Moda
stil jew prattika popolari fil-ħwejjeġ, fl-ilbies personali jew fl-arti dekorattiva From Wikipedia, the free encyclopedia
Remove ads
Il-moda hija espressjoni estetika popolari f'perjodu u f'post partikolari u f'kuntest speċifiku, speċjalment fl-ilbies, iż-żraben, l-istil tal-ħajja, l-aċċessorji, il-makeup, l-istil tax-xagħar, u l-proporzjonijiet tal-ġisem. Filwaqt li tendenza ħafna drabi tissuġġerixxi espressjoni estetika partikolari u li ma ddumx iktar minn staġun, il-moda hija espressjoni distintiva u sostnuta mill-industrija tradizzjonalment marbuta mal-istaġun u l-kollezzjonijiet tal-moda. L-istil huwa espressjoni li ddum bosta staġuni u ħafna drabi huwa konness ma' movimenti kulturali u aspetti soċjali, simboli, klassi, u kultura (eż. il-Barokk, ir-Rokokò, eċċ.). Skont is-soċjologu Pierre Bourdieu, il-moda tissuġġerixxi "l-aħħar moda, l-aħħar differenza".

Għalkemm ħafna drabi jintużaw flimkien, it-terminu "moda" huwa differenti mill-ilbies u l-kostumi. Il-moda tiddeskrivi l-libsa materjali u teknika, filwaqt li l-ilbies u l-kostumi ġew relegati għal sens speċjali bħall-ilbies ta' kostumi bil-maskri. Il-moda tiddeskrivi s-sistema soċjali u temporali li "tattiva" l-ilbies bħala sinifikatur soċjali f'ċertu ħin u kuntest. Il-filosfu Giorgio Agamben jgħaqqad il-moda mal-intensità attwali tal-mument kwalitattiv, mal-aspett temporali li bil-Grieg jissejjaħ kairos, filwaqt li l-ilbies jappartjeni għal dak li hu kwantitattiv, li bil-Grieg jissejjaħ chronos.
Ditti esklużivi jaspiraw għat-tikketta tal-haute couture, iżda t-terminu huwa teknikament limitat għal membri tax-Chambre Syndicale de la Haute Couture[1] f’Pariġi. L-haute couture hi aktar aspirazzjonali u ispirata mill-arti, il-kultura u l-moviment. Hi ta' natura estremament esklużiva.
Biż-żieda fil-produzzjoni tal-massa ta' komoditajiet tal-konsumatur bi prezzijiet aktar baxxi, u b'kopertura globali, is-sostenibbiltà saret kwistjoni urġenti fost il-politiċi, id-ditti u l-konsumaturi.[2]
Remove ads
Moda tal-ilbies
Il-vjaġġaturi bikrija tal-Punent, li vvjaġġaw lejn l-Indja, il-Persja, it-Turkija, jew iċ-Ċina, spiss kienu jikkummentaw dwar in-nuqqas ta' bidla fil-moda f'dawk il-pajjiżi. Vjaġġatur Spanjol iddeskriva konverżazzjoni li kellu ma' impjegat fis-servizz diplomatiku Ġappuniż fiż-żmien ix-Shogun li baqa' skantat u saħansitra xxukkjat bit-tipi differenti ta' lbies tal-Ewropej. Skontu l-ħwejjeġ Ġappuniżi baqgħu l-istess għal elf sena sħaħ.[3] Madankollu, hemm evidenza konsiderevoli fiċ-Ċina tad-dinastija Ming li l-moda kienet tinbidel malajr fl-ilbies Ċiniż.[4] Bidliet fl-ilbies spiss seħħew fi żminijiet ta’ bidla ekonomika jew soċjali, kif seħħ f’Ruma Antika u fil-Kaliffat Medjevali, segwiti minn perjodu twil mingħajr bidliet sinifikanti. Fi Spanja taħt l-Għarab, fis-seklu 8, il-mużiċist Ziryab introduċa f'Córdoba[5][6] stili ta' ħwejjeġ sofistikati bbażati fuq moda staġjonali u ta' kuljum minn Bagdad, l-Iraq, art twelidu, modifikati mill-ispirazzjoni tiegħu. Bidliet simili fil-moda seħħew fis-seklu 11 fil-Lvant Nofsani wara l-wasla tat-Torok, li introduċew stili ta’ lbies mill-Asja Ċentrali u l-Lvant Imbiegħed.
