Diego Maradona
footballer Arġentin From Wikipedia, the free encyclopedia
Remove ads
Diego Armando Maradona (twieled fit-30 ta' Ottubru 1960 – miet fil-25 ta' Novembru 2020) kien plejer u kowċ tal-futbol Arġentin. Rikonoxxut fost l-aqwa plejers fl-istorja tal-isport, Maradona jibqa' magħruf għall-viżjoni, it-teknika, it-tqassim u l-kontroll tal-ballun li kellu. L-istatura qasira tiegħu servietu biex jimmanuvra aħjar minn ħafna plejers oħrajn.[1] Maradona kien imlaqqam "El Pibe de Oro" ("It-Tfajjel tad-Deheb"), isem li baqa' miegħu matul il-karriera tiegħu. Barra l-futbol, kellu problemi f'ħajtu u kien sospiż mil-logħba fl-1991 u l-1994 wara li nstab li kien qiegħed jabbuża mid-droga.
Remove ads
L-ewwel snin
Diego Armando Maradona twieled fit-30 ta' Ottubru 1960, fl-Isptar Policlínico Evita f'Lanús, fil-Provinċja ta' Buenos Aires.[2][3] Hu kien l-ewwel tifel wara ħamest ibniet. Missieru, Diego Maradona "Chitoro" (1927–2015), kien jaħdem f'fabbrika tal-kimika u kien ta' dixxendenza indiġena u Baska, waqt li ommu Dalma Salvadora Franco, "Doña Tota" (1930–2011), kienet ta' dixxendenza Taljana.[4][5]

Maradona irċieva l-ewwel ballun tal-futbol ta' tliet snin u mal-ewwel għoġbitu l-logħba. F'Marzu tal-1969, hu kien rakommandat lil Los Cebollitas (Il-Basal iż-Żgħar), it-tim taż-żgħar ta' Argentinos Juniors.[6] Maradona mal-ewwel beda jibrilla mas-Cebollitas u ta' tnax-il sena kien iħobb jagħti pjaċir lill-ispettaturi tal-logħbiet tat-tim tal-kbar billi juri l-ħiliet tiegħu bil-ballun.[7] Matul l-1973 u l-1974, Maradona wassal lis-Cebollitas għar-rebħ ta' żewġ kampjonati Evita u 141 logħba mingħajr telfa, spalla ma' spalla ma' Adrián Domenech u Claudio Rodríguez, f'tim li baqa' rikonoxxut fost l-aqwa tim taż-żgħar fl-istorja tal-futbol Arġentin.[8] L-ispirazzjonijiet ta' Maradona kienu l-Brażiljan Rivellino u l-midfilder ta' Manchester United George Best.[9]
Remove ads
Karriera mal-klabbs
Argentinos Juniors
Fl-20 ta' Ottubru 1976, Maradona għamel id-debutt professjonali ma' Argentinos Juniors ta' ħmistax-il sena, għaxart ijiem qabel għeluq is-sittax-il sena, kontra Talleres de Córdoba.[10] Hu libes il-flokk numru 16 u b'hekk sar l-iżgħar plejer li qatt lagħab fl-istorja tal-Primera División Arġentina. Ftit minuti wara li ġie introdott, Maradona għadda l-ballun bejn saqajn Juan Domingo Cabrera, li kellha tkun simbolu tat-talent tiegħu.[11] Wara l-logħba, Maradona tenna li "dik il-ġurnata ħassejt li kelli s-sema f'idejja".[12] Maradona skorja l-ewwel gowl tiegħu fil-Primera División kontra San Lorenzo fl-14 ta' Novembru 1976, ġimgħatejn wara li għalaq is-sittax.[13]
Boca Juniors

Ma' Argentinos Juniors għamel ħames snin u skorja 115-il gowl f'167 logħba. Fl-20 ta' Frar 1981 ittrasferrixxa ma' Boca Juniors għas-somma ta' $4 miljun.[14] River Plate kienu daħlu wkoll fin-negozjati għall-firma ta' Maradona tant u hekk li offrewlu li jkun l-aktar plejers imħallas fil-klabb.[15] Madanakollu, River kellhom ireġġgħu lura l-offerta minħabba l-istress finanzarju li kellhom biex iżommu lil Daniel Passarella u Ubaldo Fillol.[16]
Id-debutt tiegħu wasal kontra Talleres de Córdoba f'rebħa ta' 4–1, fejn skorja darbtejn. Fl-10 ta' April, Maradona lagħab l-ewwel Superclásico tiegħu kontra River Plate fil-La Bombonera. Boca rebħu l-konfront 3–0 b'Maradona jiskorja gowl wara li qabeż lil Alberto Tarantini u Fillol.[17] Minkejja r-relazzjoni mhux perfetta bejn Maradona u l-kowċ ta' Boca Juniors Silvio Marzolini,[18] Boca kellhom staġun ta' suċċess hekk kif rebħu l-kampjonat wara li assiguraw punt kontra Racing Club.[19] Dan kellu jkun l-uniku titlu li Maradona rebaħ fil-kampjonat domestiku Arġentin.
