Willemstad
il-belt kapitali ta' Curaçao From Wikipedia, the free encyclopedia
Remove ads
Willemstad (pronunzja: /ˈwɪləmstɑːt, ˈvɪl-/ WIL-əm-staht, VIL-, Dutch: [ˈʋɪləmstɑt], bil-Papiamento: [wiləmˈstad]; li tfisser litteralment "il-Belt ta' William") hija l-belt kapitali u l-ikbar belt ta' Curaçao, gżira fin-Nofsinhar tal-Baħar Karibew li jagħmel parti mar-Renju tan-Netherlands. Kienet il-belt kapitali tal-Antilli tan-Netherlands qabel ma xoljew fl-2010. Il-belt għandha madwar 90 % tal-popolazzjoni ta' Curaçao, b'136,660 abitant fl-2011.[1] Iċ-ċentru storiku tal-belt jikkonsisti minn erba' kwartieri: il-Punda u l-Otrobanda, li huma sseparati minn xulxin mill-Bajja ta' Sant'Anna, qala li tagħti għall-port naturali kbir magħruf bħala Schottegat, kif ukoll il-kwartieri ta' Scharloo u ta' Pietermaai Smal, li jinsabu faċċata ta' xulxin fil-port iżgħar ta' Waaigat. Willemstad tospita s-sinagoga ta' Curaçao, l-eqdem sinagoga fl-Amerki. Iċ-ċentru tal-belt, bl-arkitettura unika u bid-daħla tal-port, tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[2]
Remove ads
Storja
Il-kwartier ta' Punda ġie stabbilit fl-1634, meta l-Kumpanija Olandiża tal-Punent tal-Indja ħatfet il-gżira mingħand Spanja. L-isem oriġinali ta' Punda kien de punt bl-Olandiż. Il-belt inbniet bħala belt iffortifikata.[3] F'qasir żmien żviluppat f'wieħed miċ-ċentri ewlenin tal-kummerċ Atlantiku tal-iskjavi li wassal għal tkabbir rapidu fil-popolazzjoni.[4] Fl-1674 inbniet is-sinagoga ta' Curaçao mil-Lhud Portugiżi Sefardiċi minn Amsterdam u minn Recife, il-Brażil li kienu insedjaw il-belt bħala kummerċjanti.[5] Fl-aħħar tas-seklu 17, kien hemm iktar minn 200 dar fi ħdan is-swar tal-belt.
Fl-1675 ġie deċiż li jinbena r-raħal ta' Pietermaai 'l barra mill-belt iffortifikata. Dan kellu jkun separat mill-belt b'żona ta' madwar 500 metru li fihom il-kostruzzjoni ma kinitx permess sabiex ma jiġux ostakolati l-kanuni tal-Forti ta' Amsterdam.[6] Fl-1707 ġie stabbilit is-subborg ta' Otrobanda. Otrobanda sar iċ-ċentru kulturali ta' Willemstad iktar 'il quddiem. L-isem tiegħu oriġina mill-Papiamento otro banda, li tfisser "in-naħa opposta".[4] Imbagħad ġie stabbilit is-subborg ta' Scharloo, madankollu Willemstad baqgħet tesperjenza t-tkabbir. Sal-1818, il-popolazzjoni ta' Willemstad kienet kibret għal 9,536 ruħ. Fit-13 ta' Mejju 1861, ittieħdet deċiżjoni li s-swar tal-belt jitwaqqgħu, u nbnew djar residenzjali fl-ispazju li kien jissepara lil Willemstad u Pietermaai.[7]
Għall-ħabta tal-1925, it-tkabbir fl-industrija taż-żejt u tal-fosfati kompla jixpruna iktar tkabbir, u rriżulta fil-ħolqien ta' viċinati ġodda.[8] Bejn l-1945 u l-1955, Julianadorp u Emmastad inħolqu minn Royal Dutch Shell biex jospitaw ħaddiema ġodda.[9] Fl-1985, ir-raffinerija taż-żejt li kienet timpjega 12,000 ruħ ingħalqet minn Shell. Il-Gvern ta' Curaçao ddeċieda li jixtri r-raffinerija għal ƒ 1.00 u ħa r-responsabbiltà li jindirizza kull ilment ta' tniġġis fil-ġejjieni. Fl-1986, ir-raffinerija nkriet lil PDVSA tal-Venezwela, u reġgħet infetħet fuq skala limitata. Fl-2017, PDVSA ġiet affettwata minn sanzjonijiet punittivi tal-Gvern tal-Istati Uniti, u saru tentattivi biex ir-raffinerija tiġi ssekwestrata.[10]
Fit-30 ta' Mejju 1969, ir-rewwixta ta' Curaçao, strajk fir-rigward ta' subkuntrattur tar-raffinerija taż-żejt, spiċċat f'irvell li wassal għal żewġ imwiet, 300 arrest u parti miċ-ċentru storiku ngħata n-nar. Il-Korp Marittimu Militari tan-Netherlands intbagħat lejn Willemstad u ċ-ċentru storiku kollu tal-belt ingħalaq.[11] Fl-1997, iċ-ċentru storiku ta' Willemstad u l-eks subborgi tal-belt tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2][12] Fis-seklu 21 inbeda programm ta' rinnovazzjoni fuq skala kbira.[13][14]
Remove ads
Sit ta' Wirt Dinji
Iż-Żona Storika ta' Willemstad, iż-Żona Interna tal-Belt u l-Port, Curaçao ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2]