Barra minn hekk, hemm storja twila tal-moda fil-Punent tal-Afrika. Id-drapp kien jintuża bħala forma ta’ munita fil-kummerċ mal-Portugiżi u mal-Olandiżi kmieni fis-seklu 16. Id-drapp prodott lokalment u l-importazzjonijiet Ewropej irħas kienu jiġu ttrasformati fi stili ġodda biex jakkomodaw il-klassi privileġġjata li kulma jmur kienet qed tikber ta' Afrikani tal-Punent u residenti li kienu negozjanti tad-deheb u tal-iskjavi. Kien hemm tradizzjoni eċċezzjonalment b'saħħitha tal-insiġ tad-drapp f'Oyo u fiż-żoni abitati mill-poplu Igbo.
Fl-Ewropa, il-bidu ta' bidla kontinwa u dejjem aktar mgħaġġla fl-istili tal-ilbies jista' jiġi ddatat b'mod pjuttost affidabbli. L-istoriċi, inklużi James Laver u Fernand Braudel, jiddataw il-bidu tal-moda tal-Punent fl-ilbies min-nofs is-seklu 14,[7][8] għalkemm għandhom it-tendenza li jibbażaw ħafna fuq xbihat kontemporanji u l-manuskritti illuminati ma kinux komuni qabel is-seklu erbatax. Waħda mill-ewwel bidliet l-iktar drammatiċi fil-moda seħħet fl-ilbies tal-irġiel. Il-kapott qsar f'daqqa u b'mod drastiku. Fejn qabel kien jasal sal-pexxun, f'daqqa qsar sew, u fil-parti tas-sider xi kultant kien jiddaħħal tip ta' mili biex jagħti dehra imbuzzata. Dan ħoloq il-kontorn distintiv tal-Punent b'topp imfassal bil-qies li jintlibes fuq leggings jew qalziet.
Fis-seklu ta' wara, il-bidliet bdew iseħħu b'pass iktar mgħaġġel, u l-moda tan-nisa u tal-irġiel, speċjalment fl-arranġament u t-tiżjin tax-xagħar, saret daqstantieħor kumplessa. Għalhekk, l-istoriċi tal-arti jistgħu jużaw il-moda b'kunfidenza u preċiżjoni biex jiddataw ix-xbihat, partikolarment fil-każ ta' xbihat mis-seklu 15. Fil-bidu, il-bidliet fil-moda wasslu għal frammentazzjoni fil-klassijiet għolja tal-Ewropa fejn qabel kienu kkaratterizzati minn stil simili ħafna ta' lbies u l-iżvilupp sussegwenti ta' stili nazzjonali distintivi. Dawn l-istili nazzjonali baqgħu differenti ħafna sakemm fis-sekli 17 sa 18 kontromoviment impona għal darb'oħra stili simili, li oriġinaw l-aktar minn Franza tal-Ancien Régime.[9] Għalkemm is-sinjuri ġeneralment kienu jmexxu l-moda, il-ġid dejjem jiżdied tal-Ewropa moderna bikrija wassal biex il-borgeżija u anke l-bdiewa bdew isegwu t-tendenzi tal-moda mill-bogħod, u dan kien biżżejjed biex jiskomoda lill-klassi privileġġjata - fattur li Fernand Braudel iqis bħala wieħed mill-muturi ewlenin tal-moda li qed tinbidel.[10]

Fis-seklu 16, id-differenzi nazzjonali kienu evidenti ferm. Għaxar ritratti ta' rġiel Ġermaniżi jew Taljani tas-seklu 16 jistgħu juru għaxart ikpiepel kompletament differenti. Albrecht Dürer wera d-differenzi fil-kuntrast attwali (jew kompost) tiegħu tal-moda ta' Nuremberg u dik Venezjana fit-tmiem tas-seklu 15 (fl-illustrazzjoni tal-lemin). L-"istil Spanjol" tal-aħħar tas-seklu 16 beda t-treġġigħ lura lejn is-sinkroniċità fost l-Ewropej ta' klassi għolja, u wara taqbida f'nofs is-seklu 17, deċiżivament, l-istili Franċiżi ħadu t-tmun, proċess li tlesta fis-seklu 18.[11]
Għalkemm il-kuluri u l-mudelli differenti tat-tessuti kienu jinbidlu minn sena għall-oħra,[12] il-qatgħa ta' kowt ta' raġel u t-tul tas-sidrija tiegħu, jew il-mudell kif kienet tinqata' libsa tan-nisa, kienu jinbidlu aktar bil-mod. Il-moda tal-irġiel kienet primarjament ġejja minn mudelli militari, u l-bidliet fis-siluwett maskili Ewropew ġew galvanizzati tul il-gwerer Ewropej fejn l-uffiċjali rġiel taw bidu għal stili differenti, pereżempju l-ingravajjet, fosthom l-ingravata ta' "Steinkirk" jew in-neckties.
