Porto

belt fil-Portugall From Wikipedia, the free encyclopedia

Porto
Remove ads

Porto jew Oporto[1] (pronunzja bil-Portugiż: [ˈpoɾtu]) hija t-tieni l-ikbar belt fil-Portugall, il-belt kapitali tad-Distrett ta' Oporto, u waħda mill-ikbar żoni urbani tal-Peniżola Iberika. Il-belt ta' Porto proprja, li tinkludi l-muniċipalità kollha ta' Porto, hija żgħira meta mqabbla maż-żona metropolitana tagħha, b'popolazzjoni li stmata li tlaħħaq il-231,800 ruħ biss f'muniċipalità ta' 41.42 km2.[2][3] Iż-żona metropolitana ta' Porto għandha popolazzjoni ta' madwar 1.7 miljun ruħ (fl-2021) f'erja ta' 2,395 km2 (925 mil kwadru),[4] u b'hekk hija t-tieni l-ikbar żona urbana fil-Portugall.[5][6][7] Hija rikonoxxuta bħala belt globali b'klassifikazzjoni ta' Gamma + min-Network tar-Riċerka dwar il-Globalizzazzjoni u l-Bliet Dinjin.

Quick facts Amministrazzjoni, Kap tal-Gvern ...

Porto tinsab tul l-estwarju tax-xmara Douro fit-Tramuntana tal-Portugall u għandha waħda mill-eqdem ċentri storiċi tal-Ewropa. Tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996, bħala ċ-"Ċentru Storiku ta' Porto, il-Pont ta' Luiz I u l-Monasteru ta' Serra do Pilar".[8] Iċ-ċentru storiku huwa wkoll Monument Nazzjonali tal-Portugall. Il-parti tal-Punent taż-żona urbana tagħha testendi sal-kosta tal-Oċean Atlantiku. L-insedjament tal-belt tmur lura bosta sekli, meta kienet gwarniġjon tal-Imperu Ruman. L-isem Ċeltiku-Latin tagħha ġej minn Portus Cale[9] u huwa maħsub li huwa l-oriġini wkoll ta' isem il-pajjiż, Portugal, abbażi tat-trażlitterazzjoni u l-evoluzzjoni bil-fomm mil-Latin. Bil-Portugiż, isem il-belt jinkludi l-artiklu definit: o Porto ("il-port").[10]

L-inbid port, wieħed mill-iżjed esportazzjonijiet famużi tal-Portugall, huwa msemmi għal Porto, peress li ż-żona metropolitana, u b'mod partikolari l-kantini ta' Vila Nova de Gaia, kienu responsabbli għall-imballaġġ, għat-trasport u għall-esportazzjoni tal-inbid iffortifikat.[11] Fl-2014 u fl-2017, Porto ġiet eletta bħala L-Aqwa Destinazzjoni Ewropea mill-Aġenzija tal-Aqwa Destinazzjoniet Ewropej.[12] Porto tinsab ukoll tul ir-Rotta Portugiża tal-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu.

Remove ads

Storja

Storja bikrija

Thumb
Il-Katidral ta' Porto, Sé do Porto, inbena fis-seklu 12, b'modifiki Barokki u tas-seklu 20.

Il-popli Proto-Ċeltiċi u Ċeltiċi kienu fost l-ewwel abitanti magħrufa tal-inħawi. Ġew skoperti diversi fdalijiet f'għadd ta' nħawi. Is-sejbiet arkeoloġiċi żvelaw li kien hemm insedjamenti umani wkoll fil-bokka tax-xmara Douro diġà mis-seklu 8 Q.K., u dan jagħti x'tifhem li x'aktarx kien hemm insedjament kummerċjali tal-Feniċi hemmhekk.

