Isfel), u iktar rikk fil-fdalijiet minn kwalunkwe wieħed minnhom".[2]
Iż-żona għandha erja ta' madwar 56 km² (7 km bi 8 km) u tinsab f'Ġava Ċentrali, madwar 15-il kilometru fit-Tramuntana ta' Surakarta fil-wied tax-xmara Solo. Amministrattivament, is-sit ta' Sangiran huwa maqsum bejn żewġ unitajiet amministrattivi: Sragen (id-distretti ta' Gemolong, Kalijambe u Plupuh) u Karanganyar (id-distrett ta' Gondangrejo). Karatteristika importanti tas-sit hija l-ġeoloġija taż-żona. Oriġinarjament, miljuni ta' snin ilu nħolqot qisha koppla naturali permezz ta' movimenti tettoniċ. Imbagħad, din il-koppla ttieklet mill-elementi u esponiet saffi ta' depożiti fi ħdan il-koppla li huma rikki bi fdalijiet arkeoloġiċi.[3]