Remove ads
Ekonomija
Avjazzjoni
Jetair Caribbean, il-linja tal-ajru ewlenija ta' Curaçao, għandha s-sede korporattiva tagħha fi Pjazza Maduro.[15]

Turiżmu
It-turiżmu huwa industrija ewlenija u l-belt fiha diversi casinos u l-port tagħha jilqa' l-bastimenti tal-kruċieri. Iċ-ċentru tal-belt ta' Willemstad fih firxa wiesgħa ta' arkitettura kolonjali li hija influwenzata minn stili Olandiżi. Hemmhekk ġiet żviluppata wkoll r-riċerka arkeoloġika.[16] Il-belt fiha wkoll diversi bajjiet bħall-Bajja ta' Baya.[17]
Industrija
Minħabba l-pożizzjoni tagħha qrib id-depożiti taż-żejt tal-Venezwela, l-istabbiltà politika tagħha u l-port naturali fond tagħha, Willemstad saret is-sit ta' port marittimu u raffinerija importanti. Il-port ta' Willemstad huwa wieħed mill-ikbar portijiet tal-kummerċ taż-żejt fil-Karibew. Ir-raffinerija, li fl-imgħoddi kienet l-ikbar waħda fid-dinja, oriġinarjament inbniet u kienet taqa' taħt is-sjieda ta' Royal Dutch Shell fl-1915.[18]
L-erba' kumpaniji li kienu jikkostitwixxu l-operazzjoni tar-raffinar ta' Royal Dutch Shell:[19] ir-raffinerija, il-bunkering taż-żejt, il-kumpanija tat-tugboats (KTK) u d-distribuzzjoni lokali tal-prodotti tar-raffinerija (CurOli/Gas) inbigħu lill-gvern ta' Curaçao fl-1985 għas-somma simbolika ta' guilder wieħed għal kull kumpanija, u issa l-jeddijiet inkrew lil PDVSA, il-kumpanija taż-żejt tal-Venezwela b'sjieda tal-istat.[20] Schlumberger, l-ikbar kumpanija fid-dinja fil-qasam tas-servizzi tad-depożiti taż-żejt għandha s-sede tagħha f'Willemstad.

Servizzi finanzjarji
Bosta istituzzjonijiet finanzjarji għandhom is-sede tagħhom f'Willemstad minħabba l-politiki favorevoli tat-taxxa ta' Curaçao.
Edukazzjoni
L-Università ta' Curaçao hija l-università nazzjonali ta' Curaçao u tinsab f'Willemstad.[21] L-Iskola Universitarja tal-Mediċina ta' Avalon tinsab f'Willemstad ukoll, flimkien mal-Università Medika tal-Karibew, li tinsab qrib iċ-ċentru tal-belt.[22]
Sport