Barcelona
Wara t-Tazza tad-Dinja tal-1982, f'Ġunju, Maradona ingħaqad mal-Ispanjoli ta' Barcelona għas-somma rekord ta' $7.6 miljun.[20] Taħt il-gwida ta' César Luis Menotti, fl-1983, Barcelona u Maradona rebħu t-Tazza tar-Re fuq ir-rivali ta' Real Madrid, u s-Supercopa kontra Athletic Bilbao. Fis-26 ta' Ġunju 1983, Barcelona rebħu barra minn darhom kontra Real Madrid fil-famuż El Clásico, logħba fejn Maradona skorja u sar l-ewwel plejer ta' Barcelona li l-benjamini ta' Real Madrid ċapċpu bħala għarfien għall-abilitajiet li wera waqt dan il-konfront.[21][22]

Minħabba mard u korrimenti kif ukoll inċidenti kontroversjali fil-grawnd, l-avventura ta' Maradona ma' Barcelona kienet waħda diffiċli.[23] Din kienet tinkludi l-epatite u aktar tard għaksa miksura wara intervent skorrett tad-difensur ta' Athletic Bilbao Andoni Goikoetxea — imlaqqam "il-Biċċier ta' Bilbao — f'logħba mil-La Liga fl-24 ta' Settembru tal-1983. Din heddet il-karriera ta' Maradona, però wara żmien ta' trattament u rijabilitazzjoni hu rritorna lura fil-grawnd wara tliet xhur.[10][24]
Fil-finali tat-Tazza tar-Re tal-1984 fis-Santiago Bernabéu kontra Athletic Bilbao, Maradona kien involut fi ġlieda vjolenti.[25] Kommozzjoni nqalgħet wara li rċieva intervent ieħor aħrax minn Goikoetxea filwaqt li kien qiegħed jirċievi insulti razzisti minħabba d-dixxendenza Nattiva Amerikana ta' missieru, kif ukoll il-provokazzjoni ta' Miguel Sola fi tmiem il-logħba li Barcelona tilfu 1–0. Wara battibekk bejn Maradona u Sola, fejn dan tal-aħħar beda juża kliem ksenofobiku.[26] Maradona ta daqqa ta' ras lil Sola, ta daqqa ta' minkeb fil-wiċċ ta' plejer ieħor ta' Bilbao u daqqa oħra bl-irkoppa f'ras plejer ieħor.[25] L-iskwadra ta' Bilbao daret madwar Bilbao għar-retribuzzjoni, b'Goikoetxea jolqot lil Maradona f'sidru. Minn dan il-punt, il-plejers ta' Barcelona u Bilbao spiċċaw fi ġlieda waħda b'Maradona fiċ-ċentru tal-azzjoni.[25]
Din il-ġlieda seħħet quddiem ir-Re ta' Spanja Juan Carlos u 100,000 partitarju fl-istadju, u iktar minn nofs Spanja fuq il-mezzi tax-xandir.[27] Din il-ġrajja kienet id-daqqa mortali għal Maradona mal-Blaugrana hekk kif din fissret l-aħħar darba li libes il-flokk tal-klabb.[26] Eżekuttiv ta' Barcelona stqarr li "wara li rajt dawk ix-xeni ta' Maradona jiġġieled u l-kaos li nqala', indunajt li ma stajniex nibqgħu sejrin iktar miegħu".[27] Maradona ġie ras imb'rass diversi drabi mal-eżekuttiv tal-klabb, partikularment mal-president Josep Lluís Núñez, sakemm ma talab li jiġi trasferit 'il barra minn Camp Nou fl-1984. Matul iż-żewġ staġuni tiegħu ma' Barcelona, Maradona skorja 38 gowl fi 58 logħba.[28]
Napoli

Nhar il-5 ta' Lulju 1984, Maradona ġiet ippreżentat uffiċjalment bħala l-akkwist il-ġdid ta' Napoli, quddiem quddiem folla ta' madwar 80,000 spettatur fi Stadio San Paolo.[29] Is-somma għat-trasferiment kienet waħda rekord ta' $10.48 miljun.[30] Il-kittieb sportiv David Goldblatt fakkar, "huma [il-partitarji] kienu żguri bil-wasla tas-salvatur", filwaqt li gazzetta lokali kitbet kif minkejja li l-belt kienet nieqsa minn "sindku, djar, skejjel, karozzi tal-linji, impjiegi u sanità, dawn ma kinux importanti ġaladarba hemm Maradona".[31] Il-plejer Arġentin wasal fi żmien fejn il-kampjonat Taljan kien iddominat mill-klabbs tat-Tramuntana u ċ-Ċentru tal-pajjiż, bħal Milan, Inter, Juventus u Roma, u l-ebda klabb min-Nofsinhar qatt ma rebaħ titlu.