Minkejja li kien hemm distribuzzjoni ta’ pupi mlibbsin minn Franza sa mis-seklu 16 u minkejja li Abraham Bosse kien ipproduċa inċiżjonijiet tal-moda fis-snin 20 tas-seklu 17, il-pass tal-bidla qabad ir-ritmu fis-snin 80 tas-seklu 18 permezz ta' żieda fil-pubblikazzjoni ta’ inċiżjonijiet Franċiżi li juru l-aħħar stili ta’ Pariġi. Sal-1800, l-Ewropej tal-Punent kollha kienu jilbsu l-istess (jew hekk kienu jaħsbu); il-varjazzjoni lokali saret l-ewwel sinjal tal-kultura provinċjali u aktar tard timbru tal-bidwi konservattiv.[13]
Għalkemm il-ħajjata tas-sengħa u l-ħajjata tal-ilbies tan-nisa bla dubju kienu responsabbli għal bosta innovazzjonijiet, u l-industrija tat-tessuti tabilħaqq wasslet għal bosta tendenzi, l-istorja tad-disinn tal-moda bdiet mill-1858 meta Charles Frederick Worth, imwieled l-Ingilterra, fetaħ l-ewwel dar awtentika tal-haute couture f'Pariġi. Dan it-titlu ġie stabbilit mill-gvern għad-djar tal-moda li kienu jilħqu l-istandards tal-industrija. Dawn id-djar tal-moda kellhom jaderixxu ma' ċerti standards, pereżempju kellhom iżommu mill-inqas għoxrin impjegat involuti biex jagħmlu l-ħwejjeġ, juru żewġ kollezzjonijiet fis-sena fi sfilati tal-moda, u jippreżentaw ċertu numru ta' mudelli lill-klijenti.[14] Minn dakinhar 'l hawn, l-idea tad-disinjatur tal-moda bħala ċelebrità fih innifsu saret dejjem aktar dominanti.
Għalkemm xi aspetti tal-moda jistgħu jkunu femminili jew maskili, xi tendenzi huma androġeni.[15] L-idea ta' lbies unisex oriġinat fis-sittinijiet tas-seklu 20 meta disinjaturi bħal Pierre Cardin u Rudi Gernreich ħolqu ħwejjeġ, bħal tuniċi jew leggings li jiġġebdu magħmulin mill-jersey, maħsuba biex jintlibsu kemm mill-irġiel kif ukoll min-nisa. L-impatt tal-unisex beda jespandi b’mod iktar wiesa’ biex jinkludi diversi temi fil-moda, inkluż l-androġenija, il-bejgħ bl-imnut bil-massa, u l-ilbies kunċettwali. It-tendenzi tal-moda tas-sebgħinijiet tas-seklu 20, bħall-ġkieket tal-ġilda tan-nagħaġ, ġkieket tal-piloti, kowtijiet mid-duffel (tessut tas-suf li ġej mill-belt ta' Duffel fil-Belġju), u ħwejjeġ mhux strutturati, influwenzaw lill-irġiel biex jattendu laqgħat soċjali mingħajr it-tuxedo u biex jużaw l-aċċessorji b'modi ġodda. Xi stili tal-irġiel ħalltu s-senswalità u l-espressività. Minkejja tendenza konservattiva, il-moviment dejjem jikber tad-drittijiet tal-omosesswali u enfasi fuq iż-żgħażagħ taw lok għal libertà ġdida ta' sperimentazzjoni bl-istili. Id-drapp, bħall-krepp tas-suf, li qabel kien assoċjat mal-ilbies tan-nisa beda jintuża mid-disinjaturi meta joħolqu ħwejjeġ maskili.