Matul l-okkupazzjoni Rumana tal-Peniżola Iberika, il-belt żviluppat bħala port kummerċjali importanti, primarjament għall-kummerċ bejn Olissipona (illum il-ġurnata Liżbona) u Bracara Augusta (illum il-ġurnata Braga). Porto kienet importanti wkoll fi żmien is-Swebi u l-Viżigoti, u kienet ċentru għall-espansjoni tal-Kristjaneżmu matul dak il-perjodu.[13]

Porto sfat taħt il-kontroll tal-Għarab Iberiċi matul l-invażjoni tal-Peniżola Iberika fis-711.[14] Fit-868, Vímara Peres, konti tal-Asturias minn Gallaecia, u vassal tar-Re tal-Asturias, ta' Léon u ta' Galicia, Alfonso III, intbagħat biex jerġa' jaħkem u jsaħħaħ l-artijiet f'idejn il-Kristjani. Dan kien jinkludi l-inħawi minn Minho sax-xmara Douro: l-insedjament ta' Portus Cale u ż-żona magħrufa bħala Vila Nova de Gaia. Portus Cale, li iktar 'il quddiem saret magħrufa bħala Portucale, kienet l-oriġini tal-isem modern tal-Portugall. Fit-868, il-Konti Vímara Peres stabbilixxa l-Kontea tal-Portugall (bil-Portugiż: Condado de Portucale), magħrufa wkoll bħala Condado Portucalense, wara l-ħakma mill-ġdid tar-reġjun fit-Tramuntana tax-xmara Douro.[15]

Thumb
Il-kwartier ta' Foz tul il-kosta.

Fl-1093, Teresa ta' León, bint illeġittima tar-Re Alfonso VI ta' Kastilja, iżżewġet lil Enriku ta' Bourgogne, u b'hekk ingħatat il-Kontea tal-Portugall bħala dota. Dan il-Condado Portucalense kien fil-mira tal-hekk imsejħa Reconquista, u iktar 'il quddiem sar ir-Renju indipendenti tal-Portugall, wara li eventwalment kabbar il-fruntieri attwali tiegħu lejn in-Nofsinhar, bis-saħħa tal-ħakma mill-ġdid tat-territorji abitati mill-Għarab Iberiċi għal sekli sħaħ, taħt ir-renju tar-Re Afonso I tal-Portugall fil-bidu tas-seklu 12.

Fl-1387, Porto kienet il-belt fejn sar iż-żwieġ bejn Ġwanni I tal-Portugall u Filippa ta' Lancaster, bint Ġwanni ta' Gaunt; dan iż-żwieġ kien jissimbolizza l-alleanza militari dejjiema bejn il-Portugall u l-Ingilterra.[16] L-alleanza Portugiża-Ingliża skont it-Trattat ta' Windsor hi l-eqdem alleanza militari li qatt ġiet irreġistrata fid-dinja.[17]

Fis-sekli 14 u 15, it-tarzniet ta' Porto kkontribwew għall-iżvilupp tal-bini tal-bastimenti fil-Portugall. Mill-port ta' Porto wkoll, fl-1415, il-Prinċep Enriku n-Navigatur (iben Ġwanni I tal-Portugall) salpa biex jaħkem il-port Għarbi ta' Ceuta, fit-Tramuntana tal-Marokk.[18][19] Din l-ispedizzjoni mir-re u l-flotta tiegħu, li kienet tinkludi lill-Prinċep Enriku, saret permezz tan-navigazzjoni u l-esplorazzjoni tul il-kosta tal-Punent tal-Afrika, u tat bidu għall-Era Portugiża tal-Iskoperti. Il-laqam mogħti lill-poplu ta' Porto beda f'dak iż-żmien; iċ-ċittadini ta' Porto għadhom sa issa magħrufa kollokjalment bħala tripeiros (il-poplu tal-kirxa), b'referenza għal dan il-perjodu tal-istorja, meta l-qatgħat tal-laħam ta' kwalità għolja kienu jiġu ttrasportati bil-baħar minn Porto mill-baħħara tagħhom, filwaqt li l-qatgħat l-oħra u l-prodotti sekondarji, bħall-kirxa, kienu jitħallew għaċ-ċittadini ta' Porto; il-kirxa fil-fatt għadha ikla tradizzjonali importanti għal Porto moderna.

Thumb
Veduta ta' Porto mill-pont ewlieni tal-belt.