Mal-wasla tiegħu f'Napli hu mal-ewwel ingħata l-faxxa tal-kaptan minn idejn id-difensur veteran Giuseppe Bruscolotti[32] u sar l-istilla fiż-żmien li kellu jkun l-iktar ta' suċċess fl-istorja tal-klabb. Maradona lagħab f'perjodu fejn it-tensjonijiet bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar kienu fl-aqwa tagħhom, speċjalment fuq l-isfera ekonomika.[31] Taħt il-gwida tal-kowċ Ottavio Bianchi, Napoli rebħu l-kampjonat Taljan tal-istaġun 1986–87,[31] bid-dro ta' 1–1 kontra Fiorentina tagħtihom il-punt neċessarju għar-rebħ tat-titlu.[33] In-Napoli rebħu wkoll it-tielet Coppa Italia fl-istorja tagħhom, meta rebħu t-tlettax-il logħba fil-kompetizzjoni, fosthom il-finali doppja kontra l-Atalanta. Sa dakinhar, id-doppjetta tal-kampjonat u t-tazza nazzjonali kienet irnexxiet biss mill-Grande Torino u 'l-Juventus.[34]
Fl-istaġun ta' wara, Napoli ħadu sehem għall-ewwel darba fit-Tazza taċ-Ċampjins fejn ġew eliminati fuq żewġ legs kontra Real Madrid.[35] Fil-kampjonat, sal-għoxrin ġurnata huma kienu ħames punti vantaġġ fuq it-tieni klassifikat. Madanakollu, erba' telfiet mill-aħħar ħames logħbiet wassal biex il-Milan jirbħu t-titlu. Maradona kien l-aqwa skorer bi ħmistax-il gowl.[36]
Fl-1989, Napoli kienu ftit passi 'l bogħod mit-tripletta ta' trofej, fejn għalkemm rebħu t-Tazza UEFA kontra Stuttgart (it-tielet titlu internazzjonali), huma spiċċaw it-tieni fil-kampjonat wara l-Inter u tilfu l-finali tal-Coppa Italia. Fis-sajf wara dan l-istaġun, Maradona kien qrib it-trasferiment lejn Olympique de Marseille fejn kien anke iffirma l-kuntratt, imma l-president ta' Napoli ta' dak iż-żmien, Corrado Ferlaino, imblokka n-negozjati.[37] Fl-istaġun 1989–90, taħt il-gwida l-ġdida ta' Albertino Bigon, Napoli rebħu t-tieni titlu tagħhom. Maradona ma lagħabx l-ewwel ftit logħbiet tal-istaġun u kien ġie sostitwit minn Gianfranco Zola. Il-kontribut ta' Maradona kien wieħed sostanzjali u spiċċa l-kampjonat bħala l-aqwa skorer b'sittax-il gowl.[38]
L-avventura Taljana ta' Maradona intemmet fis-17 ta' Marzu 1991 wara test ta' anti-doping li sar fi tmiem logħba bejn Napoli u Bari li wera riżultat pożittiv għall-kokaina.[39][40]
L-aħħar snin
Wara li serva sospensjoni ta' ħmistax-il xahar, Maradona ħalla lil Napoli fl-1992. Minkejja l-interess ta' Real Madrid u Marseille, hu ffirma ma' Sevilla fejn magħhom għamel sena. Fl-uniku staġun li għamel mal-klabb Andalusjan hu skorja ħames gowls u assista tnax-il gowl, hekk kif il-klabb falla milli jirbaħ il-kwalifikazzjoni għat-Tazza UEFA.