L-erba’ bliet kapitali tal-moda ewlenin attwali huma Pariġi, Milan, New York, u Londra, li lkoll huma kwartieri ġenerali tal-aktar kumpaniji tal-moda sinifikanti u huma rinomati għall-influwenza kbira tagħhom fuq il-moda globali. Il-ġimgħat tal-moda jsiru f'dawn l-ibliet, fejn id-disinjaturi juru l-kollezzjonijiet ta' ħwejjeġ ġodda tagħhom lil udjenza. Sensiela ta’ disinjaturi ewlenin bħal Coco Chanel u Yves Saint-Laurent żammew lil Pariġi bħala ċ-ċentru l-iktar segwit mill-bqija tad-dinja, għalkemm l-haute couture issa hija sussidjata mill-bejgħ ta’ kollezzjonijiet ta' ħwejjeġ lesti u fwejjaħ li jużaw l-istess ditti.
In-nies moderni tal-Punent għandhom għażla vasta minn fejn jagħżlu l-ħwejjeġ li jilbsu. Dak li persuna tagħżel li tilbes jista' jirrifletti l-personalità jew l-interessi tagħha. Meta nies li għandhom status kulturali għoli jibdew jilbsu ħwejjeġ ġodda jew differenti, tista' tibda tendenza tal-moda. Nies li jħobbu jew jirrispettaw lil dawn in-nies isiru influwenzati mill-istil tagħhom u jibdew jilbsu ħwejjeġ tal-istess stil. Il-moda tista' tvarja konsiderevolment fi ħdan soċjetà skont l-età, il-klassi soċjali, il-ġenerazzjoni, ix-xogħol, u l-ġeografija u tista' tvarja wkoll maż-żmien. Jekk persuna mdaħħla fiż-żmien tilbes skont il-moda li jużaw iż-żgħażagħ, tista' tidher redikola kemm f'għajnejn iż-żgħażagħ kif ukoll f'għajnejn l-anzjani. It-termini fashionista u vittma tal-moda jirreferu għal min hu lsir tal-moda kurrenti.
Wieħed jista' jħares lejn l-użu ta' modi differenti bħala lingwa tal-moda li tinkorpora dikjarazzjonijiet tal-moda differenti li jużaw grammatika tal-moda. Wieħed jista' jqabbel ftit mix-xogħlijiet ta' Roland Barthes dwar dan is-suġġett.
F'dawn l-aħħar snin, il-moda Asjatika saret iktar sinifikanti fis-swieq lokali u globali. Pajjiżi bħaċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indja, u l-Pakistan tradizzjonalment kellhom industriji kbar tat-tessuti, li ħafna drabi kienu użati minn disinjaturi tal-Punent, iżda issa l-istili tal-ħwejjeġ Asjatiċi qed jiksbu wkoll influwenza fuq l-ideat tagħhom.[16]
Remove ads
Industrija tal-moda

Il-kunċett tal-industrija tal-moda globali huwa prodott tal-era moderna.[17] Qabel nofs is-seklu 19, ħafna mill-ilbies kien magħmul bil-qies. Kien magħmul bl-idejn għal individwi, jew bħala produzzjoni fid-dar jew fuq ordni minn ħajjata tal-ilbies tan-nisa jew ħajjata tas-sengħa. Fil-bidu tas-seklu 20 - biż-żieda ta’ teknoloġiji ġodda bħall-magna tal-ħjata, iż-żieda tal-kapitaliżmu globali u l-iżvilupp tas-sistema tal-produzzjoni tal-fabbriki, u l-proliferazzjoni ta’ ħwienet bl-imnut bħal ħwienet kbar - il-ħwejjeġ bdew jiġu prodotti bil-massa b'daqsijiet standard u mibjugħa bi prezzijiet fissi.
