Klima ta' Malta
il-kundizzjonijiet tat-temp u klimatiċi ta' Malta From Wikipedia, the free encyclopedia
Remove ads
Malta għandha klima Mediterranja skont il-klassifikazzjoni klimatika ta’ Köppen[1][2], bi xtiewi miti ħafna u bi sjuf sħan ħafna. Ix-xita tinżel l-iktar fix-xitwa, u s-sajf is-soltu jkun niexef. Skont il-klassifikazzjoni klimatika ta’ Troll-Paffen[3] u dik ta’ Siegmund/Frankenberg[4], Malta tinsab f’żona subtropikali, peress li tinsab f’latitudni ta’ 35ºN.
Temperatura

It-temperatura annwali medja hija xi 23 °C (73 °F) binhar u 16 °C (61 °F) billejl (waħda mill-iktar temperaturi medji sħan fil-Ewropa). Fl-iktar xahar kiesaħ – Jannar – it-temperatura massima tipika tvarja bejn 12 u 20 °C (bejn 54 u 68 °F) binhar u t-temperatura minima tvarja bejn 6 u 12 °C (bejn 43 u 54 °F) billejl. Fl-iktar xahar sħun – Awwissu – it-temperatura massima tipika tvarja bejn 28 u 34 °C (bejn 82 u 93 °F) binhar u t-temperatura minima tvarja bejn 20 u 24 °C (bejn 68 u 75 °F) billejl.
B’mod ġenerali, April jibda b’temperaturi bejn 17 u 22 °C (bejn 63 u 72 °F) binhar u bejn 10 u 14 °C (bejn 50 u 57 °F) billejl. F’Novembru t-temperatura tvarja bejn 17 u 23 °C (bejn 63 u 73 °F) binhar u bejn 11 u 18 °C (bejn 52 u 64 °F) billejl. Madankollu, anke fix-xhur tax-xitwa (Diċembru, Jannar u Frar), it-temperaturi xi kultant jilħqu l-20 °C (68 °F). Marzu huwa xahar tranżizzjonali, b’temperaturi iktar sħan, b’temperaturi massimi ta’ kuljum li sikwit jaqbżu l-20 °C (68 °F) u b’temperaturi minimi li diġà jkollhom żewġ ċifri (iktar minn 10 °C (50 °F)) mill-bidu tax-xahar. B’temperatura medja ta’ 19.3 °C (67 °F), Malta tgawdi l-iktar temperatura medja sħuna fl-Ewropa. Fost il-bliet kapitali fil-kontinent Ewropew, il-Belt Valletta jkollha l-iktar xtiewi sħan, b’temperaturi medji qrib is-16 °C (61 °F) binhar u l-10 °C (50 °F) billejl fix-xhur ta’ Jannar u Frar. F’Marzu u f’Diċembru, it-temperaturi medji jkunu xi 17 °C (63 °F) binhar u 11 °C (52 °F) billejl. F’Malta qajla jkun hemm fluttwazzjonijiet kbar fit-temperaturi.[5] Malta hija waħda minn ftit postijiet fl-Ewropa b’żona ta’ ebusija tal-USDA ta’ 11a, jiġifieri t-temperatura minima assoluta medja li tiġi rreġistrata kull sena tkun bejn 4.4 u 7.2 °C (bejn 39.9 u 45.0 °F).
Remove ads
Dawl binhar
Malta tgawdi wieħed mill-iktar arranġamenti ottimali ta’ sigħat ta’ dawl binhar fl-Ewropa. Fix-xitwa, il-jiem ma jkunux daqshekk qosra daqs dawk fit-Tramuntana tal-kontinent, filwaqt li s-sigħat medji ta’ dawl binhar f’Diċembru, f’Jannar u fi Frar ilaħħqu l-10.3 sigħat[6] (b’paragun: Londra[7] jew Moska[8] jew Varsavja[9] - ilaħħqu t-8 sigħat). Fl-iqsar jum tas-sena, il-21 ta’ Diċembru, ix-xemx titla’ għall-ħabta tas-07:00 u tinżel lejn il-17:00. Fl-itwal jum tas-sena, il-21 ta’ Ġunju, ix-xemx titla’ għall-ħabta tal-05:30 u tinżel lejn it-20:30.
Remove ads
Sigħat ta’ xemx
Kif wieħed jista’ jobsor mis-sigħat ta’ dawl binhar, Malta tgawdi xi 3,000 siegħa ta’ xemx fis-sena (fost l-ogħla ammonti fl-Ewropa wkoll), minn medja ta’ iktar minn ħames sigħat ta’ xemx f’Diċembru sa medja ta’ iktar minn 12-il siegħa kuljum f’Lulju. Għaldaqstant, Malta tgawdi d-doppju tal-ammont ta’ xemx li jkollhom il-bliet fit-Tramuntana tal-Ewropa. B’paragun, Londra tgawdi 1,461 siegħa ta’ xemx fis-sena. Malta jkollha ħafna iktar xemx fix-xitwa; fil-fatt, f’Diċembru Malta tgawdi 161 siegħa ta’ xemx filwaqt li Londra jkollha 37 siegħa ta’ xemx biss.[11]
Temperatura tal-baħar
It-temperatura annwali medja tal-baħar f’Malta hija 20 °C (68 °F) (l-ogħla temperatura annwali tal-baħar fl-Ewropa), u tinżel bejn 15-16 °C (59-61 °F) fil-perjodu minn Jannar sa April u titla’ sa 26 °C (79 °F) f’Awwissu. Fis-sitt xhur minn Ġunji sa Novembru, it-temperatura medja tal-baħar taqbeż l-20 °C (68 °F). F’Mejju u f’Diċembru, ix-xhur tat-tranżizzjoni, il-medja tkun xi 18 °C (64 °F).