Maradona mar lura l-Arġentina ma' Newell's Old Boys, imma wara biss ħames logħbiet, fit-12 ta' Frar 1994, Maradona xolja l-kuntratt mal-klabb.[41] Fis-7 ta' Ottubru 1995, reġa' ngħaqad ma' Boca Juniors u għamel it-tieni debutt tiegħu fil-konfront kontra Colón (SF). Magħhom għamel sentejn qabel ma rtira wara s-superclásico kontra River Plate li ntlagħbet fil-25 ta' Ottubru 1997.[42]
Remove ads
Karriera internazzjonali

Ftit xhur wara d-debutt fil-kampjonat Arġentin, għal Maradona wasal ukoll id-debutt internazzjonali. Fis-27 ta' Frar 1977 lagħab fil-logħba ta' ħbiberija kontra l-Ungerija fil-Bombonera.[43] Ftit wara ddebutta wkoll mat-tim nazzjonali ta' taħt l-20 sena, nhar it-3 ta' April tal-istess sena.[44]
Minkejja li kien spiċċa l-aqwa skorer fil-kampjonat nazzjonali, hu kien eskluż mil-lista finali għat-Tazza tad-Dinja tal-1978 minħabba li kien għad kellu biss sbatax-il sena u mhux meqjus kbir biżżejjed.[45] Wara r-rebħa tal-ewwel titlu fl-istorja tal-Arġentina, Maradona sar figura permanenti fit-tim. Hu skorja l-ewwel gowl internazzjonali f'rebħa ta' 3–1 fuq l-Iskozja nhar it-2 ta' Ġunju 1979.[46] Biswit il-preżenzi mat-tim nazzjonali tal-kbar, hu lagħab ukoll mat-tim nazzjonali ta' taħt l-20 sena fit-Tazza tad-Dinja tal-istess kategorija, fejn bis-sitt gowls tiegħu (fosthom gowl fil-finali mirbuħa kontra l-Unjoni Sovjetika) hu għen lill-Arġentina jirbħu l-ewwel titlu.[47]
Maradona lagħab l-ewwel Tazza tad-Dinja tiegħu fl-1982. Hu lagħab fil-ħames logħbiet u skorja darbtejn kontra l-Ungerija, u kien ukoll imkeċċi meta rċieva karta ħamra kawża ta' fawl aħrax fuq Batista fil-logħba kontra l-Brażil.[48]
Tazza tad-Dinja 1986

Fl-1986, Maradona wassal lit-tim Arġentin għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja fl-edizzjoni li saret fil-Messiku.[49] Hu skorja ħames gowls u assista ħamsa oħra fis-seba' logħbiet li kollha ġew mirbuħa minbarra d-dro kontra l-Italja fil-fażi tal-gruppi. F'din l-edizzjoni tibqa' mfakkra l-logħba mill-kwarti tal-finali fl-Estadio Azteca kontra l-Ingilterra li l-Arġentini rebħu 2–1. Fit-tieni taqsima hu skorja żewġ gowls li għaddew fl-istorja tal-futbol bħala l-"Id ta' Alla" u l-"Gowl tas-Seklu".[50] Maradona fetaħ l-iskor b'gowl b'idejh wara li qabeż biex jantiċipa lill-gowler avversarju Peter Shilton. Ir-referi u l-assistenti ma ndunawx b'din l-infrazzjoni u vvalidaw il-gowl.[51] It-tieni gowl tiegħu erba' minuti wara wasal meta rċieva l-ballun f'nofs il-grawnd u għadda bejn ħames plejers Ingliżi, sakem qabeż lil Shilton biex tefa' l-ballun fix-xibka. L-aħħar gowl kien ivvutat bħala l-isbaħ gowl fl-istorja tal-kompetizzjoni f'sondaġġ li sar mill-FIFA.[52]