Għalkemm l-industrija tal-moda żviluppat l-ewwel fl-Ewropa u l-Amerka, mill-2017 'l hawn saret industrija internazzjonali u globalizzata ħafna, bil-ħwejjeġ spiss iddisinjati f'pajjiż, manifatturati f'ieħor, u mibjugħa mad-dinja kollha. Pereżempju, kumpanija Amerikana tal-moda tista' ġġib id-drapp miċ-Ċina u tipproduċi l-ħwejjeġ fil-Vjetnam, tlestihom fl-Italja, u tibgħathom f'maħżen fl-Istati Uniti għad-distribuzzjoni lill-ħwienet bl-imnut fil-livell internazzjonali. L-industrija tal-moda ilha waħda mill-ikbar impjegaturi fl-Istati Uniti, u dan għadu l-każ fis-seklu 21. Madankollu, l-impjiegi fl-Istati Uniti naqsu konsiderevolment hekk kif il-produzzjoni mxiet dejjem aktar barra mill-pajjiż, speċjalment lejn iċ-Ċina. Minħabba li d-data dwar l-industrija tal-moda tipikament hija rrappurtata għall-ekonomiji nazzjonali u espressa f'termini tal-ħafna setturi separati tal-industrija, huwa diffiċli li jinkisbu ċ-ċifri aggregati għall-produzzjoni dinjija tat-tessuti u l-ilbies. Madankollu, bi kwalunkwe miżura, l-industrija tal-ħwejjeġ tammonta għal sehem sinifikanti tal-produzzjoni ekonomika dinjija.[18] L-industrija tal-moda tikkonsisti f'erba' livelli:
- Il-produzzjoni tal-materja prima, prinċipalment il-ħajt, u t-tessuti iżda wkoll il-ġilda u l-fer.
- Il-produzzjoni ta' oġġetti tal-moda minn disinjaturi, manifatturi, kuntratturi, u oħrajn.
- Il-bejgħ bl-imnut.
- Diversi forom ta' reklamar u promozzjoni.
Dawn il-livelli jikkonsistu f'ħafna setturi separati iżda interdipendenti. Dawn is-setturi huma d-Disinn u l-Produzzjoni tat-Tessuti, id-Disinn u l-Manifattura tal-Moda, il-Bejgħ bl-Imnut tal-Moda, il-Kummerċjalizzazzjoni u l-Merchandising, l-Isfilati tal-Moda, u l-Media u l-Kummerċjalizzazzjoni. Kull settur huwa ddedikat għall-għan li tiġi ssodisfata d-domanda tal-konsumatur għall-ilbies taħt kundizzjonijiet li jippermettu lill-parteċipanti fl-industrija joperaw bi profitt.
Remove ads
Tendenzi tal-moda
It-tendenzi tal-moda huma influwenzati minn diversi fatturi, inklużi ċ-ċinema, iċ-ċelebritajiet, il-klima, l-esplorazzjonijiet kreattivi, l-innovazzjonijiet, id-disinji, il-politiċi, u l-fatturi ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi. L-eżami ta' dawn il-fatturi jissejjaħ l-analiżi PEST. Dawk li jbassru l-moda jistgħu jużaw din l-informazzjoni biex tgħinhom jiddeterminaw jekk tendenza partikolari hix qed tikber jew tmajna. Tagħti informazzjoni dwar l-arena tal-moda u l-istil tal-ħajja fid-dinja moderna.
Influwenzi politiċi

Il-politika kellha rwol ċentrali fl-iżvilupp tal-moda. Pereżempju, il-First Lady Jacqueline Kennedy kienet ikona tal-moda tal-bidu tas-sittinijiet tas-seklu 20 li mexxiet it-tendenza tal-ilbies formali. B'libsa ta' Chanel, b'libsa dejqa u dritta struttuta ta' Givenchy, jew b'kowt ta' kulur ċar u b’buttuni kbar ta' Cassini, ħolqot id-dehra eleganti tagħha u mexxiet tendenza delikata.