Seklu 18

Sas-seklu 13, l-inbid prodott fil-wied tax-xmara Douro kien diġà ttrasportat lejn Porto f'barcos rabelos (bastimenti ċatti bil-qlugħ). Fl-1703, it-Trattat ta' Methuen stabbilixxa r-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-Portugall u l-Ingilterra. Fl-1717, l-ewwel post kummerċjali Ingliż ġie stabbilit f'Porto. Il-produzzjoni tal-inbid port imbagħad gradwalment għadda f'idejn xi ftit ditti Ingliżi. Sabiex titrażżan din id-dominanza, il-Prim Ministru u l-Markiż ta' Pombal stabbilixxa ditta Portugiża li ngħatat il-monopolju tal-inbejjed mill-wied tax-xmara Douro. Huwa stabbilixxa d-demarkazzjoni tar-reġjun għall-produzzjoni tal-inbid port, sabiex jiżgura l-kwalità tal-inbid; dan kien l-ewwel tentattiv ta' kontroll tal-kwalità tal-inbid u tal-produzzjoni tal-inbid fl-Ewropa. L-azjendi ż-żgħar tal-inbid irvellaw kontra l-politiki stretti tiegħu nhar it-Tlieta ta' Qabel l-Erbgħa tat-Tniebri, u ħarqu l-binjiet ta' din id-ditta. L-irvell issejjaħ Revolta dos Borrachos (l-irvell tax-xurbana).[20]

Bejn l-1732 u l-1763, l-arkitett Taljan Nicolau Nasoni ddisinja knisja Barokka b'torri li saret l-ikona arkitettonika u viżiva tal-belt: it-Torre dos Clérigos. Matul is-sekli 18 u 19, il-belt saret ċentru industrijali importanti u d-daqs u l-popolazzjoni tagħha kibru.

Seklu 19

Thumb
Triq f'Porto.

L-invażjoni tat-truppi ta' Napuljun fil-Portugall taħt il-Marexxall Soult wasslet għal gwerra fil-belt ta' Porto. Fid-29 ta' Marzu 1809, meta l-popolazzjoni kienet qed taħrab mit-truppi Franċiżi li kienu qed javvanzaw u ppruvat taqsam ix-xmara Douro minn fuq il-Ponte das Barcas (pont b'puntun), il-pont ċeda bil-piż. Dan l-avveniment għadu mfakkar bi plakka fil-Pont ta' D. Luis I. L-Armata Franċiża tkeċċiet minn Porto minn Arthur Wellesley, l-Ewwel Duka ta' Wellington, meta l-Armata Anglo-Portugiża tiegħu qasmet ix-xmara Douro mill-Mosteiro da Serra do Pilar (eks kunvent) f'attakk binhar brillanti, bl-użu tal-barklori tal-inbid għat-trasport tat-truppi, u b'hekk għelbu lill-Armata Franċiża.[21][22]

Influwenzata mir-rivoluzzjonijiet liberali li kienu qed iseħħu fl-Ewropa, fl-1820 bdiet ir-Rivoluzzjoni Liberali f'Porto.[23] Ir-rivoluzzjonarji talbu r-ritorn ta' Ġwanni VI tal-Portugall, li kien ittrasferixxa l-Qorti Portugiża lejn il-kolonja Portugiża tal-Brażil mill-invażjonijiet Franċiżi tal-Portugall, u talbu wkoll li tiġi stabbilita monarkija kostituzzjonali fil-Portugall. Fl-1822, ġiet aċċettata kostituzzjoni liberali, parzjalment bis-saħħa tal-isforzi tal-assemblea liberali ta' Porto (Junta do Porto). Meta Miguel I tal-Portugall tela' fuq it-tron Portugiż fl-1828, huwa rrifjuta din il-kostituzzjoni u rrenja bħala monarka antiliberali u assolutist.[24] Imbagħad ġiet miġġielda gwerra ċivili mill-1828 sal-1834 bejn dawk li kien jappoġġaw il-kostituzzjonaliżmu u dawk li kienu kontra din il-bidla u ħerqan bil-kważi assolutiżmu mmexxija minn D. Miguel. Porto rribellat mill-ġdid u għaddiet minn assedju ta' tmintax-il xahar bejn l-1832 u l-1833 mill-armata assolutista. Porto tissejjaħ ukoll "Cidade Invicta" (Belt Mhux Mirbuħa) peress li rnexxielha tirreżisti l-assedju Miguelist. Wara l-abdikazzjoni tar-Re Miguel, il-kostituzzjoni liberali ġiet stabbilita mill-ġdid.[25]

Thumb
Il-Knisja u t-Torri ta' Clérigos.