Fis-semifinali l-Arġentina affaċċjaw lill-Belġju u Maradona għal darb'oħra ħalla l-marka b'żewġ gowls fir-rebħa ta' 2–0 li taw l-aċċess għall-finali kontra l-Ġermanja tal-Punent. Fil-finali, il-Ġermaniżi ppruvaw irażżmuh b'żewġ plejers iddedikati fuqu, però xorta waħda sab spazju biex iqassam lil Jorge Burruchaga għall-gowl tar-rebħa. L-Arġentina għelbu lill-Ġermanja tal-Punent 3–2 quddiem folla ta' 115,000 spettatur fl-Azteca b'Maradona jgħolli t-Tazza bħala kaptan.[53] Minbarra r-rebħ tat-titlu, Maradona ġie ppremjat bil-Ballun tad-Deheb bħala l-aqwa plejer tat-turnew.[54]
Tazza tad-Dinja 1990
Maradona reġa' libes il-faxxa tal-kaptan għat-Tazza tad-Dinja tal-1990 li saret fl-Italja. Uġigħ fl-irkoppa affetwat il-prestazzjonijiet tiegħu u kien inqas dominanti minn erba' snin qabel.[55] Wara telfa fl-ewwel logħba kontra l-Kamerun, l-Arġentina kienu qrib l-eliminazzjoni fejn ikkwalifikaw biss bħala t-tielet mill-grupp.[56] Fir-rawnd tal-aħħar sittax, kontra l-Brażil, Maradona kien l-awtur tal-assist għall-gowl tar-rebħa ta' Claudio Caniggia.
Fil-kwarti tal-finali, l-Arġentina sabu lill-Jugożavlja. Wara li l-logħba ntemmet mingħajr gowls wara 120 minuta, l-Arġentina rebħu l-lotterija tal-penalties 3–2 minkejja li Maradona falla t-tentattiv tiegħu minn ħdax-il metru.[57] Is-semifinali kontra l-Italja wkoll kellha tgħaddi għall-penalties wara dro ta' 1–1. Din id-darba Maradona skorja l-penalty tiegħu u l-Arġentina rebħu post fil-finali.[57] Fil-finali li ntlagħbet f'Ruma, l-Arġentina sabu quddiemhom għal darb'oħra lill-Ġermanja tal-Punent. Din id-darba l-Ġermanja rebħu 1–0, bl-uniku gowl jasal ħames minuti mit-tmiem wara penalty kontroversjali skorjat minn Andreas Brehme.[56]
Tazza tad-Dinja 1994
Fit-Tazza tad-Dinja tal-1994 fl-Istati Uniti, Maradona lagħab biss żewġ logħbiet u skorja gowl wieħed kontra l-Greċja qabel ma ġie sospiż wara li nstab pożittiv għall-efedrina.[58] Il-gowl kontra l-Greċja kellu jkun l-aħħar wieħed tiegħu man-nazzjonal[59] u l-logħba ta' wara kontra n-Niġerja kienet l-aħħar logħba tiegħu, fejn irnexxielu jassisti ż-żewġ gowls fir-rebħa ta' 2–1.[60] L-Arġentina eventwalment ġew eliminati mir-Rumanija ta' Gheorghe Hagi fir-rawnd tal-aħħar sittax.[61]
Fl-awtobijografija tiegħu, Maradona afferma li r-riżultat pożittiv kien minħabba x-xarba enerġetika Rip Fuel li ngħatatlu mid-dietista u l-fiżjoterapista personali.[62] L-istqarrija tiegħu kienet li l-verżjoni Amerikana tax-xarba, ikkumparata ma' dik Arġentina, kellha l-kimika.[62] Maradona stqarr ukoll li hu kellu qbil mal-FIFA, li l-istess organizzazzjoni iktar tard irrifjutat, biex juża d-droga sabiex jonqos mill-piż qabel il-kompetizzjoni.[63]
Il-karriera tiegħu mal-Arġentina damet sbatax-il sena u fihom skorja 34 gowl f'91 logħba.[64]
Remove ads
Unuri
- Boca Juniors
- Primera División: 1981
- Barcelona
- Tazza tar-Re: 1982–83
- Copa de la Liga: 1983
- Supercopa de España: 1983
- Napoli
- Serie A: 1986–87, 1989–90
- Coppa Italia: 1986–87
- Supercoppa Italiana: 1990
- Tazza UEFA: 1988–89
- Arġentina
- Tazza tad-Dinja: 1986
- Tazza Artemio Franchi: 1993
Referenzi
Ħoloq esterni
Wikiwand - on
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Remove ads