Barra minn hekk, ir-rivoluzzjoni politika wkoll ħalliet impatt kbir fuq it-tendenza tal-moda. Pereżempju, matul is-sittinijiet tas-seklu 20, l-ekonomija saret iktar sinjura, ir-rata tad-divorzju kienet qed tiżdied, u l-gvern approva l-pillola kontraċettiva. Din ir-rivoluzzjoni ispirat lill-ġenerazzjoni żagħżugħa għar-ribelljoni. Fl-1964, id-dublett qasir sar tendenza tal-moda sinifikanti tas-sittinijiet. Minħabba li d-disinjaturi tal-moda bdew jesperimentaw bil-forom tal-ilbies, wesgħin, bla kmiem, mikro-mini, dbielet wesgħin, u kmiem f'forma ta' trumbetta. F'dan il-każ, it-tendenza tad-dublett qasir saret ikona tas-sittinijiet tas-seklu 20.
Barra minn hekk, il-moviment politiku bena relazzjoni impressjonanti mat-tendenzi tal-moda. Pereżempju, matul il-gwerra tal-Vjetnam, iż-żgħażagħ Amerikani waqqfu moviment li affettwa lill-pajjiż kollu. Fis-sittinijiet tas-seklu 20, it-tendenza tal-moda kienet mimlija kuluri fluworexxenti, drappijiet bid-disinn, jeans wesgħin ħafna mill-irkoppa 'l isfel (bell-bottom), flokkijiet bil-frenża, u d-dbielet saru simbolu ta’ protesta. Din hi t-tendenza Hippie, u għadha taffettwa t-tendenza tal-moda sal-lum.[19]
Influwenzi tat-teknoloġija
It-teknoloġija għandha rwol sinifikanti f'ħafna aspetti tas-soċjetà tal-lum. L-influwenzi teknoloġiċi qed isiru iktar evidenti fl-industrija tal-moda. Avvanzi u żviluppi ġodda qed isawru u joħolqu tendenzi attwali u futuri.
Żviluppi bħat-teknoloġija li tintlibes saru tendenza essenzjali fil-moda. Se jkomplu bl-avvanzi bħal ħwejjeġ magħmulin mill-pannelli solari li jiċċarġjaw l-apparat u drappijiet intelliġenti li jtejbu l-kumdità ta' min jilbishom billi jibdlu l-kulur jew in-nisġa abbażi tal-bidliet ambjentali.[20]
L-industrija tal-moda qed tara kif it-teknoloġija tal-istampar 3D influwenzat disinjaturi bħal Iris van Herpen u Kimberly Ovitz. Dawn id-disinjaturi ilhom jesperimentaw u jiżviluppaw biċċiet tal-ilbies bl-istampar 3D. Hekk kif it-teknoloġija tikber, l-istampaturi 3D se jsiru aktar aċċessibbli għad-disinjaturi u eventwalment għall-konsumaturi, li potenzjalment jistgħu jsawru l-industrija tal-moda għalkollox.
It-teknoloġija tal-internet bħal bejjiegħa bl-imnut online u pjattaformi tal-media soċjali wittew it-triq biex it-tendenzi jiġu identifikati, ikkummerċjalizzati u mibjugħa immedjatament.[21] L-istili u t-tendenzi jintbagħtu faċilment online biex joħolqu tendenzi. Karigi fuq Instagram jew Facebook jistgħu jżidu malajr l-għarfien dwar xejriet ġodda fil-moda, li sussegwentement jistgħu joħolqu domanda għolja għal oġġetti jew ditti speċifiċi,[22] teknoloġija ġdida "tal-buttuna Ixtri issa" tista' torbot dawn l-istili ma' bejgħ dirett.