Il-plejer tal-Major League Baseball Jair Jurrjens, Wladimir Balentien, Jurickson Profar, Andruw Jones, Ozzie Albies, Kenley Jansen, Jonathan Schoop u Andrelton Simmons twieldu f'Willemstad.
Il-plejer notevoli tat-tennis Jean-Julien Rojer twieled f'Willemstad.
Enith Brigitha, għawwiema rebbieħa tal-medalja tal-bronż li rrappreżentat lin-Netherlands fil-Logħob Olimpiku tas-sajf twieldet f'Willemsted. Hija kienet ukoll l-ewwel atleta ta' karnaġjon sewda li rebħet medalja fl-għawm fil-Logħob Olimpiku.
Fl-1985, Willemstad ospitat il-Curaçao Grand Prix tal-Formula 3000. It-tellieqa ntrebħet mis-sewwieq Daniż John Nielsen. It-tim ta' Pabao Little League ħa sehem f'disa' Little League World Series, u rebaħ fl-2004. It-tim rebaħ it-titlu ta' Ċampjins Internazzjonali fl-2005, fl-2019, fl-2022 u fl-2023. Fl-2008, tim ieħor ta' Pabao Little League rebaħ il-Junior League World Series, wara li rebaħ kontra ċ-ċampjins tar-Reġjun tal-Amerka Latina, u mbagħad kontra ċ-ċampjins tar-Reġjun tal-Asja u l-Paċifiku, u kontra ċ-ċampjins tar-Reġjun tal-Messiku, u finalment kontra ċ-ċampjins tal-Istati Uniti (ir-Reġjun tal-Punent), Hilo American/National LL (Hilo, Hawaii), 5–2.
Remove ads
Infrastruttura
Ajruport
Willemstad hija moqdija mill-Ajruport Internazzjonali ta' Curaçao, li jinsab 12-il kilometru (7.5 mili) fit-Tramuntana tal-belt, u li kull sena jintuża minn madwar 2 miljun passiġġier.

Pontijiet
Punda u Otrobanda huma kkollegati permezz tal-Pont tar-Reġina Emma. Għalkemm għadu jintuża, illum il-ġurnata l-biċċa l-kbira tat-traffiku issa juża l-Pont tar-Reġina Juliana li nbena fl-1967 (ġie rikostruwit fl-1974) fl-għoli sew fuq il-bajja iktar 'il ġewwa. Fil-qrib hemm ukoll il-pont li kien jitla' u jinżel tar-Reġina Wilhelmina li ma għadux operattiv.
Remove ads
Ġeografija
Klima
Remove ads
Nies notevoli
- Kemy Agustien, plejer tal-futbol;[23]
- Ozzie Albies, plejer tal-Major League Baseball;
- Tahith Chong, plejer tal-futbol;
- Rebecca Cohen Henriquez, attivista;[24]
- Guliano Diaz, eks plejer professjonali tal-futbol;
- Luigison V. Doran, plejer tal-futbol;
- Jan Helenus Ferguson, Gvernatur kolonjali tal-Kosta tad-Deheb Olandiża;[25]
- Elson Hooi, plejer tal-futbol;[26]
- Jacky Jakoba, plejer tal-baseball;[27][28]
- Andruw Jones, plejer tal-baseball;[29]
- George Maduro, membru tar-reżistenza tat-Tieni Gwerra Dinjija li ngħata l-Ordni Militari ta' William;
- Manuel Piar, Kap Ġeneral tal-armata matul il-Gwerra tal-Indipendenza tal-Venezwela;
- Jean-Julien Rojer, plejer tat-tennis;
- Gerrit Schotte, l-ewwel Prim Ministru ta' Curaçao;
- Jonathan Schoop, plejer tal-baseball;[30]
- Kenley Jansen, pitcher tal-Major League Baseball;
- Luis Brión, Ammirall matul il-Gwerra tal-Indipendenza tal-Venezwela;
- Jurickson Profar, plejer tal-Major League Baseball.
Remove ads
Gallerija
- Colorful historic part of Willemstad
- Buildings in historic area of Willemstad
- Banco di Caribe
- Historic Area of Willemstad, Inner City and Harbour was declared World Heritage Site by UNESCO in 1997
- Queen Emma floating bridge in Willemstad
- Queen Emma Bridge by night
- Penha Building, built in 1708
- The Queen Juliana Bridge over St. Anna Bay in Willemstad, Curaçao
Referenzi
Wikiwand - on
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Remove ads