Magħrufa bħala l-belt tal-pontijiet, Porto bniet l-ewwel pont permanenti tagħha, il-Ponte das Barcas, fl-1806. Tliet snin wara, il-pont ċeda bil-piż ta' eluf ta' nies li kienu qed jaħarbu mill-invażjonijiet Franċiżi matul il-Gwerra Peniżolari, u mietu eluf ta' nies. Ġie sostitwit bil-Pont ta' D. Maria II, magħruf iktar bħala Ponte Pênsil (pont sospiż) li nbena bejn l-1841 u l-1843; il-pilastri riffieda biss baqgħu jeżistu. Il-Ponte D. Maria, pont ferrovjarju, ġie inawgurat fl-4 ta' Novembru 1877; kien meqjus bħala kapulavur tal-inġinerija tal-ħadid ferrobattut u ġie ddisinjat minn Gustave Eiffel, li kien magħruf l-iktar għat-Torri Eiffel f'Pariġi. Il-pont ta' wara, Ponte Dom Luís I, issostitwixxa l-Pont Sospiż. Dan il-pont tal-aħħar sar minn Teophile Seyrig, eks sieħeb ta' Eiffel. Seyrig rebaħ kompetizzjoni governattiva li seħħet fl-1879. Il-kostruzzjoni bdiet fl-1881 u l-pont infetaħ għall-pubbliku fil-31 ta' Ottubru 1886.

Fil-belt ġew stabbiliti istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja fix-xjenza nawtika A (Aula de Náutica, 1762) u Borża (Bolsa do Porto, 1834–1910), iżda iktar 'il quddiem ma baqgħux joperaw.[26]

Ir-rewwixti mir-Repubblikani wasslu għall-ewwel irvell kontra l-monarkija f'Porto fil-31 ta' Jannar 1891. Dan wassal fl-aħħar mill-aħħar għall-waqgħa tal-monarkija u għall-proklamazzjoni tar-repubblika fir-rivoluzzjoni tal-5 ta' Ottubru 1910.[27]

Seklu 20

Thumb
Il-Muniċipju ta' Porto f'Avenida dos Aliados.

Fid-19 ta' Jannar 1919, forzi favur l-istabbiliment mill-ġdid tal-monarkija nedew kontrorivoluzzjoni f'Porto magħrufa bħala l-Monarkija tat-Tramuntana. Matul dan iż-żmien, Porto kienet il-belt kapitali ta' dan ir-renju stabbilit mill-ġdid, u l-moviment inżamm fit-Tramuntana.[28][29] Il-monarkija ġiet deposta inqas minn xahar wara u qatt ma reġa' kien hemm rivoluzzjoni monarkista fil-Portugall.[30]

Remove ads

Sit ta' Wirt Dinji

Iċ-Ċentru Storiku ta' Porto, il-Pont ta' Luiz I u l-Monasteru ta' Serra do Pilar ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[8]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[8]

Remove ads

Ġemellaġġi

Porto hija ġemellata ma':

Nies notevoli

Thumb
Monument lill-Prinċep Enriku n-Navigatur.
Thumb
Duarte Coelho.
Thumb
Statwa ta' António da Silva Oporto f'Angola.