It-teknoloġija tal-viżjoni bil-magna ġiet żviluppata biex issegwi kif il-moda tinfirex fis-soċjetà. L-industrija issa tista' tara l-korrelazzjoni diretta dwar kif l-isfilati tal-moda jinfluwenzaw l-ilbies ta' kuljum. L-effetti issa jistgħu jiġu kkwantifikati u jipprovdu rispons siewi lid-ditti tal-moda, lid-disinjaturi, u lill-konsumaturi rigward it-tendenzi.[23]
It-teknoloġija militari kellha rwol essenzjali fl-industrija tal-moda. Id-disinn tal-camouflage fil-ħwejjeġ ġie żviluppat biex jgħin lill-persunal militari jkun inqas viżibbli għall-forzi tal-għadu. Fis-sittinijiet tas-seklu 20 tfaċċat tendenza u d-drapp tal-camouflage ġie introdott fil-ħwejjeġ ta' kuljum. It-tendenza tad-drapp tal-camouflage sparixxiet u reġgħet tfaċċat diversi drabi minn dak iż-żmien 'l hawn. Il-camouflage beda jidher b'mod qawwi fil-moda sad-disgħinijiet tas-seklu 20.[24] Disinjaturi bħal Valentino, Dior, u Dolce & Gabbana kkombinaw il-camouflage fl-isfilati tal-moda tagħhom u fil-kollezzjonijiet ta' lbies għall-bejgħ.
Influwenzi soċjali


Il-moda hija relatata mal-kuntest soċjali u kulturali ta' ambjent. Skont Matika,[25] "Elementi tal-kultura popolari jitwaħħdu meta tendenza ta' persuna tkun assoċjata ma' preferenza għal ġeneru ta' mużika... bħall-mużika, l-aħbarijiet jew il-letteratura, il-moda twaħħdet fil-ħajja ta' kuljum". Il-moda mhix meqjusa biss f'termini ta' valuri estetiċi puri; il-moda hija wkoll mezz biex l-artisti joħolqu atmosfera ġenerali u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom permezz ta' filmati mużikali. L-aħħar filmat mużikali "Formation" ta' Beyoncé, skont Carlos,[26] "L-istilla pop tagħti ġieħ lill-għeruq tagħha tal-Kreol.... li jittraċċa l-għeruq taċ-ċentru tan-nervituri kulturali ta' Louisiana mill-era ta' wara l-abolizzjoni sal-lum, u Beyoncé tikkataloga l-evoluzzjoni tal-istil vibranti tal-belt u l-istorja tumultuża tagħha f'daqqa. Fuq karozza tal-pulizija ta' New Orleans b'ilbies aħmar u abjad Gucci b’għonq għoli u stivali tal-ġlied, hi tpoġġi fost il-fdalijiet tal-Uragan Katrina, u immedjatament iddaħħal lilha nnifisha fl-akbar dibattitu nazzjonali dwar il-brutalità tal-pulizija u r-relazzjonijiet ta’ razza fiż-żminijiet moderni".
L-isfilata tal-moda hija riflessjoni tat-tendenzi tal-moda u l-ħsibijiet ta' disinjatur. Għal disinjaturi bħal Vivienne Westwood, l-isfilati tal-moda huma pjattaforma għall-vuċi tagħha dwar il-politika u l-ġrajjiet kurrenti. Skont Water,[27] fl-isfilata tal-moda tal-irġiel tal-HX15, "kien hemm mudelli b'uċuħ imbenġla sew biex jirrappreżentaw ġellieda favur l-ambjent fuq missjoni biex isalvaw il-pjaneta". Eżempju reċenti ieħor huwa marċ ta' protesta femminista fl-isfilata tar-RS15 ta' Chanel, fejn il-mudelli kienu qed ilissnu flimkien kliem li jagħti s-setgħa lin-nisa bħal "Femministi iżda femminili" u "In-nisa l-ewwel." Skont Water, "l-isfilata sfruttat l-istorja twila ta' Chanel li tippromwovi l-indipendenza tan-nisa: il-fundatriċi Coco Chanel kienet dik li wittiet it-triq għall-ħelsien tal-ġisem tal-mara fl-era ta' wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, u introduċiet siluwetti li jmorru kontra l-korsetti restrittivi li dak iż-żmien kienu għadhom in voga".