Fit-tieni nofs ta’ April, meta jibda jirranka l-istaġun tat-turisti u tal-vaganzi, it-temperatura medja tal-baħar tkun 17 °C (63 °F). L-ogħla temperatura tal-baħar hija 27 °C (81 °F) fin-nofs tat-tielet ġimgħa ta’ Awwissu. Fl-aħħar ta’ Awwissu u fil-bidu ta’ Settembru, it-temperatura tinżel għal 26 °C (79 °F), u fit-tieni nofs ta’ Settembru tinżel għal 25 °C (77 °F). Lejn nofs Ottubru, it-temperatura tinżel għal 24 °C (75 °F), filwaqt li fl-aħħar ġimgħa ta’ Ottubru tinżel għal 23 °C (73 °F). Fil-bidu ta’ Novembru, it-temperatura tkun niżlet għal 22 °C (72 °F) (abbażi tad-data tal-2010).[14]
Remove ads
Xita

Il-provvista tal-ilma hija problema f’Malta, peress li fis-sajf qajla tagħmel xita u huwa ż-żmien tas-sena fejn l-ilma jintuża l-iktar. Barra minn hekk, fix-xitwa x-xita spiss tinżel qliel fi żmien qasir u tintilef fil-baħar flok tilħaq tiskula fl-art. Malta tiddependi fuq ir-riżervi tal-ilma taħt l-art, b’sistema ta’ mini taħt l-art fejn jinġabar l-ilma tal-pjan bħal f’Ta’ Kandja jew f’Ta’ Bakkja[17]. Dawn il-mini tal-ilma mifruqa jlaħħqu medja ta’ 97 metru taħt l-art. Il-ġebla tal-franka hija poruża min-natura tagħha, u għalhekk l-ilma ħelu jinġabar fuq saff ta’ salmura.[18] Iktar minn nofs l-ilma tax-xorb ta’ Malta jinkiseb bl-impjanti tad-desalinazzjoni, li joħolqu problemi ambjentali ulterjuri bħall-użu tal-fjuwils fossili u t-tniġġis.
Malta għandha medja ta’ 90 jum bix-xita fis-sena, u tesperjenza minn ftit jiem bix-xita sa 12-il jum bix-xita fix-xahar (≥ 1 mm). L-għadd ta’ jiem bix-xita jvarja minn nofs jum f’Lulju sa 15-il jum bix-xita f’Diċembru. Ix-xita medja fis-sena tlaħħaq xi 600 mm, u l-ammont ivarja bejn ≈0.3 mm f’Lulju u ≈110 mm f’Diċembru.[11]
Mudell:Namespace detect
Remove ads
Umdità
L-umdità relattiva medja annwali hija għolja, b’medja ta’ 76 %, u tvarja bejn 69 % f’Lulju (filgħodu: 78 %; filgħaxija: 53 %) u 79 % f’Diċembru (filgħodu: 83 %; filgħaxija: 73 %).[20]
Remove ads
Rekords
Minkejja l-istażi relattiva tal-klima Maltija, ir-rekords storiċi juru xi varjazzjonijiet. Fil-Belt Valletta, l-uffiċjali meteoroloġiċi tal-imgħoddi rreġistraw temperatura ta’ 1.2 °C (34.2 °F) fid-19 ta’ Frar 1895, li għadha temperatura rekord sa llum.
Fir-rigward tal-gżira kollha kemm hi, fl-1 ta’ Frar 1962 ġiet irreġistrata temperatura ta’ −1.7 °C (28.9 °F) fil-mitjar f’Ta' Qali, fiċ-ċentru tal-gżira, li ġiet akkumpanjata minn xita bis-silġ, għalkemm din it-temperatura ma ġietx rikonoxxuta mill-Uffiċċju Meteoroloġiku ta’ Malta peress li l-mitjar ma kienx stazzjon uffiċjali ta’ reġistrazzjoni tat-temperaturi u ma kienx juża l-istrumenti meteoroloġiċi li huma standard fid-dinja kollha.[22]
Il-borra hija fenomenu rari ħafna. Il-borra ġiet irrappurtata f’Jannar 1858, f’Marzu 1877 (ftit borra bl-ebda akkumulu), fi Frar 1895 (ftit borra mingħajr akkumulu), f’Jannar 1905 (ftit fjokki mingħajr akkumulu), f’Marzu 1949 (borra rreġistrata fin-naħa ta’ ġewwa tal-gżira)[23], u fil-31 ta’ Jannar 1962.[22] Fil-31 ta’ Diċembru 2014, il-borra ġiet irrappurtata f’diversi lokalitajiet, għalkemm l-Uffiċċju Meteoroloġiku ta’ Malta iktar tard ikkonferma li fil-fatt ma kinitx borra iżda silġ artab.[24] Jingħad li x’aktarx ħafna rapporti storiċi ta’ borra kienu fil-fatt silġ artab. Madankollu, ix-xitwa tal-2014 kienet waħda mill-iktar kesħin u b’maltempati li qatt kien hawn fil-Gżejjer Maltin.[25][26]
L-iktar temperatura baxxa li qatt ġiet irreġistrata fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’Ħal Luqa kienet 1.4 °C (34.5 °F) f’Jannar 1981, u l-ogħla temperatura li qatt ġiet irreġistrata kienet 43.8 °C (110.8 °F) f’Awwissu 1999.[27]
Remove ads
Data klimatika
Remove ads
Referenzi
Wikiwand - on
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Remove ads