Esploraturi u servizz pubbliku

  • il-Prinċep Enriku n-Navigatur (1394-1460), responsabbli għall-iżvilupp bikri tal-esplorazzjoni Ewropea u l-kummerċ marittimu ma' kontinenti oħra;
  • Afonso Gonçalves Baldaia (1415-1481), esploratur nawtiku;
  • Pêro Vaz de Caminha (1450-1500), kiteb l-ittra Carta do Achamento do Brasil, fejn ħabbar l-iskoperta tal-Brażil;
  • Ferdinand Magellan (għall-ħabta tal-1480-1521), navigatur li dar dawra mal-globu; għex u studjo f'Porto;
  • Estêvão Gomes (għall-ħabta tal-1483-1538), kartografu u esploratur;
  • Duarte Coelho (għall-ħabta tal-1485-1554), nobbli, mexxej militari, amministratur kolonjali u fundatur ta' Olinda fil-Brażil;
  • Brás Cubas (1507-1589), esploratur, amministratur kolonjali u fundatur ta' Santos fil-Brażil;
  • Inácio de Azevedo (1526-1570), missjunarju Ġiżwita;
  • Sir John Croft, 1st Baronet (1778-1862), diplomatiku u spjun Ingliż għal Wellington kontra Napuljun;
  • António Pinto Soares (1780-1865), il-Kap tal-Istat ta' Costa Rica fl-1842;
  • Sir William Warre (1784-1853), uffiċjal Ingliż tal-Armata Brittanika;
  • Karlu Albertu ta' Sardenja (1798-1849), monarka Taljan; miet f'Porto;
  • António da Silva Porto (1817-1890), kummerċjant u esploratur f'Angola;
  • Venceslau de Lima (1858-1919), ġeologu, paleontologu, vitikulturista u politiku; il-Prim Ministru tal-Portugall fl-1909;
  • Marija tal-Qalb Divina (1863-1899), il-Kontessa Droste zu Vischering u l-Madre Superjuri tal-Kunvent tas-Sorijiet tar-Ragħaj it-Tajjeb; mietet f'Porto;
  • António Ferreira Gomes (1906-1989), isqof Kattoliku Ruman ta' Porto;
  • Kaúlza de Arriaga (1915-2004), Ġeneral tal-armata, kittieb, professur u politiku;
  • Maria de Lourdes Belchior Pontes (1923-1998), kittieb, poeta, professur u diplomatiku;
  • Francisco de Sá Carneiro (1934-1980), politiku u Prim Ministru tal-Portugall fl-1980;
  • Manuel Clemente (twieled fl-1948), kardinal tal-Knisja Kattolika, il-Patriarka Metropolitan ta' Liżbona mill-2013 u l-isqof ta' Porto fl-2007-2013;
  • José Pacheco Pereira (twieled fl-1949), politiku, professur u analista politiku;
  • Alexandre Quintanilha (twieled fl-1945), xjenzat u membru parlamentari li jgħix f'Porto;
  • Rui Moreira (twieled fl-1956), negozjant u politiku; is-Sindku ta' Porto;
  • Augusto Santos Silva (twieled fl-1956), soċjologu, akkademiku, politiku u Ministru tal-Affarijiet Barranin;
  • Rui Rio (twieled fl-1957), politiku u Sindku ta' Porto fl-2002-2013;
  • Diogo Vasconcelos (1968-2011), politiku u innovatur soċjali.
Thumb
Statwa ta' Júlio Dinis.
Thumb
Bust ta' Sophia de Mello Breyner Andresen.