Influwenzi ekonomiċi
Ekonomija ċirkolari
Bil-kuxjenza ambjentali dejjem tiżdied, l-imperattiv ekonomiku li "Onfoq issa, aħseb wara" qed isir dejjem aktar skrutinizzat. Il-konsumatur tal-lum għandu t-tendenza li jkun iktar konxju dwar il-konsum, li jfittex biss dak li għandu bżonn u ta' kwalità aħjar u li jservi fit-tul. In-nies saru wkoll aktar konxji tal-impatt li l-konsum tagħhom ta' kuljum għandu fuq l-ambjent u s-soċjetà, u dawn l-inizjattivi spiss huma deskritti bħala ċaqliqa lejn moda sostenibbli, iżda l-kritiċi jargumentaw li ekonomija ċirkolari bbażata fuq it-tkabbir hija ossimoru, jew spirali dejjem tikber ta' konsum, minflok soluzzjoni ċirkolari utopika ta' cradle-to-cradle.
Remove ads
Iktar qari
- Breward, Christopher, The culture of fashion: a new history of fashionable dress, Manchester: Manchester University Press, 2003,ISBN 978-0-7190-4125-9
- Cabrera, Ana, u Lesley Miller. "Genio y Figura. La influencia de la cultura española en la moda. " Teorija tal-Moda: Il-Ġurnal tal-Ilbies, il-Ġisem u l-Kultura 13.1 (2009): 103–110
- Cumming, Valerie: Nifhmu l-Istorja tal-Moda, Kostum & Fashion Press, 2004ISBN 0-89676-253-X
- Hollander, Anne, Jaraw il-ħwejjeġ, Berkeley: University of California Press, 1993,ISBN 978-0-520-08231-1[28]
- Hollander, Anne, Sess u lbiesi: l-evoluzzjoni tal-ilbies modern, New York: Knopf, 1994,ISBN 978-0-679-43096-4
- Hollander, Anne, Feeding the eye: esejs, New York: Farrar, Straus, u Giroux, 1999,ISBN 978-0-374-28201-1
- Hollander, Anne, Tessili tal-viżjoni: libsa u drappijiet fil-pittura, Londra: National Gallery, 2002,ISBN 978-0-300-09419-0
- Kawamura, Yuniya, Fashion-ology: introduzzjoni għall-Istudji tal-Moda, Oxford u New York: Berg, 2005,ISBN 1-85973-814-1
- Lipovetsky, Gilles (tradott minn Catherine Porter), L-imperu tal-moda: dressing demokrazija moderna, Woodstock: Princeton University Press, 2002,ISBN 978-0-691-10262-7
- McDermott, Kathleen, Stil għal kulħadd: għaliex il-moda, ivvintata mir-rejiet, issa tappartjeni lilna lkoll (Storja illustrata), 2010,ISBN 978-0-557-51917-0 - Bosta illustrazzjonijiet bil-kulur imfassla bl-idejn, bibljografija estensiva annotata u gwida għall-qari
- Perrot, Philippe (tradott minn Richard Bienvenu), Fashioning the bourgeoisie: a history of clothing in the 19th century, Princeton NJ: Princeton University Press, 1994,ISBN 978-0-691-00081-7
- Steele, Valerie, il-moda ta 'Pariġi: storja kulturali, (2. ed., Rev. U aġġornata), Oxford: Berg, 1998,ISBN 978-1-85973-973-0
- Steele, Valerie, Ħamsin sena ta' moda: dehra ġdida għal issa, New Haven: Yale University Press, 2000,ISBN 978-0-300-08738-3
- Steele, Valerie, Enċiklopedija tal-ħwejjeġ u l-moda, Detroit: Thomson Gale, 2005
- Davis, F. (1989). Ta' uniformijiet ta' maids u jeans blu: Id-drama tal-ambivalenzi tal-istatus fil-ħwejjeġ u l-moda. Soċjoloġija Kwalitattiva, 12(4), 337-355.
Remove ads
Referenzi
Wikiwand - on
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Remove ads