Arti u xjenzi

  • Pedro de Escobar (għall-ħabta tal-1465 – wara l-1535), kompożitur Rinaxximentali polifoniku;
  • Daniel de Fonseca (1672 – għall-ħabta tal-1740), tabib tal-qorti Lhudi;
  • Tomás António Gonzaga (1744 – għall-ħabta tal-1810), poeta Brażiljan;
  • Vieira Portuense (1765-1805), pittur u pijunier tan-Neo-Klassiċiżmu;
  • Almeida Garrett (1799-1854), kittieb, direttur teatrali u liberalist;
  • Júlio Dinis (1839-1871), tabib, poeta, xeneġġatur u rumanzier;
  • Arthur Napoleão dos Santos (1843-1925), kompożitur u pjanist;
  • Annibal Napoleão (1845-1880), kompożitur u pjanist;
  • Alfredo Napoleão (1852-1917), kompożitur u pjanist;
  • Artur Loureiro (1853-1932), pittur, għex u ħadem f'Porto;
  • António Nobre (1867-1900), poeta, ippubblika Só fl-1892, kollezzjoni ta' poeżiji;
  • Abigail de Paiva Cruz (1883-1944), pittriċi naturalista, skultriċi u attivista femminista;
  • Guilhermina Suggia (1885-1950), vjolinċellist, għex u ħadem fir-Renju Unit għal bosta snin;
  • Armando de Basto (1889-1923), pittur, illustratur, skultur u dekoratur;
  • Aurora Teixeira de Castro (1891-1931), femminista, nutar u xeneġġatriċi;
  • Manoel de Oliveira (1908-2015), reġista u xeneġġatur tal-films;
  • Sophia de Mello Breyner Andresen (1919-2004), poeta u kittieba;
  • Ana Hatherly (1929-2015), poeta, artista viżiva, saġġista, produttur tal-films, pittriċi u kittieba;
  • Álvaro Siza Vieira (twieled fl-1933), arkitett u edukatur tal-arkitettura;
  • Maria Antónia Siza (1940-1973), artista;
  • Alexandre Quintanilha (twieled fl-1945), xjenzat, akkademiku u politiku;
  • Sérgio Godinho (twieled fl-1945), kantant-kantawtur, kompożitur, attur, poeta u awtur;
  • Armando Pombeiro (twieled fl-1949), inġinier kimiku;
  • Miguel Sousa Tavares (twieled fl-1952), avukat, ġurnalist u kittieb;
  • Eduardo Souto de Moura (twieled fl-1952), arkitett u akkademiku;
  • Rui Reininho (twieled fl-1955), kantant, vokalista ewlieni ta' grupp rock, GNR;
  • Jorge Chaminé (twieled fl-1956), baritonu tal-opri;
  • Richard Zimler (twieled fl-1956), rumanzier, jgħix u jaħdem f'Porto;
  • Pedro Abrunhosa (twieled fl-1960), kantant, kantawtur, mużiċist u kompożitur;
  • J. K. Rowling (twieldet fl-1965), kittieba li għallmet l-Ingliż bħala lingwa barranija f'Porto u għexet hemmhekk fl-1991-1993;
  • Armindo Freitas-Magalhães (twieled fl-1966), psikologu u xjenzat;
  • Mónica de Miranda (twieled fl-1976), artista viżiva, fotografa, produttur tal-films u riċerkatriċi;
  • Abel Pereira (twieled fl-1978), mużiċist tal-kurunetta klassika;
  • Luciana Abreu (twieled fl-1985), kantanta, attriċi u ospitanta televiżiva;
  • Sara Sampaio (twieled fl-1991), supermudella;
  • Cláudia Pascoal (twieled fl-1994), mużiċista.

Negozju

  • Charles Augustus Howell (1840-1890), negozjant tal-arti u allegatament rikattatur;
  • Fernando Van Zeller Guedes (1903-1987), kofundatur ta' Sogrape, l-ispirazzjoni tal-inbid rożè Mateus;
  • Belmiro de Azevedo (1938-2017), imprenditur, industrijalista u fundatur ta' Sonae;
  • Paulo de Azevedo (twieled fl-1965), negozjant, iben u suċċessur ta' Belmiro de Azevedo;
  • José Neves (twieled fl-1974), imprenditur biljunarju u fundatur ta' Farfetch.
Thumb
Rosa Mota, 2012.

Sport

  • Jorge Nuno Pinto da Costa (twieled fl-1937), il-President ta' FC Porto;
  • Humberto Coelho (twieled fl-1950), plejer tal-futbol;
  • Fernando Gomes (twieled fl-1956), plejer tal-futbol;
  • Rosa Mota (twieled fl-1958), marathon runner, Olympic winner
  • Nuno Marques (twieled fl-1970), tennista;
  • Jorge Costa (twieled fl-1971), football player and manager
  • João Pinto (twieled fl-1971), plejer tal-futbol;
  • Miguel Ramos (twieled fl-1971), racing driver
  • Ricardo Sá Pinto (twieled fl-1972), football player and manager
  • Tiago Monteiro (twieled fl-1976), racing driver
  • Petit (twieled fl-1976), football player and manager
  • André Villas-Boas (twieled fl-1977), football manager
  • Bruno Alves (twieled fl-1981), plejer tal-futbol.
  • Raul Meireles (twieled fl-1983), plejer tal-futbol.
  • Diogo Leite (twieled fl-1989), plejer tal-futbol.
  • João Mário (twieled fl-1993), plejer tal-futbol.
  • Diogo Jota (twieled fl-1996), plejer tal-futbol.
Remove ads

Referenzi

Loading related searches...

Wikiwand - on

Seamless Wikipedia browsing. On steroids.

Remove ads